You are currently viewing Turiżmu li jirrispetta lir-residenti

Turiżmu li jirrispetta lir-residenti

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Hawn min qed jistenna s-sajf għall-mistrieħ u biex igawdi l-baħar. Imma hawn min diġa’ qed ibati bil-mużika għolja wisq ġejja mill-postijiet tad-divertiment qrib. 

Għandna diversi postijiet fil-gżejjer tagħna fejn it-tgawdija bil-mużika tgħajat wisq issir tbatija għall-ġirien. 

Fost dawk li jbatu ħafna hemm il-ġirien ta’ Bora Bora f’San Pawl il-Baħar. 

Il-bumbumbumbardament tal-mużika diġa’ beda fil-ġimgħat li għaddew. Seta’ jinstema’ qawwi aktar minn tliet blokki ‘l bogħod u iżjed. 

Issa mistenni jkompli matul is-sajf għax hemm kampanja qawwija biex iġibu Malta żgħażagħ jiddevertu lejla wara l-oħra għal jiem sħaħ. Dan id-divertiment storbjuż qed jiġi organizzat bla jingħata każ tal-bżonnijiet tal-ġirien residenti.

Mal-ġirien ibatu l-anzjani li hemm rikoverati fid-dar għalihom qrib. 

Il-ġirien iħossuhom abbandunati. Imdejqin fi djarhom. Barranin f’arthom. 

Jirrappurtaw il-volum eċċessiv tal-mużika iżda ma jittieħdux passi. 

Il-mużika ta’ dis-sena kienet storbjuża aktar mis-sena li għaddiet. 

Mela kemm huma b’saħħithom tal-Bora Bora li ħadd ma jista’ għalihom: la pulizija u lanqas l-awtoritajiet?

Jidher li huma b’saħħithom ħafna. Nistagħġbu li ċ-ċittadini jitilfu l-fiduċja f’dawk li suppost jieħdu ħsiebhom u jaraw li l-liġi tiġi nfurzata?

Għaqal jintilef il-bilanċ meħtieġ bejn turisti u residenti u jirbħu l-flus, l-egoiżmu u l-arroganza?

Nitgħallmu minn Sivilja

“It-turiżmu s-salvazzjoni tagħna. It-turiżmu l-qerda tagħna.” 

Kliem li jingħad fil-belt Spanjola ta’ Sivilja li fiha kważi daqs nofs Malta u tilqa’ fiha madwar 3 miljun turist kull sena.

Ħmistax ilu qrib nofs il-lejl imxejna fil-qalba tal-belt. 

It-toroq u l-ħwienet rajnihom għadhom mimlijin ħajja u nies jixorbu, jieklu u jitkellmu.

Ma smajniex storbu ta’ mużika tgħajat fit-toroq li għaddejna minnhom.

Matul l-erbat ijiem li qattajna fiha stajna naraw li ħafna mill-belt hi miżmuma tajba u nadifa. Laqtuna l-ħafna spazji miftuħa ta’ ġonna kbar u sbieħ u l-ħafna siġar mat-toroq u l-pjazez kollha tagħha.

Fl-aħħar ħames snin it-turiżmu salva lil din il-belt għax ħoloq ħafna impjiegi, impjiegi li n-nies ta’ Sivilja kellhom bżonn b’qgħad ilaħħaq 18 fil-mija, b’nofs iż-żgħażagħ bla xogħol.

Imma fl-aħħar sentejn aktar nies ta’ Sivilja qed iħossu li l-ġid li qed iġibilhom it-turiżmu qed jagħmlilhom ukoll ħafna ħsara.

Bl-għajta ta’ “Sivilja qed tmut” fl-10 ta’ April 2024 saret protesta fiċ-ċentru tal-belt dwar li issa t-tkabbir tat-turiżmu qed ikun esaġerat. 

Talbu li jinstab bilanċ qabel ikun tard wisq u iżjed nies iduru kontra t-turiżmu għax iħossu li n-numru esaġerat ta’ turisti, fosthom dawk li jonfqu ftit, l-iżjed fis-sajf qed iħassru l-belt, qed titlef il-karattru tagħha u timtela’ wisq ristoranti, ħwienet tax-xorb u diskoteki li qed iħarbtu l-ħajja tan-nies ta’ Sivilja. 

Qed jitilfu l-mod ta’ għixien tagħhom u jħossu li t-turisti u dawk li jagħmlu l-aktar flus minnhom qed jiġu preferuti u r-residenti qed jiġu abbandunati.

Huma jridu bidla fit-tip ta’ turiżmu li qed jitħalla jikber f’Sivilja u jġib żieda fil-prezzijiet tal-kera u tal-propjeta’, storbju, konġestjoni tat-traffiku u ħmieġ għas-700,000 ruħ li jgħixu fiha.

L-awtoritajiet ta’ Sivilja wegħdu li se jagħtu każ it-talbiet tar-residenti. Awtoritajiet fi bliet oħra bdew jikkontrollaw il-bini ta’ lukandi ġodda u appartamenti għat-turisti.

F’diversi bliet Spanjoli, fosthom Barċellona u Palma de Mallorca, fl-aħħar snin qamu movimenti qawwija ta’ protesta kontra turiżmu esaġerat mibni fuq in-numru kbir ta’ turisti fejn ma jingħatax każ il-bżonnijiet tar-residenti li jħossu li ma jistgħux jgħixu sew f’pajjiżhom stess.

L-awtoritajiet Spanjoli qed jimpenjaw irwieħhom li se jaħdmu mas-settur tat-turiżmu u mar-residenti biex it-turiżmu jagħmluh sostenibbli, iġibu turisti skont kemm il-pajjiż jiflaħ, biex jirrispettaw il-bżonnijiet tar-residenti waqt li jilqgħu lil dawk li jixtiequ jżuru lil Spanja u jgawdu s-sbuħija naturali, il-wirt storiku u kulturali, l-ikel, il-baħar u x-xemx.

Torċa 26 Mejju 2024