You are currently viewing X’dinja ġdida qed titwieled?

X’dinja ġdida qed titwieled?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Tariffi. Kelma li qed nisimgħu ħafna dwarha f’dawn iż-żminijiet. Tariffa hija taxxa li timponi fuq prodotti ġejjin minn pajjiżi oħra għal diversi raġunijiet. It-taxxa jħallasha min jixtri l-prodotti u jiġborha l-gvern. Ifisser li min imur jixtri se jsib prezzijiet ogħla milli kienu qabel daħlu t-tariffi.

Il-President Amerikan Donald Trump jgħid li qed jimponi dawn tariffi biex jipproteġi lill-Istati Uniti u l-konsumaturi Amerikani jixtru prodotti Amerikani flok barranin. Waqt li t-tariffi daħlu b’mod immedjat, il-prodotti milquta mhux qed jiġu maħduma fl-Istati Uniti. Għax ħafna investituri Amerikani kienu marru jiftħu fabbriki f’pajjiżi oħra b’pagi aktar baxxi u kienu jesportaw il-prodotti lejn l-Istati Uniti. L-Amerikani kien jaqblilhom għax sabu prodotti orħos milli kieku maħduma fl-Istati Uniti stess. Min-naħa l-oħra spiċċaw ħafna industriji fl-Istati Uniti u fejn għalqu spiċċaw ħafna nies bla xogħol.

Żmien perikoluż

Trump jgħid li bit-tariffi jrid jikkonvinċi lill-investituri biex jiftħu fabbriki fl-Istati Uniti stess biex joħolqu x-xogħol flok jixtru ħafna prodotti mill-bqija tad-dinja.

Ekonomisti Amerikani li ma jaqblux ma’ Trump jgħidu li dawn it-tariffi aktar se jweġġgħu lill-Istati Uniti milli lill-bqija tad-dinja. Se tgħolli l-ħajja għall-Amerikani, tweġġa lill-kumpaniji Amerikani li jesportaw il-prodotti lejn l-Istati Uniti. Se jaqta’ lill-Istati Uniti mill-bqija tad-dinja u jimbotta pajjiżi oħra biex ifittxu swieq ġodda għall-kummerċ ma’ xulxin.

Jgħidu li l-Istati Uniti għandha bżonn lill-bqija tad-dinja aktar milli l-bqija tad-dinja għandna bżonn lill-Istati Uniti għax dak li ma jbiegħux lill-Amerikani jistgħu jbiegħuh lill-pajjiżi oħra. Diġà bdew jitkellmu ma’ xulxin pajjiżi differenti kif se jagħmlu kummerċ ma’ xulxin flok mal-Istati Uniti. Trid is-snin biex tibni settur industrijali li jipproduċi dak li timporta. Trid tibni l-fabbriki, tħarreġ il-ħaddiema, tibni infrastruttura li tappoġġjahom. U sadattant x’se jagħmlu l-Amerikani biex isibu x’jixtru?

Sadattant id-dinja kollha daħlet fi żmien perikoluż kif kienet daħlet 90 sena ilu qabel it-Tieni Gwerra Dinjija li l-ewwel bdiet bħala gwerra kummerċjali u mbagħad żviluppat fi gwerra militari.

Fejn se jieqaf iċ-ċirku vizzjuż ta’ l-Istati Uniti timponi t-tariffi u pajjiżi oħra jirritaljaw u jimponu huma tariffi u passi oħra kontra tagħha?

Tmut id-dinja li konna nafu

Kienu l-kumpanniji Amerikani stess li kienu ddeċidew li jinvestu f’pajjiżi oħra b’pagi aktar baxxi u minn hemm jesportaw lejn l-Istati Uniti.

Fl-ewwel ġimgħatejn ta’ dan ix-xahar daħlu fis-sehh it-tariffi ta’ 10% li mpona il-President Amerikan Donald Trump fuq prodotti li tixtri l-Istati Uniti mill-bqija tad-dinja. Imbagħad daħlu t-tariffi ta’ 20% fuq prodotti ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Dawn żdiedu ma’ tariffi oħra mħabbra diġà fuq karozzi, partijit minnhom, l-azzar u l-aluminju.

Li hu żgur li Trump tefa’ lill-pajjiżu u lid-dinja f’oċean ta’ inċertezzi. Spiss jiddeċiedi mod. Imbagħad jiddeċiedi mod ieħor. Id-dinja kif konna nafuha fl-aħħar 80 sena, spiċċat. Għadna ma nafux x’dinja se teħdilha postha. Żgur se tkun differenti.

Kif se nintlaqtu?

70% tal-esportazzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’valur ta’ €380 biljun qed jintlaqtu mit-tariffi li mpona l-President Trump. Dik l-esportazzjoni tinkludi l-esportazzjoni minn Malta. Diversi kumpanniji f’Malta jesportaw prodotti ta’ semiconductors, mediċina u enerġija lejn l-Istati Uniti.

Dawn għalissa mhemmx tariffi fuqhom imma l-President Trump qal li qed jikkunsidra jagħmel tariffi fuq is-semi conductors u l-farmaċewtika. Malta mistennija tintlaqat iżjed direttament fil-qasam tas-servizzi.

Jidher li aħna aktar se nintlaqtu indirettament minn dawn it-tariffi minn kif tirritalja l-Unjoni Ewropea dwar dawn it-tariffi. Fil-jiem li ġejjin il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed titkellem mal-gvernijiet tal-pajjiżi membri biex janalizzaw, jiddiskutu u jiddeċiedu x’għandu jsir f’din ir-realtà ġdida li qed ngħixu.

Tajjeb li nippreparaw ruħna sew biex nipproteġu l-interessi nazzjonali tagħna mill-aħjar li nistgħu kemm kif nintlaqtu direttament fil-kummerċ tagħna mal-Istati Uniti u indirettament mill-kummerċ ta’ l-UE mal-USA.

Essenzjali li jkun hemm ħidma id f’id mas-settur privat. Kruċjali kif jirreaġixxu l-kumpanniji privati milquta. Qed jingħataw parir jistennew ftit u jirriflettu sewwa x’passi jieħdu u jibdew ifittxu sorsi ġodda ta’ mnejn iġibu l-materjal għall-prodotti tagħhom u fejn ibiegħu l-prodotti jekk ma jaqblilhomx ibiegħu iżjed fl-Istati Uniti.

Sadattant żgur għaqli għalina li nifirxu kemm nistgħu l-kummerċ, l-investiment, is-swieq mal-akbar numru possibbli ta’ pajjiżi oħra f’kontinenti differenti biex ma nkunux niddependu wisq minn xi pajjiż ieħor li jista’ jweġġagħna.

Torċa 20 April