You are currently viewing USS Liberty fit-tarzna ta’ Malta

USS Liberty fit-tarzna ta’ Malta

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:4 mins read

F’hiex u għaliex kien hemm min semma’ lit-tarzna ta’ Malta fil-gwerra ta’ bħalissa tal-Iżrael kontra l-Iran?

F’nofs Ġunju tal-1967 il-vapur tal-gwerra Amerikan USS Liberty daħal Malta għal tiswijiet kbar fit-tarzna wara li nhar il-Ħamis, 8 ta’ Ġunju 1967, kien ġie attakkat minn ajruplani tal-gwerra Iżraeljani li għamlulu ħafna ħsara u qatlu 34 Amerikan fuqu.

Dak iż-żmien l-Iżrael kien fi gwerra mal-Eġittu. L-Iżrael ried li l-Istati Uniti tidħol fil-gwerra miegħu kontra l-Eġittu. Biex jagħmel dan bagħat żewġ ajruplani tal-gwerra jattakkaw lill-US Liberty biex jeħel l-Eġittu li attakka vapur Amerikan tal-gwerra u hekk l-Istati Uniti tidħol fi gwerra kontra l-Eġittu.

L-Iżrael jiċħad li għamel din l-operazzjoni (li tissejjaħ ‘false flag operation’ meta xi ħadd jaħbi li għamel xi ħaġa biex iqarraq u jeħel ħaddieħor).

Din l-operazzjoni bdiet terġa’ tissemma’ bħalissa fil-gwerra tal-Iżrael kontra l-Iran. L-Iżrael ried li l-Istati Uniti tidħol direttament fil-gwerra kontra l-Iran.

Biex l-Iżrael jiżgura dan qamet il-mistoqsija jekk hux lest jagħmel operazzjoni ‘false flag’ kontra faċilitajiet u nies militari Amerikani fil-Lvant Nofsani biex jeħel l-Iran u l-Istati Uniti tissieħeb mal-Iżrael fil-gwerra kontra l-Iran. Imma ma kien hemm bżonn l-ebda ‘false flag operation’.

Dal-lejn l-Istati Uniti attakkat faċilitajiet nukleari fl-Iran u allura issa daħlet fil-gwerra direttament bil-periklu kbir li dan se jġib miegħu.

Fl-operazzjoni kontra l-USS Liberty li kienet qed tbaħħar qrib Ċipru, iż-żewġ ajruplani Iżraeljani li attakkaw ma kellhom ebda tagħrif fuqhom ta’ liema pajjiż kienu. L-Iżrael ma riedx li jinqabad li kienu tiegħu.

Imma l-piloti, xħin resqu biex jisparaw lejn il-vapur, indunaw li kien qed itajjar bandiera Amerikana u kellmu lill-kmand ċentrali tagħhom li l-vapur kellu bandiera Amerikana u allura żgur mhux tal-għadu. Mill-kmand ġiet l-ordni: sparaw xorta waħda.

Malli f’Washington saru jafu bl-attakk fuq il-USS Liberty waħħlu mill-ewwel fl-Unjoni Sovjetika, li kien qed iżomm mal-Eġittu.

Kienet se tinqala’ kriżi serja ħafna bejn iż-żewġ superpotenzi. Is-Sovjetiċi ressqu provi biżżejjed li ma kinux huma u l-Iżrael kellu jammetti li kien hu.

Kemm il-gvern tal-Istati Uniti, kif ukoll dak tal-Iżrael għamlu minn kollox biex l-investigazzjonijiet uffiċċjali li saru juru li dan kien “żball traġiku bejn il-ħbieb.”

Imma maż-żmien ħarġu provi ġodda li meta l-Iżrael ordna l-attakk fuq il-USS Liberty kien jaf li qed jattakka vapur tal-gwerra Amerikan u għamel dan biex jeħel ħaddieħor u b’hekk idaħħal lill-Istati Uniti fil-gwerra.

Rosa u Rosario

F’Mejju 1774 il-Qorti ordnat li Rosa ssir Rosario u li fid-dokumenti kollha tagħha għandu jiġi mniżżel li hi raġel u mhux mara. Għandha tilbes ta’ raġel u qatt m’għandha tidher fil-pubbliku liebsa ta’ mara. Il-familja appellat mis-sentenza imma jidher li s-sentenza ġiet konfermata.

Din il-persuna kienet twieldet lill-koppja Tereża u Ġużeppi Mifsud minn Ħal Luqa. Issemmiet Rosa u trabbiet bħala tifla għax jidher li l-parti tagħha kienet ta’ tifla.

Fis-17 ta’ Mejju 1774, żewġ tobba ewlenin tal-Kavalieri, wara li tqabbdu jeżaminaw ġisem Rosa mill-qorti, iddikjaraw li sabu li l-parti tagħha kienet ta’ mara u raġel f’salt, imma l-aktar parti li kienet tiddomina kienet ta’ raġel u allura ddikjarawha li hi raġel. Qalu wkoll li ma kellhiex sider u li leħinha u wiċċha kien qishom ta’ raġel.

Il-qorti aċċettat ir-rapport tat-tobba u bagħtet għal missier din il-persuna u infurmatu li bintu issa ġiet dikjarata bħala raġel u trid iġġib ruħha bħala raġel.

Fil-ktieb tagħhom ‘Daily life in Eiighteenth Century Malta (Midsea Books – 2011) Robert Attard u Romina Azzopardi jgħidu li Rosa Mifsud kienet bint neguzjant sinjur li kien ibigħ l-ikel u ċ-ċerjali minn ħanut il-Belt. Mara tad-dar marret għand il-pulizija (kienu jgħidulhom żbirri dak iż-żmien) tirraporta li Rosa ppruvat tmissha sesswalment. Il-pulizja interrogaw lil Rosa u nnutaw li kienet iġġib ruħha ta’ raġel.

Meta tressqet il-qorti akkużata b’abbuż sesswali, il-qorti qabbdet lill-Ogħla Tabib tal-Ordni u tabib ieħor ewlieni mis-Sacra Infermeria. Huma eżaminaw lil Roża u taw ir-rapport tagħhom lill-qorti. Il-qorti tal-appell ikkonfermat is-sentenza fit-28 ta’ Mejju 1774.

Dr Paul Cassar li kiteb l-istorja medika ta’ Malta jgħid li dan hu l-uniku każ ta’ pseudoermafroditżmu li ltaqa’ miegħu fir-riċerka tiegħu. Hemm persuni li jitwieldu b’taħlita tal-partijiet ta’ mara u raġel. Dak iż-żmien, u għal żewġ sekli wara, f’pajjiżna kien aċċettat biss li jew tkun raġel jew mara.

Kienu jsiru anki operazzjonijiet biex ineħħu xi parti minnhom biex il-persuna tiġi ddikjarata mara jew raġel. Dan kien jikkaġuna tbatija kbira fil-persuna meta tikber jekk kienet tħossha maqbuda priġuniera fil-ġisem ta’ mara jew raġel mingħajr ma tħossha mara jew raġel imma taħlita tat-tnejn.

Kien biss fl-2015 li Malta għaddiet liġi biex tħares id-drittijiet ta’ dawn il-persuni ‘intersex’ biex jiġu stmati b’dinjità u b’rispett u bid-dritt li jkunu kif iħossuhom li huma. Operazzjonijiet fuq it-tfal intersex saru illegali.

Din il-liġi hija meqjusa fost l-iżjed avvanzati fid-dinja kollha. Kull sena fid-dinja, inkluż f’Malta, sa 2 minn kull 100 (madwar 90 kull sena f’pajjiżna) li jitwieldu huma ‘intersex’. Il-liġijiet jinbidlu iżjed malajr mill-mentalitajiet dwar dawn il-persuni. Għad hawn ħafna preġudizzji kontra tagħhom u għad hawn min iqishom mhux persuni “normali”.

Torċa 6 Lulju 2025