You are currently viewing Sehem militari fl-Unjoni Ewropea

Sehem militari fl-Unjoni Ewropea

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

F’pajjiżna ftit li xejn qed nagħtu każ li l-Unjoni Ewropea qed tersaq dejjem iżjed biex issir alleanza militari. Kienu diġa’ qed jittieħdu passi f’din id-direzzjoni imma l-affarijiet mxew b’ħeffa akbar wara l-gwerra tal-Ukrajina.

Fost il-passi li ttieħdu hemm nefqiet militari mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investimenti lill-industriji tal-armi fil-pajjiżi differenti Ewropej. Qed isiru sforzi wkoll biex l-armi li jipproduċu l-pajjiżi Ewropej jkollhom l-istess stendards ħalli jikber is-suq għalihom u jkunu jistgħu jiġu maħduma b’faċilità akbar. 

Għalkemm kienet il-gwerra tal-Ukrajna li saqithom ‘il quddiem, il-politika Ewropea ta’ sigurtà u difiża komuni kienet ilha tirranka sa minn meta r-Renju Unit ħalla l-Unjoni Ewropea wara l-Brexit u minn meta Donald Trump laħaq President tal-Istati Uniti. Fost il-mexxejja Ewropej hemm il-biża’ li Donald Trump jerġa jiġi elett President tal-Istati Uniti f’Nopvembru li ġej u hu jrid li l-Unjoni Ewropea taħseb għal rasha militarment u mhux toqgħod tistrieħ fuq l-Istati Uniti permezz tal-alleanza militari tan-NATO.

Pass ieħor, meqjus “storiku”, li bdiet tieħu l-Unjoni Ewropea fil-qasam militari, sar is-sena li għaddiet. Il-Forzi Armati ta’ Malta ntbagħtu jieħdu sehem sħiħ fih. Imma dan is-sehem inżamm moħbi mill-Maltin u l-Għawdxin għax ħafna minnhom huma kontra li Malta tieħu sehem fil-ħidma militari tal-Unjoni Ewropea.

Is-sena li għaddiet il-Gvern Malti ddeċieda li jibgħat suldati Maltin jieħdu sehem fl-ewwel manuvri militari li qatt organizzat l-Unjoni Ewropea bil-għan li sas-sena d-dieħla jkollha forza militari mhejjija biex tintbagħat fejn hemm bżonn fid-dinja.

Grupp ta’ suldati Maltin kienu fost 2,800 suldat minn 9 pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li bejn is-16 u t-22 ta’ Ottubru 2023 ħadu sehem f’dawn il-manuvri militari li tmexxew mill-bażi navali Rota f’Cadiz fi Spanja.

Ħadu sehem ukoll suldati mill-Awstrija, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja.  

Kienu involuti  19 il-pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, 31 korpi militari kif ukoll 25 ajruplani tal-ġlied, sitt bastimenti tal-gwerra u tagħmir militari spazjali u ċibernetiku.

Il-manuvri militari kienu maħsuba biex jippreparaw lill-Unjoni Ewropea tibgħat suldati f’pajjiż li jitlob l-għajuna militari.

Meta kien qed iniedi dawn il-manuvri militari, ir-Rappreżentant Għoli Ewropew għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika tas-Sigurtà Ewropea Josep Borrell stqarr:  

« Illum qed niktbu paġna ġdida fl-istorja tad-difiża tal-Unjoni Ewropea…  

(Dan li qed nagħmlu) se jippermettilna naġixxu b’dik li se tkun l-istruttura preferita tal-Unjoni Ewropea għall-kmand u l-kontroll tal-missjonijiet (militari) tagħna fil-futur u partikolarment, biex inkunu nistgħu nvaraw operazzjonijiet ta’ malajr. » 

L-Unjoni Ewropea qed timmira li għall-ewwel toħloq forza militari b’5,000 suldat.

Bħalissa qed jiġu ppjanati t-tieni manuvri militari li se jsiru f’Bergen il-Ġermanja, bejn is-26 ta’ Novembru u l-10 ta’ Diċembru 2024.

Il-Kostituzzjoni tagħna tgħid li “Malta hija stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-siġurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha billi jħaddan politika ta’ non-allineament u jirrofta li jipparteċipa f’kull alleanza militari.”

B’sieq oħra fin-NATO

Waqt li qed nieħdu sehem biex l-Unjoni Ewropea tinbidel f’alleanza militari, qed ukoll nieħdu sehem fil-ħidma tal-alleanza militari tan-NATO. Il-koperazzjoni bejn in-NATO u l-Unjoni Ewropea żdiedet sew fl-aħħar snin. Is-segretarju ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg  kien għamel dil-ħaġa ċara s-sena li għaddiet meta indirizza lill-Parlament Ewropew.  

Qal hekk : « Għalija li nsaħħu dil-koperazzjoni kien għan prioritarju, sa minn meta dħalt fil-kariga fl-2014…  

« Aħna naqsmu l-istess valuri, aħna qed naffaċċjaw sfidi komuni.  

« Aħna żewġ organizzazzjonijiet separati, imma għandna ħafna in komuni… » 

Stoltenberg enfasizza li bid-dħul tal-Isvezja fin-NATO, 96 fil-mija taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea  se jkunu  qed jgħixu f’pajjiż tan-NATO. 

Sadattant, l-Unjoni Ewropea u n-NATO ffirmaw tliet dikjarazzojnijiet komuni. 

 Skond is-segretarju ġenerali tan-NATO, iż-żewġ organizzazzjonijiet saħħew il-ħidma bejniethom  fl-oqsma tal-ispazju, tal-mobilità militari, tal-infrastruttura kritika, tal-ispazju ċibernetiku u fil-politika lejn il-pajjiżi tal-Balkani. 

« Baqa’ ħafna xi jsir, » stqarr Stoltenberg, « imma nistgħu nkunu kburin bil-progress li sar biex nissodaw ir-rabta ta’ bejn iż-żewġ istituzzjonijiet tagħna. » 

F’Diċembru 2023 Malta daħlet fil-’Planning and Review Process’ tan-NATO biex il-Forzi Armati ta’ Malta jinbidlu u jsiru kompatibbli mal-forzi tan-NATO biex jaħdmu flimkien.

Fi Frar 2024 Malta u n-NATO qablu fuq qafas ġdid ta’ koperazzjoni (‘Individually Tailored Partnership Programme’) biex jaħdmu dejjem iżjed mill-qrib flimkien.

F’Mejju 2024 Malta ġiet aċċettata bħala membru assoċjat tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO biex issa d-deputati parlamentari Maltin jistgħu jieħdu sehem fl-Assemblea Parlamentari tan-NATO. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg aċċetta l-istedina li għamillu s-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken u attenda f’Washington (9 – 11 Lulju 2024) għat-tifkira tal-75 anniversarju mit-twaqqif tal-alleanza militari tan-North Atlantic Treaty Organization (NATO).

Torċa 11 Awwissu 2024