You are currently viewing Ta’ l-Imdina kontra l-irħula
Mdina city - old capital of Malta. Aerial landscape, sunny day, blue sly, winter, a lot of green grass, field. Malta country

Ta’ l-Imdina kontra l-irħula

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

Fil-kitba tiegħu dwar ‘L-Attitudni tal-Maltin lejn il-Kavallieri’ (2003), l-istoriku Godfrey Wettinger, jgħid: “… il-kbarat tal-Imdina li kienu jieklu kulma jsibu fil-gżira, jiġifieri jaħkmu fuq kulħadd u jieħdu għalihom kulma jsibu fil-pajjiż.”

Jispjega li dawn kienu sinjuri li ġew Malta minn pajjiżi oħra u ħadu f’idejhom il-pajjiż minn idejn is-sinjuri li kien hemm qabel. Kien hemm differenza kbira bejn is-sinjuri tal-Imdina jitkellmu bl-Isqalli u l-fqar Maltin tal-irħula jitkellmu biss bil-Malti u “imnissla ħafna u ħafna minnhom mill-Misilmin li saru nsara lejn l-aħħar nofs is-seklu tlettax ….”

Wara li kienet bla nies jgħixu fiha bejn 870 u 1048, Malta reġgħu bdew nies ġejjin jgħixu fiha minn Sqallija u mit-Tunesija.

Anki wara l-1048 dawk li kienu jgħixu hawn ġie li ħarbu jew ittieħdu jgħixu Sqallija u hawn ġew nies minn postijiet differenti skont min kien jaħkem dawn il-gżejjer.

Sinjuri tal-Imdina u fqar tal-irħula, niesna kollha kemm huma, ġew minn artijiet differenti fi żminijiet differenti. Ma kellnix nies tal-post li għexu hawn min dejjem u oħrajn li ġew minn barra.

Il-kbarat tal-Imdina kienu jopponu lil min jintbagħat imexxi lill-pajjiżna minn flokhom għax kienu jitilfu l-poter li kellhom.

Fl-1530 ġie l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Kien hemm minnhom li telqu jgħixu Sqallija. Kien hemm min ingħalaq l-Imdina u żamm ‘il bogħod mill-Birgu u l-Belt Valletta tal-Kavallieri. 

Dawk li kellhom il-ħsieb jopponu lill-Kavallieri bħal Ġużeppi Callus malajr inbidlu u daħlu f’qoxorthom wara li ġie mgħallaq talli pprotesta kontra l-Gran Mastru La Valette. Oħrajn iddeċidew li jaqdu lill-Ordni tal-Kavallieri u marru tajjeb ħafna.

Qabel ma ġew il-Kavallieri, sa mill-1410 kienu jsiru protesti min-nies tal-irħula kontra s-sidien tal-art jgħixu l-Imdina għax dawn il-propjetarji l-kbar riedu jaħtfu għalihom iżjed art li kienet għadha tista’ titgawda minn kulħadd u li fuqha r-raħħala kienu jieħdu l-merħliet tagħhom biex jirgħu u jixorbu minn xi nixxiegħa.

Godfrey Wettinger li fittex ħafna dwar il-biedja lokali 600 sena ilu jispjega kif qrib kull raħal kien hemm minn din l-art komuni. Dawn l-artijiet komuni kienu mingħajr ħitan madwarhom u kulħadd kellu dritt jieħu l-annimali jirgħu fihom bla ma jħallsu.

Meta r-raħħala kienu jitilfu minnha kienu jbatu ħafna għax ma kienx ikollhom x’jagħlfu lill-bhejjem tagħhom u jispiċċaw li lanqas huma ma jkollhom laħam x’jieklu.

Kienu jipprotestaw

Fl-1436 in-nies ta’ Ħat Tarxien kienu pprotestaw li l-art komuni ta’ ħdejhom ngħatat b’kera għal użu privat lil xi nies li joqogħdu l-Kastell tal-Birgu. Fl-1446 in-nies taż-Żurrieq ukoll ipprotestaw li qed jitilfu mill-art komuni ħdejn ir-raħal tagħhom. Fl-1449 il-familja Desguanes riedet tieħu parti mill-art komuni ta’ Miżieb ir-Riħ ħdejn il-Mellieħa. Fl-1479 ta’ Desguanes riedu jaħtfu iżjed art komuni u jgħaqqduha mal-art li kellhom Għajn Żejtuna. 

Permezz ta’ dawn il-protesti n-nies ġie li reġgħu rebħu lura l-art li tkun inħatfet minn xi sidien kbar. Kien jiddependi wkoll kemm kienu b’saħħithom dawn is-sidien u x’kuntatti kellhom ma’ dawk li kienu jaħkmu lill-gżejjer tagħna. Żgur li s-sidien tal-artijiet jgħixu l-Imdina kellhom kuntatti tajbin ferm iżjed min-nies tal-irħula li kienu jafu biss bil-Malti u ma kinux jafu jiktbu u jaqraw.

Ir-raħħala kienu wkoll jinħaqru mill-‘baiulo’ li kellu l-poter jimmultahom meta l-bhejjem tagħhom kienu jidħlu jirgħu f’art fejn mhux suppost jidħlu. Kienu jabbużaw mill-poter tagħhom. Ġie li mmultaw lir-raħħala 10 darbiet daqs il-ħsara li jkunu għamlu. 

Għal tal-apposta kien jaħtfulhom il-bhejjem u jagħlquhomlhom xi mkien ‘il bogħod biex jagħmulhielhom diffiċli jieħduhom lura, ngħidu aħna l-Marsa flok ir-Rabat.

Fl-1526 ċertu Nikol Ciantar miż-Żurrieq akkuża lis-sid tal-art Jacobus Angarai Desguanes li kien ħataf għalih parti mill-art komuni u xħin ipprotesta miegħu, sakkru ġo dar u tah xebgħa ċinga u għasluġ bla ħniena.

Dawn l-artijiet komuni kienu prezzjużi għall-għixien tan-nies tal-irħula fi gżejjer nieqsa mill-ħaxix u l-ilma x’jagħlfu u x’jisqu lill-merħliet tagħhom.

Mellieħa Ġunju 2024