You are currently viewing Residenti assedjati mit-turisti

Residenti assedjati mit-turisti

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:3 mins read

Residenti li għandhom ħdejhom appartamenti li qed jinkrew lit-turisti għall-vaganzi jilmentaw li l-kwalità tal-ħajja tagħhom u tal-komunità qed tmur lura b’aktar storbju, skart u ħmieġ fl-inħawi u servizzi pubbliċi li ma jlaħħqux maż-żieda fil-popolazzjoni.

Jidher ċar li f’pajjiżna għadu ma nstabx bilanċ bejn il-ġid komuni tar-residenti u l-interessi persunali tas-sidien li jikru propjetà lit-turisti. Jagħmel sens kieku f’kull lokalità milquta r-residenti u s-sidien, il-kunsilli llokali u l-awtoritajiet turistiċi jiffurmaw kumitati li jieħdu ħsieb jimbuttaw u jikkordinaw kif jissolvew il-problemi li jinqalgħu biex ir-residenti ma jibqgħux iħossuhom injorati u mhux ikkalkulati.

Il-gvern kien se jdaħħal regolament li ebda appartament ma jista’ jinkera lit-turisti jekk is-sid ma jġibx l-approvazzjoni tal-ġirien. Il-gvern ċeda għall-pressjoni li għamlulu s-sidien tal-appartamenti lit-turisti u ma daħħalx dan ir-regolament biex iħares il-ġid tar-residenti.

Eluf bla permess?

Huwa kkalkulat li dis-sena d-dħul tas-sidien minn dawn il-kirjiet ikun madwar €4 miljuni, bid-dħul ivarja bejn €50 u €150 kuljum skont l-inħawi u l-livell tal-appartament. Appartament il-Belt li jinkera 310 lejl kull sena jħalli dħul ta’ €33,000 fis-sena lis-sid.

Statistika li ħarġet ftit ilu kienet turi li hawn mill-inqas 10,043 appartament jinkrew lit-turisti, imma 5771 biss għandhom il-permessi meħtieġa.

L-awtoritajiet turistiċi kienu wissew li min jinqabad jikri appartamenti mingħajr il-permessi meħtieġa jeħel multa ta’ €23,000.

Fi bliet bħal Barċelona, Firenze, Liżbona, Vjenna u Pariġi n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġid komuni tar-residenti u l-interessi tas-sidien wassal biex jittieħdu passi biex jikkontrollaw dan is-settur biex ineħħu jew inaqqsu l-effetti ħżiena fuq ir-residenti.

Koperazzjoni jew kunflitt

F’Barċelona sar projbit li jinkrew appartamenti lit-turisti. Inħass li s-settur tant tħalla jikber b’mod esaġerat li ħoloq skuntentizza kbira fost ir-residenti u għolla ħafna l-kera u l-prezz tal-propjetà.

Firenze wkoll mhix tħalli appartamenti turistiċi fil-qalba storika. Liżbona mhix toroġ iżjed permessi biex jinkrew appartamenti lit-turisti. Fi Vjenna appartament jista’ jinkwera lit-turisti għal 90 juma biss tas-sena, f’Pariġi għal 120 jum biss tas-sena.

F’dawn l-ibliet il-gvernijiet lokali għandhom is-saħħa jdaħħlu liġijiet favur ir-residenti waqt li l-kunsilli lokali f’pajjiżna m’għandhomx din is-saħħa.

L-unika saħħa li għandhom ir-residenti lokali hi li jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet f’Malta biex jagħtu każ bis-serjetà t-talbiet tar-residenti biex jittieħdu l-passi meħtieġa biex ma jintlaqtux ħażin mill-kiri ta’ appartamenti għat-turisti.

Ir-relazzjoni bejn l-awtoritajiet, ir-residenti u s-sidien tal-appartamenti turistiċi bilfors tibqa’ waħda ta’ kunflitt? Tista’ ssir waħda ta’ koperazzjoni fejn l-għedewwa jsiru sħab jaħdmu flimkien għall-ġid ta’ kulħadd?

Storbju u mużika

“Bħalissa l-3.42am u għadni ma rqadt xejn bil-mużika qawwija ġejja minn xi mkien fil-qrib. Se nkomplu sajf sħiħ?”

Messaġġ li rċevejt ftit ilu kmieni darba filgħodu minn waħda li tgħix b’appartamenti mikrija lit-turisti ħdejha.

F’pajjiżi oħra hemm fejn is-sidien huma obbligati jwaħħlu tagħmir elettroniku li jallertjahom jekk fl-appartamenti li jikru jinqabeż il-limitu tal-istorbju u tal-mużika. Għandhom ir-responsabbilta’li jsikktuhom u jiġu mmultati jekk ma jwaqqfux l-istorbju u l-mużika għolja.

Aktar kemm sid iħalli l-liġi tinkiser, aktar togħla l-multa li jeħel.

Ħarsien tar-residenti

La f’Malta u Għawdex is-sidien m’għandhomx bżonn l-approvazzjoni tal-ġirien biex jikru lit-turisti, tajjeb jinżammu responsabbli għall-imġiba ta’ dawk li jikru biex ma jħarbtux il-ħajja tal-ġirien.

La l-gvern iddeċieda li ma jipproteġix lill-ġirien tal-appartamenti AirBnB billi l-ewwel tinkiseb l-approvazzjoni tal-ġirien qabel joħroġ il-permess, il-gvern għandu d-dmir jipproteġi lill-ġirien b’modi oħra biex irażżnu l-istorbju, il-ħmieġ u t-tħarbit tal-komunita’.

Gvern, kunsilli lokali, ġirien u sidien tal-appartamenti jistgħu jaħdmu flimkien għall-ġid komuni. Imma l-gvern irid jikkordina u jappoġġja din il-koperazzjoni. Il-bqija tkompli tirrenja l-liġi tal-ġungla.

Torċa 20 Lulju 2025