You are currently viewing Swaba tal-istess id

Swaba tal-istess id

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

Għandna dinja sħiħa ta’ nies iħaddnu reliġjonijiet differenti fostna: Kattoliċi; Misilmin Sunni, Xijieti u Aħmadi; Ħindus; Insara Kopti; Battisti, Protestanti evaġeliċi; Xieha ta’ Ġeova; Mormoni; Avventisti; Buddisti; Baħais; l-Ortodossi Griegi, Russi, Etjopiċi, Eritrej, Rumeni u Serbi; iċ-‘The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints’; il-Knisja Unifikata; reliġjonijiet tradizzjonali Afrikani u Ġudajka. Meta ttieħed l-aħħar ċensiment nhar il-21 ta’ Novembru 2021 kellna popolazzjoni ta’ 519,562 li minnhom 115,449 ġew minn pajjiżi oħra. Għall-ewwel darba saret il-mistoqsija f’Liema reliġjon temmen? 373,304 minn 15-il sena ‘l fuq (82.6 fil-mija) qalu Kattoliċi Rumani. 17,454 qalu li l-Iżlam huwa t-twemmin tagħhom. 16,457 huma fi knisja Ortodossa. 6,411 huma Ħindus u 5,706 huma  Anglikani. 23,243 oħra qalu li ma jemmnu fl-ebda reliġjon.

M’aħniex nagħmlu biżżejjed bħala stat u bħala knejjes biex niehdu din l-opportunita’ tant sabiħa b’tant diversita’ fostna biex nitgħallmu fuq l-istorja, il-kultura u l-valuri ta’ xulxin biex nitgħallmu ngħixu flimkien u mhux sempliċiment l-iżjed l-iżjed, nittolleraw lil xulxin bla niltaqgħu.

Forsi jkun hawn min jaħseb li din hi l-ewwel darba li fil-gżejjer tagħna tfaċċaw reliġjonijiet differenti. Għax ħafna mill-istorja li nafu dwar il-passat tagħna għadu mimli ħrejjef u miti. F’rasna għad għandna karikatura sempliċi tal-passat tant għani u divers tagħna. Għalinal-passat tagħna kellu din l-istorja ċara: ħafna snin ilu kien hemm ġganti li bnew it-tempji u mbagħad sirna Nsara qabel l-Ewropej. Rabbewna nemmnu li dejjem Kattoliċi u Kattolici biss minn meta kkonvertina San Pawl madwar elfejn sena ilu. Drajna naraw lil Malta mhux bħala post fejn iltaqghu kulturi u reliġjonijiet differenti iżda bħala swar konta l-pagani u l-Iżlam. 

Illum għandna għadd ta’ storiċi tajbin li jitfgħu dawl ġdid fuq l-istorja tagħna. Imma s-sejbiet tagħhom ftit għadhom waslu għand il-poplu in ġenerali. Hawn interess mill-poplu tagħna biex ikun jaf iżjed u aħjar fuq il-passat tagħna. Hemm bżonn li x-xogħol tal-istoriċi tagħna jasal għand ħafna iżjed nies billi jinkiteb bil-Malti u b’mod li jinftiehem waqt li jibqa’ ta’ kwalita’ għolja u mibni fuq il-fatti.

Jekk niskopru l-passat taghna jgħinna nifhmu lilna nfusna aħjar u jgħinna nifhmu iżjed id-dinja li qed ngħixu fiha llum fejn tant hawn taħlit ta’ kulturi ta’ nies differenti. L-akbar sfida li għandna fid-dinja llum hu kif se nsibu mod kif ngħixu flimkien u naraw kif nilqgħu għall-isfidi kbar li għandna: it-tibdil fil-klima, il-paċi u l-gwerra nukleari, il-faqar u l-mard u miljuni ta’ nies mhux stmati ta’ nies imċaħħdin mid-dinjita’ tagħhom. Jekk mhux se nsibu mod kif ngħixu flimkien fil-pajjiżi differenti stess u bejn pajjiż u ieħor.

Stat-nazzjon modern jista’ jgħix b’ċiviltajiet differenti ġo fih. Huwa perikoluż ħafna min irid li fl-istat ikun hemm poplu wieħed, b’kultura waħda u b’identita’ waħda. It-traġedja ewlenija tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajina ġejja wkoll milli dawn il-ġirien għadhom ma sabux mod kif jgħixu flimkien bla jkunu ta’ theddida għal xulxin. Ma sabux mod kif l-Ukreni ta’ naħa li jħossuhom Ukreni biss jgħixu mal-Ukreni tal-Lvant li jħossuhom b’identitajiet Ukreni-Russi.

Nitgħallmu ngħixu flimkien

Stat-nazzjon fis-seklu 21 jagħmel sens u aktar għandu ċans jirnexxi u jimxi ‘l quddiem fil-paċi jekk ikun miftuħ u inklussiv, jitgħallem minn kulħadd fi ħdanu, ġej minn fejn ġej u tkun xi tkun in-nazzjonalita’, iċ-ċivilta’ u r-reliġjon tiegħu. Għandna nħaddnu l-wirt tagħna waqt li b’umilta’ nitgħallmu mill-ideat u l-valuri universali ta’ ċiviltajiet differenti. Il-problemi jinqalgħu meta xi ħadd flok jitgħallem jgħix ma’ ħaddieħor differenti jħossu superjuri. Lanqas biss jipprova jifhem u jirrispetta lil min hu differenti imma magħluq fil-preġudizzji mibnija fuq l-injoranza supperva jistmerr u joboħod lil min hu differenti. L-istat miftuħ u inklussiv għal identajiet u kulturi differenti huwa dak li għandna bżonn biex id-dinja ma teqridx lilha nnifisha fis-seklu 21. Ir-reliġjonijiet, wara kollox, mhumiex parti miċ-ċiviltajiet differenti bħas-swaba differenti tal-istess id tal-umanita’ li biha tipprova ssib triqitha fil-ħajja?

Jekk nesploraw il-passat taghna b’għajnejn ġodda nsibu kemm kellna kulturi u identitajiet differenti u kif aħna magħġunin minnhom. Kien hemm żmien li konna Misilmin, li kellna Maltin ippersegwitati (mill-inqas wieħed anki maħruq ħaj)  fosthom qassisin għax ħaddnu u xerdu t-tagħlim ta’ Luteru u Kalvinu li 500 sena ilu kkritikaw in-nuqqasijiet tal-Knisja Kattolika bħall-korruzzjoni, ħajja lussuża tal-mexxejja u kummerċ fil-bejgħ tal-maħfra tad-dnubiet biex tixtri post il-ġenna.

Papa Franġisku jaħdem ħafna biex ir-reliġjonijiet kollha jaħdmu flimkien b’rispett lejn xulxin u jħaddmu l-valuri universali tagħhom tal-bnedmin bħala familja waħda, il-paċi u l-ġustizzja. Iħobb jgħid: “Waqt li t-teologi jaħdmu għad-djalogu fil-kamp dottrinali, dmirna li aħna ta’ reliġjonijiet differenti infittxu okkażjonijiet fejn niltaqgħu, insiru nafu aħjar lil xulxin, nitolbu flimkien u noffru li ngħinu lil xulxin u lil dawk kollha fil-bżonn. Li nservu lil dawk li l-aktar għandhom bżonn tagħtina l-esperjenza li ningħaqdu: il-ħniena ta’ Alla tgħaqqadna.”

Meta tkellem dwar il-Luterani u l-Kalvinisti sejħilhom aħwa: “Li nkunu qrib xulxin jagħmilna l-ġid. Jekk nibqgħu ‘l bogħod nimtlew qrusa.” Huwa jgħid li għandha ssir ħidma flimkien mhux biex tnessi l-imgħoddi iżda biex tfejjaq il-feriti tiegħu. Bl-istess mod, Papa Franġisku jaħdem ukoll ħafna mal-Insara Ortodossi. Huwa jgħid li “Imberkin dawk li jaħdmu għall-għaqda qalb l-Insara li huma msejħa biex jindirizzaw il-problemi u l-ansjetajiet tad-dinja tal-lum.”

Huwa jgħid li l-Knisja Kattolika m’għandha qatt tieqaf tinbidel u għandha x’titgħallem minn Luteru li ried il-knisja tinbidel u li poġġa l-bibbja f’idejn il-poplu bi lsien il-poplu flok bil-Latin. F’Settembru meta kien il-Mongolja, Papa Franġisku qal lill-mexxejja reliġjużi Buddisti, Misilmin, Evanġeliċi. Lhud, Mormoni, Ħindus, Xintos, Baħais u Xaman: “Ir-reliġjonijiet qed jintlabu joffru armonija lid-dinja, li l-progress teknoloġiku waħdu ma jistax jipprovdieha…. Ħuti, qed niltaqgħu bħala l-werrieta umli ta’ għerf antik. Fil-laqgħa tagħna rridu naqsmu bejnietna t-teżor kbir li għandna. Biex insaħħu l-umanita’ li spiss titlef triqitha għax tara fil-qasir tfittex biss il-qligħ u l-kumdita’ materjali.”

Papa Franġisku spiss jiġi attakkat minn dawk il-Kattoliċi, anki Kardinali, isqfijiet u qassisin, li jaraw jaħdem mill-qrib ma’ reliġjonijiet oħra. Jakkużawh li qed iċekken lill-Knisja Kattolika u jpoġġieha fuq xkaffa f’supermarket ta’ reliġjonijiet. Imma l-Papa ma jaqtax qalbu u jibqa’ għaddej għax jaf kemm id-dinja għandha bżonn li r-reliġjonijiet differenti jaħdmu flimkien għall-paċi u l-ġustizzja. Jgħid li l-fanatiżmu ta’ kull tip, l-imħuħ u l-qlub magħluqa, il-fissazzjonijiet ideoloġiċi jeqirdu l-fratellanza u l-ispirtu ta’ familja umana waħda, u joħolqu l-inkwiet u l-firdiet u jbiegħedu l-paċi.

Il-Leħen April 2024