You are currently viewing Kif ikun pajjiż bil-għaqal

Kif ikun pajjiż bil-għaqal

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

“Huwa d-dmir tiegħi u d-dritt tiegħi li nitkellem meta nara pajjiżi jagħmel affarijiet li jistgħu jagħmlulu ħsara.

Hekk jgħid id-diplomatiku Amerikan Chas Freeman. Jemmen li kull min iħobb lill-pajjiżu għandu jagħmel hekk.

Jemmen li kull pajjiż serju, kbir u żgħir, għandu x’jitgħallem minn dak li jgħid il-ħassieb Ċiniż Laozi li għex 2700 sena ilu:

“Pajjiż bil-għaqal huwa bħal raġel bil-għaqal:

Meta jagħmel xi żball, jinduna li għamel żball.

La jinduna, jammetti.

La jammettih, isewwih.

Lil dawk li jgħidulu bin-nuqqasijiet tiegħu jqishom għalliema li jixtiequlu l-ġid…”

Biex ikollok pajjiż bil-għaqal, irid ikollok gvern bil-għaqal, oppożizzjoni bil-għaqal, qrati bil-għaqal, korp tal-pulizija bil-għaqal, regulaturi bil-għaqal, edukaturi bil-għaqal, ġenituri bil-għaqal, ġurnalisti bil-għaqal u fuq kollox ċittadini bil-għaqal u jieħdu sehem u jappoġġaw deċiżjonijiet serji u bil-għaqal u jieħduha kontra n-nuqqas ta’ għaqal.

Biex ikun bil-għaqal, pajjiż għandu bżonn li kull ħolqa tal-katina tkun bil-għaqal u s-saħħa tal-katina tiddependi minn kull ħolqa. Kull ħolqa dgħajfa u bla għaqal iddgħajjef lill-katina kollha.

Chas Freeman għandu esperjenza twila fil-Lvant Nofsani, fl-Asja, fl-Afrika u fl-Ewropa.

Jaħdem favur diplomazija fejn il-pajjiżi jippruvaw jifhmu lil xulxin u jaraw kif jistgħu jaħdmu flimkien flok jiġġieldu ma’ xulxin u jużaw l-armamenti flok l-argumenti.

Huwa spiss jikkritika l-politika barranija Amerikana għax iqisha arroganti u lesta tuża’ l-gwerra u d-dollaru biex iġġiegħel pajjiżi jagħmlu li trid hi, anki meta kontra l-interessi tagħhom.

Chas Freeman huwa eżempju tajjeb għalina lkoll. Tajjeb li għax inħobbu lill-pajjiżna u nixtiqulu l-ġid nitkellmu meta jsiru affarijiet li jagħmlulu ħsara, għax nixtiequ li jissewwew.

Il-President turi t-triq

“Għandna l-kwalitajiet neċessarji biex jirnexxilna ntejbu dak li hemm bżonn jitjieb u nagħmlu Malta aħjar għal uliedna u wlied uliedna. Ejjew nagħmlu dan flimkien.”

B’dan il-kliem Myriam Spiteri Debono għalqet l-ewwel diskors bħala President tagħna.

Huwa diskors tajjeb ħafna li għandu jispirana biex naħdmu ħalli nagħmlu pajjiżna aħjar.

Il-President Myriam Spiteri Debono qaltilna fejn għandna naħdmu flimkien aħjar:

– Inħaddmu l-politika tad-djalogu, tal-persważjoni, tal-kompromess … billi nifhmu lil xulxin u naraw x’jinkwieta lil kull min jintlaqat mid-deċiżjonijiet li jittieħdu

– Nibdlu l-liġi elettorali biex anki l-partiti ż-żgħar ikollhom rappreżentanza fil-parlament

– Inkunu ġenerużi man-nies tagħna li jkollhom bżonn u mal-barranin – kemm dawk li ġew ifittxu ħajja aħjar jaħdmu fostna kif ukoll dawk li jfittxu kenn hawn – inħaddnuhom magħna u nifhmuhom

– Nieħdu l-affarijiet bis-serjeta’ u b‘mod dixxiplinat u nitgħallmu naħsbu bil-għaqal u nieħdu deċiżjonijiet tajbin għall-ġid ta’ kulħadd

– Nitgħallmu napprezzaw is-sbuħija naturali ta’ pajjiżna u ma nkomplux nhedduha, insiru nħobbu iżjed il-kultura, l-istorja, l-identita’ tagħna, il-letteratura tagħna u lsienna

– Nirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem bl-imġiba tagħna fil-ħajja ta’ kuljum 

– Inħarsu n-newtralita’ tagħna u naħdmu għall-paċi, is-sigurta’ u l-progress soċjali fid-dinja

– Insaħħu l-edukazzjoni u s-saħħa għal kulħadd u nneħħu l-preġudizzji dwar is-saħħa mentali 

– Infejqu l-marda tal-kilba għall-flus li hi agħar mill-vizzju tad-droga għax bid-droga teqred lilek innifsek izda bil-gula għall-flus tħassar is-soċjeta’ kollha

– Inwettqu r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesti pubbliċi dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-mewt ta’ Jean Paul Sofia

– Insaħħu l-media bħala pilastru ewlieni tad-demokrazija

– Nieħdu bis-serjeta’ r-raġunijiet li għalihom in-nies jipprotestaw fit-toroq

– Fejn niżbaljaw, nammettu u nibdlu r-rotta

– Infejqu l-politika biex ma nbiegħdux iżjed nies – l-aktar liż-żgħażagħ – minnha għax se nbatu biex insibu mexxejja

– Naraw fejn għandna nbiddlu l-Kostituzzjoni

– Naħdmu lkoll flimkien bħala poplu biex pajjiżna jiġbed investiment ġdid

– Nagħmlu li hemm bżonn biex il-poplu jikseb fiduċja fil-qrati u fil-pulizija

– Innaqqsu l-partiġġjaniżmu u nuru li għalina l-imħabba għal Malta u niesha tiġi l-ewwel u qabel kollox, qabel il-partiti.

Fis-sistema tagħna l-President turi t-triq biss tista’, mhix is-sewwieq. Fil-verita’ ħadd mhu sewwieq waħdu.

F’demokrazija s-sewqan isir minn ħafna istituzzjonijiet u oqsma differenti u allura aktar ikkumplikat u jkun hemm min irid isuq f’direzzjoni differenti u min irid isuq bil-mod u min irid imur lura flok ‘il quddiem. Aktar ma s-sewqan isir bil-għaqal u flimkien, aktar nimxu tajjeb fi vjaġġ li qatt ma jista’ jkun faċli jew linja dritta.

Torċa 21 April 2024 Laozi u pajjiżi bil-għaqal