You are currently viewing Taf min hu Ġużeppi Callus?

Taf min hu Ġużeppi Callus?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:8 mins read

Għall-ħabta tas-sena 1450 bdiet tissemma li r-Re Alfonsu V ta’ Aragon (Malta kienet parti mir-renju tiegħu flimkien ma’ Sqallija, Sardenja, il-gżejjer Baleariċi u Aragon fi Spanja) kienet se tingħata lill-Ordni Spanjol tal-Kavallieri ta’ Montesa.

Fil-Kunsill tal-Gvern tal-Imdina kien hemm rabja kbira għal din l-aħbar.

Kien hemm min qal li l-Maltin għandhom jingħaqdu u jiġġieldu bl-armi kontra l-Ordni tal-Kavallieri ta’ Montesa biex ma jħalluhomx jiġu jmexxu l-gżejjer Maltin.

22 sena qabel, wara l-fidwa minn Don Gonsalvo Monroy, ir-Re Alfonsu V kien wiegħed lill-Maltin li qatt aktar ma kien se jagħti l-gżejjer Maltin lil xi ħaddieħor biex imexxiehom. Intrabat magħhom li jekk jiġri hekk il-Maltin kellhom id-dritt ma jaċċettawx u jqumu kontra pass bħal dan.

Dan l-Ordni tal-Kavallieri ta’ Montesa kien twaqqaf bil-permess tal-Papa Ġwanni XXII u bl-appoġġ kbir tar-Re Ġakbu II fis-sena 1312 biex jiġġieled kontra l-Iżlam.

Dawk li kienu jmexxu lil Malta mill-Imdina kienu nkwetati wkoll li jekk jiġi dan l-Ordni jmexxi l-gżejjer huma kienu se jitilfu l-poter li kellhom li jagħmlu li jridu fil-pajjiż.

Niftakar lill-istoriku Godfrey Wettinger, f’laqgħa l-Imdina fis-6 ta’ Diċembru 2002 jgħid dwar dawk iż-żminijiet: “… il-kbarat tal-Imdina li kienu jieklu kulma jsibu fil-gżira, jiġifieri jaħkmu fuq kulħadd u jieħdu għalihom kulma jsibu fil-pajjiż.”

Spjega li dawn kienu sinjuri li ġew Malta minn pajjiżi oħra u ħadu f’idejhom il-pajjiż minn idejn is-sinjuri li kien hemm qabel. Kien hemm differenza kbira bejn is-sinjuri tal-Imdina jitkellmu bl-Isqalli u l-fqar Maltin tal-irħula jitkellmu biss bil-Malti u “imnissla ħafna u ħafna minnhom mill-Misilmin li saru nsara lejn l-aħħar nofs is-seklu tlettax ….”

Poplu minn pajjiżi oħra

Sadattant tajjeb nifhmu li ma jagħmilx sens li naqsmu l-poplu tagħna bejn in-nies tal-post li dejjem għexu hawn u dawk li ġew minn barra. 

Wara li kienet bla nies jgħixu fiha bejn 870 u 1048, Malta reġgħu bdew nies ġejjin jgħixu fiha minn Sqallija u mit-Tunesija.

Anki wara l-1048 dawk li kienu jgħixu hawn ġie li ħarbu jew ittieħdu jgħixu Sqallija u hawn ġew nies minn postijiet differenti skont min kien jaħkem dawn il-gżejjer.

Sinjuri tal-Imdina u fqar tal-irħula, niesna kollha kemm huma, ġew minn artijiet differenti fi żminijiet differenti.

Fiż-żmien li qed nitkellmu dwaru ma kienx hemm nazzjonijiet kif għandna llum. Sens ta’ nazzjonalita’ ma kienx jeżisti.

Is-sinjuri tal-Imdina riedu jitħallew jagħmlu li jridu u għalhekk opponew il-miġja tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Montesa u rnexxielhom. Dan l-Ordni qatt ma ġie.

Iżda 80 sena wara, meta opponew ukoll il-miġja tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, ma rnexxielhomx.

Meta ġie l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kien hemm minnhom li telqu jgħixu Sqallija. 

Kien hemm min ingħalaq l-Imdina u żamm ‘il bogħod mill-Birgu u l-Belt Valletta tal-Kavallieri. 

Dawk li kellhom il-ħsieb jopponu lill-Kavallieri bħal Ġużeppi Callus malajr inbidlu u daħlu f’qoxorthom wara li ġie mgħallaq talli pprotesta kontra l-Gran Mastru La Valette.

Oħrajn iddeċidew li jaqdu lill-Ordni tal-Kavallieri u marru tajjeb ħafna.

It-tabib Ġużeppi Callus ġie mgħallaq ir-Rabat fl-1561 fuq ordni tal-Gran Mastru La Valette bħala kastig talli pprotesta fuq kif kienu qed jiġu stmati ħażin il-Maltin.

Il-forka kienet f’żewġ postijiet ir-Rabat (kultant fejn illum hemm Pjazza Forok u kultant fuq is-Saqqajja) biex tidher minn ħafna postijiet f’Malta u sservi ta’ twissija qawwija għal dawk il-Maltin li kienu jitkellmu kontra t-tmexxija tal-Ordni.

Jingħad li Callus kiteb petizzjoni kontra t-tmexxija ta’ La Valette u din l-ittra nqabdet u ntbagħtet lil La Valette.

Ġuże’ Gatt li kiteb dwar Callus f’It-Torċa fl-1973 jikkwota din is-silta minn dokument oriġinali li sab fil-Biblijoteka miktub minn Dun Piet Pace li kien surmast fl-Iskola tal-Imdina bejn l-1595 u l-1599:

“U dan (La Valette), jum fost l-oħrajn għallqu f’misraħ bħala ħati ta’ tixwix. Għal din il-biċċa ħadd ma kellu l-ħila jiftaħ fommu jitkellem fuq hekk.

Bħalu wkoll għamlu l-Gran Mastru Verdala u de Paole … fl-ewwel snin tas-saltna tagħhom.

Dawn beżżgħu hekk ħafna lill-poplu li ħadd ma kellu aktar il-ħila jmaqdar għemil il-Gvern tagħhom, għax kull min jinqabad igemgem għalihom kienu jwaħħluh bħala xewwiexi.”

Ma jixraqx infakkruh?

Callus kien għamel snin twal iservi tajjeb lill-Ordni f’Sirakuża u f’Malta. 

Kien maħbub għax kien magħruf bħala li jieħu ħsieb il-morda fqar li kellhom bżonnu l-Imdina u l-inħawi tagħha u l-erba’ parroċċi li kienu jagħmlu magħha: Birkirkara, in-Naxxar, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ.

Fil-ktieb tiegħu ‘Kissing the Gallows’. L-istorja dwar il-kriminalita’, it-tortura u l-kastig f’Malta bejn l-1600 u l-1798, William Zammit jgħid li l-Ordni ħolqot familji nobbli ġodda Maltin bħala mossa politika ntenzjonata biex iġġib firda fost in-nobbli lokali.

Kif ukoll biex turi li jaqbillek tikkoopera mal-Kavallieri, flok tirreżistiehom. 

Kull darba li kien hemm xi ħadd juri reżistenza politika kontra t-tmexxija tal-Ordni bħal fil-każ ta’ Ġużeppi Callus u ta’ Mannarino fl-1775 kienu jimxu miegħu bl-aħrax u bla ebda ħniena.

Tant kont fraħt naqra l-istudju ta’ Wettinger (1974): ‘Early Maltese popular attitudes to the government of the Order of St. John’ Melita Historica, 6(3), 255-278.

Fih juri li l-Maltin kienu kontra t-tmexxija iebsa u ħarxa tal-Kavallieri u kif dan it-tabib Ġużeppi Callus kien ingħata l-forka għax ipprotesta kontra d-deċiżjoni tal-Gran Mastru Jean de Valette li jimponi taxxi iebsa ħafna fuq il-Maltin waqt li dgħajjef ħafna is-sehem ċkejken biex huma jieħdu sehem fit-tmexxija tal-gżejjer tagħhom. 

Waqt li nagħraf kif l-esperjenza storika tal-Ordni f’pajjiżna qabbditna t-triq biex insiru stat indipendenti u ma ħallitniex biċċiet ta’ skoll taħt Sqallija, żgur li ħaqruna f’pajjiżna stess.

Nota minn Wettinger fl-artiklu kienet tgħid mhux biss li l-Maltin ftit li xejn kienu jafu dwar dan l-eroj nazzjonali, imma l-ftit Maltin li kienu jafu dwaru kienu jgħidu li hu Mattew meta fil-fatt kien jismu Ġużeppi. 

Lanqas biss ma nafu l-isem ta’ wieħed mill-eroj nazzjonali tagħna imma nafu u nqimu l-Gran Mastru de Valette li tah il-forka.

De Valette għamilnielu monument fil-Belt Valletta u għamilna sew, izda Ġuzeppi Callus ma jixraqlux infakkruh ukoll?

Leħen Ġunju 2024