Malta tkun intrabtet li fl-10 snin li ġejjin tibda’ tonfoq €biljun fis-sena – 5% tal-ġid nazzjonali (€22 biljun) – fuq l-armamenti kieku tkun membru tan-NATO, l-alleanza militari mmexxija mill-Istati Uniti.
Ix-xahar li għaddha fl-Olanda l-membri tan-NATO qablu li jonfqu 5% tal-ġid nazzjonali tagħhom fuq il-militar sal-2035.
Biex iżidu n-nefqa fuq il-militar se jnaqqsu n-nefqa fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, id-djar u s-servizzi soċjali.
Malta hija kostituzzjonalment newtrali. Ma tistax tkun f’alleanza militari u ma jistax ikollha bażijiet militari barranin. Għadha mhix fin-NATO għalkemm qed ikomplu jittieħdu passi biex Malta żżid is-sehem politiku u militari fin-NATO.
Kontra l-gwerra
Immiraw li dis-sena jirreklutaw 5,000 żgħażagħ fl-Armata Ġermaniża imma s’issa 500 biss applikaw. Il-ġenituri Ġermaniżi ma jridux lill-uliedhom jidħlu suldati.
Bħalissa l-Armata Ġermaniża għandha 181,500 suldati u sal-2031 qed timmira li jkollha 203,000.
Għandha nuqqas kbir ta’ piloti, speċjalisti fl-IT, inġiniera fl-elettriku u ħiliet oħra. Għalkemm tejbet il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħlas biex tagħmel karriera militari iżjed attraenti, iż-żgħażagħ mhux qed jagħżlu li jidħlu fl-armata u qed ifittxu u jsibu karrieri oħra li għalihom hemm bżonn ħafna nies ukoll.
Ir-rata ta’ twelid fil-Ġermanja hija 1.35, l-aktar baxxa fl-aħħar 10 snin. Jekk ma jġibux immigranti se tibqa’ tikber l-iskarsezza ta’ ħaddiema f’oqsma vitali.
Fil-gvern Ġermaniż hemm nuqqas ta’ qbil dwar x’se jagħmlu biex jirreklutaw il-50,000 żgħażagħ li għandhom bżonn għall-armata. Hemm min irid iġib il-lieva lura biex iż-żgħażagħ kollha jkollhom iservu bilfors fl-armata għal xi żmien. Imma hemm min ma jaqbilx u lest iwaqqa’ l-gvern ta’ koalizzjoni jekk jibqa’ jinsisti li jdaħħal il-lieva.
Stejjer ta’ tbatija
Ħabib irrakkuntali minn xhiex għadda avukat Ingliż ta’ 45 sena li ddeċieda li jtemm ħajtu għax ma riedx jibqa’ jgħix għall-bqija ta’ ħajtu paralizzat wara li tagħtu puplesija qabel beda maratona f’Sydney.
Kien jagħti każ ħafna saħħtu u dejjem jittrenja biex ikun jista’ jieħu sehem f’maratoni differenti f’pajjiżi diversi matul is-sena.
Ħadha ħażin ħafna li spiċċa paralizzat, in-naħa xellugija kważi għal kollox. Ma baqax jinftiehem meta jitkellem. Dejjem stendut iħares lejn is-saqaf.
Ippruvawlu ħafna kuri u programmi ta’ fiżjoterapija iżda ma ħallewx l-effett mixtieq.
Lill-mara beda jindikalha li ma jridx jibqa’ jgħix f’dik is-sura għax la ried jibqa’ stendut ma jiċċaqlaqx għall-bqija ta’ ħajtu u lanqas ried ikun piż għaliha ħajtu kollha meta kienet għadha fl-aħjar ta’ ħajjitha.
Il-mara qaltlu li lesta tibqa’ miegħu ħajjitha kollha. Bdiet iġġiblu diversi psikjatri biex toħorġu mid-dipressjoni u d-disprament li waqa’ fihom.
Qalilha li jixteq imur l-Isvizzera u jara s-servizz li joffru hemm għal min irid itemm ħajtu.
Anki hemmhekk spjegawlu li jrid japplika, irid jgħaddi ż-żmien biex ikollu ċ-ċans jerġa’ jaħsibha. Laqqgħuh ukoll ma’ psikjatri biex jiddiskuti kif qed iħossu li tilef kull tama u xewqa li jibqa’ jgħix.
Baqa’ jinsisti li ma jiflaħx jibqa’ jgħix kważi paralizzat għal kollox. Wara sentejn temm ħajtu fi klinika apposta fl-Isvizzera.
Din il-ġrajja vera turina kemm kull persuna għandha l-istorja tagħha u ma tistax taqta’ linja dritta li tgħodd għal kulħadd. Dak li jgħodd għal persuna ma jgħoddx għal persuna oħra.
Jien stess naf b’persuna paralizzata minn għonqha ‘l isfel li b’ħafna tbatija rnexxielha tegħleb id-disprament, sabet l-appoġġ meħtieġ, kapaċi titkellem u b’għajnejha tħaddem il-komputer, u baqgħet tistudja biex illum tgħin persuni oħra jiffaċċjaw il-problemi fil-ħajja tagħhom u jsibu sens f’ħajjithom.
Imma kull persuna hija differenti, faċli tiġġudika u aktar diffiċli tħoss għal min qed isofri u trid tipprova tpoġġi lilek fis-sitwazzjoni ta’ dak li jkun biex forsi tibda tifhem.
Torċa 13 Lulju 2025