You are currently viewing Sikkatura żejda fil-bajjiet?

Sikkatura żejda fil-bajjiet?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:4 mins read

Loqma waħda ta’ sigarett tista tikkontamina għaxar litri ta’ ilma. Fit-tezi tiegħu tal-Masters fl-Universita’ ta’ Malta kellna lil Dejan Bonnici li fl-2022 sab li mikrobi bżonnjużi fil-ħamrija huma milquta bis-sħiħ meta ilma tax-xita minn loqom tas-sigaretti jinfed din il-ħamrija.

Meta l-loqom tas-sigaretti jinfdu l-ħamrija jistgħu jieħdu sa tnax il-sena sabiex jispiċċaw, imbagħad jkunu iżidu il-microplastiks.

Il-Professur Victor Axiak jgħid li għalhekk jagħmel ħafna sens u hu għall-ġid li t-tipjip mill-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla ser ikun ipprojbit għalissa fil-Bajja tal-Mixquqa jew Golden Bay f’Malta u l-bajja tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex . Dawk li jpejpu se jkollha żona apposta fejn jistgħu jieħdu sigarett imma mbagħad il-loqom iridu jitfgħuh f’bin apposta. Dawk li jiksru l-liġi se jiġu mmultati €150.

Il-Professur Axiak jgħid: “Jista jkun li jkun hawn min jaħseb li dawn ir-regolamenti huma sikkatura zejda. Le u Le! Dawn il-loqom ta’ sigaretti għandhom filtri li huma ta’ tip ta’ plastik. Dawn il-filtri jkunu mniġġza minn diveri metalli u tniġġiz ieħor li jispiċċa jikkontamina ir-ramel u fl-aħħar anke il-baħar. Studji li saru f’Malta stess juri li dan l-impatt huwa tassew u mhux immaġinarju.”

Il-Professur Axiak jiftakar li 11 il-sena ilu (f’April ta’ 2014) f’kampanja għall-indafa fil-bajjiet: “Konna sibna li l-aktar skart fuq il-bajjiet kien dak tal-loqom jew fdal tas-sigaretti. B’sorpriza għalina, l-loqom tas-sigaretti (cigarette butts) kienu l-aktar skart li sibna. Fil-Bajja ta’ San Ġorġ ġewwa San Ġiljan, sibna dawn il-fdalijiet ta’ sigaretti kienu ħames darbiet aktar fin-numru min dawk tal-Bajja Sabieħa ta’ Birzebbuga.”

“Għalhekk huwa important li t-tipjip ma jsir f’ebda bajja, jekk ser inħallu l-loqom tas-sigaretti warajna u mhux fil-bins. Irridu nkunu ferm aktar konxji ta’ għemilna u kif b’nuqqas ta’ ħsieb jew traskuraġni nistgħu nħassru l-ambjent ta’ madwarna. U dan kollu mhux għax nibzgħu mill-multi.”

Il-Maltin l-aħħar

“ … il-gżira ta’ Malta għandha tingħata lil dawk li jgħixu fiha …u għandha tkun magħrufa bħala stat indipendenti.”

Dokument uffiċċjali Brittaniku tat-13 ta’ April 1803.

Il-Gvern Brittaniku kien qal li lest jagħti Malta lill-Maltin biex ikollhom stat indipendenti li jmexxu huma u lest jirtira l-forzi militari u navali tiegħu minn Malta bil-patt li jintlaqgħu żewġ kundizzjonijiet tiegħu: li jitħalla jibqa’ Malta bil-forzi tiegħu għal 10 snin u li r-Re ta’ Sqallija jagħtih il-gżira ta’ Lampedusa biex jiżviluppaha f’bażi navali u militari Brittanika flok Malta.

Qabel dan id-dokument tat-13 ta’ April 1803, kien hemm xi ħadd li qatt semma’ li Malta għandha tkun stat indipendenti tal-Maltin? Is-sena ta’ qabel, fil-15 ta’ Ġunju 1802, 104 rappreżentanti mill-ibliet u rħula li kienu mexxew ir-reżistenza Maltija kontra l-Franċiżi (1798-1800) kienu ffirmaw ‘La Dichiarazione dei Diritti degli abitanti delle Isole di Malta e Gozo’.

Waqt li talbu l-ħarsien (mhux il-ħakma) tar-Re Brittaniku, stennew li t-tmexxija tiegħu tirrispetta “id-drittijiet u l-privileġġi nattivi” tagħna b’“Kostituzzjoni ta’ Gvern li tassigura għalina u għal dawk li ġejjin warajna għal dejjem id-doni tal-libertà u l-jeddijiet ta’ liġi ġusta, taħt il-protezzjoni u s-sovranità ta’ poplu ħieles …”

Huma riedu li r-Re ma jkollu l-ebda dritt iċedi dawn il-gżejjer lil xi qawwa oħra. Jekk ma jibqax imexxi hu, id-dritt tal-għażla ta’ min imexxi lil Malta “jappartjieni lilna, l-abitanti u n-nies imwielda f’dawn il-gżejjer biss …”

Riedu li l-Maltin ikollhom id-dritt li jwasslu direttament lir-Re l-veduti u l-ilmenti tagħhom. Riedu li l-Maltin stess ikollhom is-saħħa jfasslu l-liġijiet u jiddeċiedu x’taxxi jagħmlu permezz tal-Kunsill Popolari b’sovranità flimkien mar-rappreżentanti tar-Re. Fittxew relazzjoni kemm jista’ jkun ta’ ugwaljanza bejn ir-Renju Brittaniku u Malta.

Talbu l-protezzjoni sħiħa tar-reliġjon Kattolika biex ma tkunx mhedda minn xi reliġjon oħra iżda fl-istess ħin iddikjaraw “Illi l-bnedmin ħielsa għandhom id-dritt jagħżlu r-reliġjon tagħhom. It-tolleranza ta’ reliġjonijiet oħra għalhekk hi stabbilita bi dritt: iżda l-ebda setta ma tista’ taħqar, tinsulta jew tidisturba lil dawk ta’ fehmiet reliġjużi oħrajn.”

Iridu li kulħadd ikun indaqs quddiem il-liġi, inkluż ir-Re u r-rappreżenatanti tiegħu f’Malta: “Illi l-ebda bniedem m’għandu l-awtorità personali fuq il-ħajja, il-proprjetà jew il-libertà ta’ ħaddieħor. Is-setgħa tiġi biss mil-liġi u xi drittijiet jiġu mrażżna u x’kastigi jingħataw jiddependi biss minn dak li tgħid il-liġi.”

Kellhom jgħaddu kważi żewġ sekli biex id-drittijiet li xtaqu l-Maltin fl-1802 jibdew isehhu. Il-Gvern Brittaniku ħa lil Malta bħala bażi navali u militari u ma ried bl-ebda mod li jitwettqu t-tamiet għal żvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tal-Maltin jekk dawn kienu b’xi mod imissu l-interessi strateġiċi Brittaniċi.

Għalihom Malta kienet għodda tal-gwerra biex iħarsu l-interessi tagħhom fuq ir-rotta ċentrali Mediterranja li tgħaqqad flimkien l-Ewropa, l-Afrika u l-Asja. Il-bżonnijiet tal-poplu tagħna li jgħix ħajja ħielsa u diċenti f’dawn il-gżejjer kienu jiġu l-aħħar.

Torċa 5 Ottubru 2025 Loqma sigarett