You are currently viewing X’hemm bżonn fejn tgħix?

X’hemm bżonn fejn tgħix?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

Fil-ġurnal IL-ĦMAR tal-15 ta’ Diċembru ta’ l-1917 naqraw dawn il-versi satiriċi dwar X’HEMM BŻONN IL-ĦAMRUN:

Hemm bżonn ilna nitolbu

Jagħmlilna pixxatur

Mhux biex tagħmel ftit ilma

Id-dar ikollok tmur!

Hemm bżonn fil-pjazza tagħna

Jagħmlilna l-bankijiet

Bħal m’hemm fil-pjazez kollha

Ta’ rħula u ta’ l-ibliet.

Hemm bżonn illi l-fanali

Ma jħallihomx mitfija

Imqar inemnmu, almenu

Tkun taf trieqtek fejn hija.

Hemm bżonn, il-gvern, hemm toroq

Jeħodhom fis f’idejh,

Għaliex kif huma jista’

Xi ħadd jikser riġlejh…

Hemm bżonn jiġu mismugħa,

Dawn it-talbiet ċkejknin,

Mhux bħal kulħadd inħallsu

It-taxxi u minsijin!!!

107 sena ilu r-residenti ma kellhomx kunsilli lokali biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom. Bil-kemm kelllna kunsill nazzjonali biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-poplu tagħna għax konna kolonja u l-Gvern Imperjali kien imexxi lill-pajjiżna kif jaqbillu militarment l-Imperu u mhux għall-ġid tal-poplu.

Illum għandna l-kunsilli lokali. Fihom nies li jimpenjaw ruħhom b’ħafna sagrifiċċji għall-ġid tal-komunita’. Jaraw x’jagħmlu biex isebbħu u jtejbu l-komunita’ li jservu.

Jixtiequ l-mezzi biex jieħdu ħsieb aħjar il-bżonnijiet tar-residenti.

Pajjiż ċkejken isibha iżjed diffiċli biex jinqasam f’ħafna biċċiet iċken biex jipprovdi s-servizzi meħtieġa fil-komunita’. Irid jinstab bilanċ bejn xi jsir f’livell lokali u f’dak nazzjonali.

Jekk il-kunsilli lokali jispiċċaw iservu l-aktar biex jiġbru l-ilmenti tar-residenti u dawn l-ilmenti ma jiġux solvuti, tintilef il-fiduċja kemm mir-residenti kif ukoll mill-kunsilliera.

Il-kunsilli lokali jaħdmu f’realta’ akbar minnhom li ħafna drabi m’għandhomx kontroll fuqha anki jekk jispiċċaw jeħlu huma b’dak li ma jogħġobx lir-residenti.

Tajjeb li naraw kif jistgħu jaħdmu aħjar flimkien bejniethom u mal-istrutturi nazzjonali għall-ġid tar-residenti.

Meta nċedu nsiru kolonja

Issa li ilna 20 sena li dħalna fl-Unjoni Ewropea żgur li għandna naraw kif naħdmu aħjar għall-ġid tal-poplu tagħna. Meta dħalna fl-Unjoni Ewropea, il-pass kien biex inmorru żl quddiem u nieħdu sehem fit-tmexxija mal-istati membri oħra. Ma kellux ikun pass lura li nerġgħu nsiru kolonja fejn nitmexxew minn Brussel flok Londra.

Meta fl-istituzzjonijiet Ewropej jittieħdu deċiżjonijiet li jolqtuna ħażin għax ma jagħtux każ il-bżonnijiet partikulari tagħna, ma jkunx tort tal-Unjoni Ewropea. Ikun tort tagħna.

Minkejja l-isfidi kbar li aħna l-iċken stat fl-Unjoni Ewropea u mhux faċli nlaħħqu max-xogħol kollu fit-tfassil u teħid ta’ deċiżjonijiet li jolqtuna fil-ħajja ta’ kuljum, huwa dmirna li niffukaw fuq dak li hu importanti ħafna għalina u naraw li d-deċiżjonijiet jintagħġnu b’mod li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħna.

Gvern, Parlament Malti, Parlament Ewropew, Dar Malta fi Brussel, il-Prim Ministru u l-Ministri, id-dipartimenti tal-gvern, is-settur privat u l-unions irridu naħdmu flimkien biex id-deċiżjonijiet ma jittieħdux mingħajrna u jagħtu każ il-bżonnijiet tagħna.

Meta ma nagħmlux hekk inkunu qed inġibu ruħna ta’ kif kienet il-politika lokali meta konna kolonja u d-deċiżjonijiet ewlenin dwar pajjiżna kienu jittieħdu Londra, kienu riservati għal Londra u aħna ma stajniex nieħdu sehem fihom. Kienu jittieħdu fl-interess tal-Imperu Britanniku u mhux għall-ġid tal-poplu Malti. Il-Kunsill tal-Gvern li kellna kien qisu Kunsill Lokali għall-affarijiet lokali biss.

Kull meta nċedu l-armi u ninġarru mal-kurrent, inkunu qed inġibu ruħna ta’ kolonja u l-indipendenza u s-sovranita’ jkunu parti mill-folklor politiku tagħna.

3 fi-mija biss bil-vot

L-ewwel darba li ftit Maltin ingħataw id-dritt jivvotaw għall-Kunsill tal-Gvern kien fl-elezzjoni li saret bejn l-10 u l-14 ta’ Awwissu 1849.

Minn popolazzjoni ta’ madwar 123,000, setgħu jivvotaw biss 3,767 ruħ: 3,486 f’Malta u 281 f’Għawdex.

Kellhom il-vot ftit aktar minn 3 fil-mija. Kellhom il-vot l-irġiel biss, li jkunu għalqu l-21 sena, riedu jkunu jafu bl-Ingliż jew bit-Taljan, li jdaħħlu renta ta’ 100 skud (madwar €10) fis-sena mill-propjeta’ jew li jħallsu kera ta’ 50 skud (madwar €5) jew kellhom sehem f’xi kumpannija tan-negozju bi sħab ma’ min kellu d-dritt jivvota.

Dan is-sehem ċkejken ħafna tal-Maltin fit-tmexxija ta’ pajjiżhom juri xi tfisser tkun kolona maħkuma minn pajjiż ieħor.

Juri wkoll soċjeta’ fejn in-nisa kienu meqjusa inqas mill-irġiel u fejn ħafna kienu jgħixu fil-miżerja u jitħallew bla skola. 97 fil-mija tal-poplu Malti  kienu mwarrba għal kollox.

Il-Kunsill kellu jkun fih 18-il persuna. Minnhom 8 biss kienu jiġu eletti mill-ftit Maltin u Għawdxin li kellhom il-vot. 7 kienu jirrappreżentaw lil Malta u wieħed lill-Għawdex. 

10 kienu jiġu maħtura mill-Gvernatur Britanniku.

Biex jiżgura li l-Kunsill ma jmurx kontra l-interessi tal-Imperu, il-Kunsill minbarra li kellu l-maġġoranza maħtura mill-Gvernatur, seta’ jiddiskuti biss affarijiet ta’ nteress lokali. Il-bqija d-deċiżjonijiet il-kbar kienu jittieħdu kollha Londra.

Ma setgħux jiddiskutu affarijiet li għandhom x’jaqsmu mar-reliġjon mingħajr il-permess tal-Gvernatur.

Dak -iż-żmien il-partiti politiċi kien għadhom ma twieldux u l-kandidati kienu joħorġu kollha għal rashom.

Fl-elezzjoni ta’ 175 sena ilu kienu ħarġu jivvotaw 88 fil-mija: 3,056 f’Malta u 259 f’Għawdex.

Torċa 23 Ġunju 2024