“Jekk il-gvern irid iħares l-ambjent b’dawn il-bidliet fil-liġijiet tal-ippjanar għax mhemmx fosthom il-proposta tal-Perit Vince Cassar li bħalissa qed imexxi l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi biex tkun din l-awtorità li jkollha d-deċiżjoni finali dwar applikazzjonijiet u permessi għall-bini fejn ikunu se jolqtu ħażin l-ambjent.
“Dawn il-bidliet m’għandhomx jagħtu iżjed poter lill-uffiċċjali tal-ippjanar u lill-ministru u jnaqqsu s-sehem tal-qrati.”
Hekk qed jgħidu l-Professur Victor Axiak u t-Tabib Jason Bonnici. Il-Professur Axiak serva fl-Awtorità tal-Ippjanar u mexxa’ l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi mill-2016 sal-2023. It-Tabib Bonnici kien membru tal-Bord ta’ din l-Awtorità għall-Ambjent.
“Kulħadd jaqbel li l-liġijiet li għandna dwar l-ippjanar għandhom bżonn isiru iżjed effettivi. Imma għaliex din l-għaġla kollha biex il-bidliet jgħaddu mill-parlament bla konsultazzjoni pubblika qabel? Din l-għaġla tista’ tidher li hi strateġija biex il-bidliet jgħaddu kontra r-rieda tal-poplu.”
Axiak u Bonnici jgħidu li “jekk il-gvern ma jridx jgħaddi dawn il-bidliet kontra r-rieda tal-poplu m’għandux jgħaġġel jgħaddihom mill-parlament imma l-ewwel jara li ssir diskussjoni pubblika xierqa u bis-sens.”
Huma jkomplu jgħidu li dejjem nistgħu nistennew sakemm jerġa’ jiftaħ il-parlament wara li jgħaddu l-vaganzi. Veru hemm xi bidliet proposti li mhumiex favur in-neguzjanti tal-bini u tal-propjetà, imma bilfors ikollna nikkonkludu li ħafna mill-bidliet huma biex jista’ jsir iżjed u iżjed bini u allura inqas ħarsien ambjentali.
It-tibdil fil-liġijiet tal-ippjanar se jagħmlu din l-art ħelwa iżjed u iżjed morra jekk se jgħaddi kif propost u jkomplu jissaħħu n-neguzjanti tal-art u l-propjeta’ u jkomplu jiddgħajfu ċ-ċittadini.
Pajjiżna huwa ta’ kulħadd – mhux biss ta’ dawk li bi flushom jixtru l-influenza politika. Se nġibu lill-pajjiżna lura għal meta ftit nies tal-flus kellhom il-vot u l-ħafna ma kellhomx vot.
Illum dawk li għandhom aktar minn 16-il sena għandhom il-vot. Imma jiswa’ daqs dak tal-ftit nies tal-flus li jiffinanzjaw lill-partiti u lil xi politiċi influwenti?
Ġan Anton Vassallo
“Int sabiħa, o Malta tagħna!
Mhux għax Malti nfaħħrek jien;
Issemmik id-dinja kollha,
Magħruf ġmielek kullimkien.”
‘Tifħira lil Malta’ ta’ Ġan Anton Vassallo (1817-68)
Ftit aktar minn 200 sena ilu twieled Ġan Anton Vassallo li kien iħobb lil Malta, lill-poplu Malti u lill-ilsien Malti meta dawn kienu mistmerra mill-klassi għolja lokali.
Vassallo wissa lill-poplu Malti: “… tmorrux tisimgħu x’uħud li juru rwieħhom ma jridux it-tagħlim l-ilsien Malti … għax dawk l-uħud jew ma jfittxux il-ġid tagħkom jew … ma jridux jitħabtu żżejjed biex jarawkom aħjar milli intom”.
Hu kien iħobb ħafna l-Malti minkejja li kien jaf tajjeb bit-Taljan, bl-Għarbi, bil-Latin u bil-Franċiż.
Kiteb l-istorja ta’ Malta bil-Malti għax ried li l-poplu jkun jaf bl-istorja ta’ pajjiżu. Hu stess li kien twieled f’familja umli u tal-poplu kien inkwetat kemm tħalla lura l-poplu u ried jedukah bil-kitba tiegħu.
Ħajja ta’ swied il-qalb
Kiteb ukoll dwar il-firda u l-uġigħ ta’ l-emigazzjoni ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin li kellhom jitilqu għax ma kienx hawn futur għalihom. Hu stess weġġa’ bil-firda minn art twelidu meta mar jgħix Lixandra, l-Eġittu, imma ġie lura għax ma setax jgħix ‘l bogħod minn Malta.
Magħruf għall-intelliġenza kbira tiegħu kien mar tajjeb ħafna fil-kors biex isir avukat. Imma ma riedx jaħdem il-qorti u ntefa’ jaħdem fl-edukazzjoni.
Fl-aħħar tmien snin ta’ ħajtu kiteb ħrejjef morali u ċajt satiriku biex juri n-nuqqasijiet tal-bnedmin ta’ żmienu u biex jgħallem permezz tat-tingiż satiriku.
Kien ibati minn mard mentali u ħbiebu jgħidu li “kellu ħajja ta’ swied il-qalb”. Kien jemmen li qed jiġi ppersegwitat. Kien jiekol ftit u jorqod mill-inqas.
Fi studju dwaru fl-1951 Ġużè Cassar Pullicino jgħid: “Miet wara marda qalila mal-lejl tat-28 ta’, Marzu, 1868, u l-għada ħaduh il-knisja tal-Karmnu (il-Belt), ikkumpanjat minn nies ta’ kull klassi, merfugħ fuq spallejn l-istudenti tiegħu li niżżluh huma stess fil-qabar fost il-biki ta’ kulħadd.”
Torċa 17 Awwissu 2025