You are currently viewing Tħassru l-Maltin? Meta?

Tħassru l-Maltin? Meta?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:4 mins read

“L-antenati tagħna kienu bosta tajbin; iżda ta’ żmienna, minn seklu ‘l hawn, tħassru u saru ħżiena.

“Niesna saru klieb għal xulxin.”

Pietru Pawl Castagna (1827-1907) jikkwota kittieb ta’ żmienu fil-ktieb tiegħu dwar l-istorja ta’ Malta li ħareġ fl-1865. Ma jgħidilniex min hu dan il-kittieb. Imma jkompli jikkwota ħafna minnu għalkemm ma jaqbilx miegħu għax jgħid “jekk daż-żmien jinsabu fostna l-brikkuni, fi żmien l-antenati tagħna kien hemm nies ukoll li ma tantx kienu galantomi.”

Il-kittieb anonimu jkompli jgħid li l-Maltin aktar jobogħdu lill-Maltin bħalhom milli jħobbu lill-barranin. “Ħadd ma tisma’ jfaħħar … kulħadd imaqdar u jinfama.” Kulħadd b’imħatra biex isib in-nuqqasijiet f’ħaddieħor u jxandru ma’ ħbiebu. Jekk xi ħadd jagħmel xi ħaġa sabiħa jew jgħidu li hi kopja jew joqogħdu jsibulha d-difetti.

Jekk wieħed jidħol għal xi xogħol, “isib warajh għaxra oħra, iraħħsu fuqu, avolja jitilfu.”

Dan il-kittieb ikompli jgħid li jekk wieħed imur il-knisja jgħajruh impostur. Jekk wieħed imur tajjeb fin-negozju “jaħilfu li qed jisraq lix-xemx għaddejja.” “Jekk ieħor ifalli, flok miskin, jgħidu imbroljun, laħqitu sa fl-aħħar.”

Castagna jikkwota lill-Kommendatur Abela li l-Maltin huma intelliġenti ħafna u kapaċi “Jitgħallmu malajr arti, xjenza u lingwi stranġieri. Huma fidili lejn is-Sovrani tagħhom u xejn mhuma inklinati għar-rivoluzzjoni u l-ġlied bejniethom.” Iħobbu jsiefru “fejn jagħmlu fortuna u jissemmew mad-dinja.”

Castagna jsemmi xi jgħid il-Franċiż Miege fuq il-Maltin: li huma ta’ nisel Afrikan u jixbħu ħafna lil dawk li jgħixu fil-Barbarija (il-pajjiżi ġirien tagħna Afrikani fil-Mediterran). Il-Maltin huma b’saħħithom u kuraġġużi. Iħobbu jixorbu ħafna inbid u jingħaddu bħala l-aqwa baħrin fil-Mediterran.

Castagna nnifsu jgħid li l-Maltin “it-tjubija tagħhom tilfithom il-privileġġi kollha li kellhom” biex imexxu lill-pajjiżhom “żammithom dejjem fqar u magħkusa biex ma setgħu qatt jgħaddu ‘l quddiem.”

Castagna jgħid: “Il-Maltin, bnedmin xejn iżjed u xejn inqas minn bnedmin ta’ pajjiżi oħra, għandhom it-tajjeb u l-ħażin tagħhom, hemm min aktar inklinat għad-denì u hemm min hu aktar miġbud għall-ġid”. Hemm il-boloh u l-għorrief.

L-aħħar tad-dinja?

Id-dinja ħa tispiċċa fis-sena “2000 ? … vuldiri mia-u-tnax il sena ohra …”

Hekk kiteb Pietru Pawl Castagna f’“Lis Storia ta Malta u tal Gzejjer taħħa” li ħareġ fl-1888.

Isemmi xi jgħid Eremit svizzeru:

“Fl’1890 bosta Bliet jintradmu bit-terremoti.

Fl’ 1897 disgrazzi cbar mad-Dinja colla.

Fl’ 1955 tempesti, uragani u terremoti liema bhalom.

Fl’ 1960 Skallia tiffonda – Napli tinharak – Franza u Spanja jinzlu bit-terremoti.

Fl’ 1999 Lahhar tad Dinja.”

Minn dak li bassar l-eremita Svizzeru ma ġara xejn u d-dinja għadha ma spiċċatx. Castagna jsemmi wkoll x’hemm imbassar għal Malta. Jgħid li Malta u Għawdex se jkompli jiċkienu għax il-baħar se jibla’ l-art u jikkwota ċertu awtur li għad jiġi żmien li l-baħħara jgħaddu minn fuqha u jgħidu “Aun kienet tesisti Malta!”

Imma skont l-awtur Grognet, se jiġri bil-maqlub għax se jinżel u jonqos il-baħar u tiżdied u tikber l-art u Malta ssir ferm akbar milli hi. Grognet jikkalkula li dan se jiġri “min aun mitein-u-erbghin seclu ihor l’art colla taghna għad tcun ghal collox minn wicc l’ilma il fuk; bhalma kienet ghal collox taht ilma tmen-mia u sittin seclu ilu.”

Skont il-ġeoloġi li qed jistudjaw kif qed tevolvi l-pjaneta tagħna, 50 miljun sena oħra l-Mediterran se jgħib għal kollox u jsir muntanja kbira daqs il-Himalayas u aħna nkunu fil-quċċata fejn iż-żewġ kontinenti tal-Ewrasja u l-Afrika jingħaqdu f’kontinent wieħed: l-Ewrasjafrika. Id-dinja ma tkunx tingħaraf minn dik li hi llum.

Meta Castagna f’Lis-Storia ta Malta u tal Gzejjer taħħa’ tal-1888 jagħti l-istorja tal-futur ta’ Malta u tal-aħħar tad-dinja jgħid: “Ahna nafu biss, li sgur hat minna ma icun ghadu ma mietx. Tas-seu li Adam ghex 930 sena. Noè 950 u Mathusalem 969 izda dauc kienu zmenijet ohra …”

Trump u n-Nobel

Fit-testment tiegħu Alfred Nobel ħalla li l-Premju Nobel għall-Paċi għandu jingħata lill-persuni li jkunu taw kontribut kbir għall-paċi bejn il-pajjiżi differenti, inaqqsu n-nefqa fuq l-armati u l-gwerra u jaħdmu favur id-djalogu u soluzzjoni tat-tilwim permezz tad-diplomazija u mhux bil-gwerra.

Matul is-snin il-kumitat Norveġiz beda jiddeċiedi li l-premju għandha tieħdu persuna li taħdem favur id-drittijiet umani, il-ħarsien ambjentali u tippromwovi mad-dinja kollha, u mhux biss fejn jaqblilha, il-paċi flok il-gwerra.

Il-President Amerikan Donald Trump jippretendi li jingħata dan il-premju u  jikser dawn il-kriterji kollha u vera tkun intilfet kull boxxla jekk xi darba jingħata l-Premju Nobel għall-Paċi.

Torċa 19 Ottubru 2025