You are currently viewing Tabib u politiku tal-poplu

Tabib u politiku tal-poplu

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:3 mins read

Nhar l-14 ta’ Awwissu 1907 Ġużè Bonnici twieled il-Belt Valletta. Fit-33 sena li għex kellu ħajja mimlija ħidma bħala tabib u bħala politiku favur liġijiet soċjali għal dawk li jweġġgħu jew imutu fuq il-post tax-xogħol, favur liġi tal-kera li tħares lill-ħaddiema u lill-fqar, favur l-għarfien tal-ilsien Malti bħala lsien nazzjonali, favur l-edukazzjoni tal-poplu.

Kien ukoll kittieb u stampatur ta’ kotba bil-Malti fi żmien meta ħafna min-nies ta’ skola kienu riedu lit-Taljan jew lill-Ingliż bħala lsien f’pajjiżna.

Ta’ sitt snin tilef lill-ommu u ntbagħat jistudja Għawdex fis-Seminarju. Kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta. Ta’ 19-il sena ssieħeb fil-Partit tal-Ħaddiema għax rah l-aħjar mezz biex itejjeb il-ħajja tal-ħaddiema u biex l-ilsien Malti jiġi rispettat u ma jibqas imwarrab.

Fl-1928 kiteb l-istorja tal-Partit tal-Ħaddiema. Kien ilaqqa’ l-kumitat tal-Belt f’dar missieru għax ma kellhomx fejn jiltaqgħu. Kiteb għadd ta’ novelli u rumanzi dwar il-ħajja ta’ kuljum tan-nies ordinarji li kien iservi bħala tabib u bħala politiku.

Laħaq tabib fl-1931. Ma kienx kuntent jipprova jfejjaq lil dawk il-ħaddiema fqar li kienu jiġu għandu. Ma kienx joħdilhom flus u spiss kien jagħtihom xi ħaġa tal-flus hu. Imma ried ukoll jedukahom dwar kif għandhom jieħdu ħsieb saħħithom.

Ippubblika żewġ kotba: ‘It-trobbija tat-tfal’ (1932 u ‘Il-ġmiel ta’ ġisimna (1939). Emmen li l-Malti tajjeb għall-edukazzjoni u għax-xjenza meta ħaddieħor kien jarah lingwa tal-kċina tajjeb għas-sefturi biss.

Ma’ studenti universitarji oħrajn kien waqqaf l-Għaqda tal-Malti fl-1931 biex il-poplu jkollu l-ilsien tiegħu magħruf bħala l-ilsien tal-pajjiż u jintuża’ f’kull qasam tal-ħajja, inkluż il-qrati u l-iskejjel. Sena qabel miet mexxa’ x-Xirka għat-Tixrid tal-Ilsien Malti. Issejjaħ “ras sħuna” għax ħadem biex il-Malti jieħu d-dinjità ta’ lsien nazzjonali.

Miet fis-6 ta’ Ottubru 1940 bil-kanċer.

Biex ma tkunx tafal

Juann Mamo twieled Ħal Luqa fit-28 ta’ Settembru 1886 u miet b’mod misterjuż nhar it-28 ta’ April 1941 f’Wied Babu, iż-Żurrieq. Kien ilu ġimgħa nieqes mid-dar.

Mamo magħruf l-aktar għar-rumanz ‘Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka’ li ħareġ 95 sena ilu. Huwa mera li jixtieq lill-poplu Malti jħares fiha biex jara l-kruha u n-nuqqasijiet ġejjin mill-injoranza li fiha tħalla bit-tama li jaħdem biex ineħħi l-kruha u n-nuqqasijiet tiegħu.

Irid li l-poplu ma jibqax jemmen fil-fatati u fil-ħmerijiet waqt li jħalli lill-politiċi tal-ipprivileġġjati, professjonisti u qassisin jingannawh. Mamo kien jaqbel ma’ Manwel Dimech li l-poplu Malti kellu bżonn id-dawl tal-“għerf, it-tagħlim u l-edukazzjoni” u mhux jibqa’ fid-dlam tal-”fanatiżmu u d-diskors tal-pappagall.” Bil-ftit flus li kellu ġieli għen lil Manwel Dimech li kien fqir ħafna u lanqas kien ikollu x’jiekol hu u l-familja.

F’artiklu tad-29 ta’ Lulju 1921 “Imsejkna Art Twelidkom, Malta!” isejjaħ lid-deputati “a gang of scroundels”, ħsiebhom fl-interessi tagħhom u mhux kif se jeħilsu lill-poplu mit-tbatija.

Irid poplu ħieles

Fil-ġurnal tiegħu ‘L-Iljun’ jikteb favur il-bżonn ta’ bidla fil-mentalità tal-poplu, modernizzar ta’ pajjiżna biex ma jibqax lura, edukazzjoni obbligatorja għall-bniet u s-subien, stampa ħielsa, libertà tal-kelma, u l-Malti bħala l-ilsien uffiċjali.

Kellu ħajja diffiċli ħafna. Missieru mar il-ħabs fuq qtil. Hu stess weħel il-ħabs b’attentat ta’ qtil. Bħala missier ra diversi trabi u tfal tiegħu jmutu. Kien jaqra u jikteb ħafna u meqjus “perikoluż” minħabba l-kotba li kellu u għax kien jikkritika b’mod iebes fejn ħass li hekk kellu jagħmel.

Siefer f’għadd ta’ pajjiżi għax-xogħol u anki fihom għex u ħadem fost dawk li kienu miżmuma isfel nett fis-soċjetà u mwarrbin. Ħareġ diversi kotba biex jeduka lill-poplu, wieħed minnhom dwar it-tqala u l-Knisja ikkundannatu għax kien fih stampi ta’ ġisem ta’ mara tqila.

Xewqa kbira tiegħu kien li xi darba il-poplu Malti jsir “japprezza l-qari … biex ħadd ma jbellgħu xejn, biex ħadd ma jidher quddiemu b’idolu, biex ħadd ma jisirqu, biex ħadd ma jagħġnu bħal biċċa tafal …”

Torċa 31 Awwissu 2025