L-ewwel darba li ltqajna u tkellimna direttament ma’ xulxin kien qisna żewġ namrati minn twieqi ħdejn xulxin f’Dar l-Istudent fl-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq. Kont student u ma’ ftit studenti oħra xellugin fix-Xirka Ġustizzja Socjali konna okkupajna l-uffiċċju tal-Kunsill Rappreżentattiv tal-Istudenti u ngħalaqna ġo fih għal diversi jiem bħala protesta li kienu qed jiddiskriminaw kontra tagħna u ma ridux jagħtuna kamra fejn niltaqgħu. Kien l-istess żmien li l-ħaddiema okkupaw TVM fl-1975 biex jiġi nazzjonalizzat u jsir Xandir Malta. Niftakar li l-ġurnali tal-PN kienu penġewna bħala komunisti estremisti ta’ periklu għad-demokrazija f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Dom Mintoff kien bagħat lil Dr Karmenu Mifsud Bonnici jitkellem magħna l-università biex intemmu l-okkupazzjoni tagħna għax kien hemm min qed ipenġina bħala parti minn xi pjan ta’ Mintoff biex jieħu f’idejh istituzzjonijiet ewlenin tal-pajjiż u jmexxi kollox hu. Niftakarni ngħid lil Dr Mifsud Bonnici li Mintoff u l-ħaddiema tax-xandir kellhom il-kwistjonijiet tagħhom u aħna kellna tagħna. Ma konniex se nwaqqfu l-okkupazzjoni qabel jagħtuna kamra fejn niltaqgħu. Kien impressjonani x’paċenzja wera magħna Dr Mifsud Bonnici, kemm ħadni bis-serjetà u kemm semagħni sew minkejja l-prużunzjoni bombastika tiegħi li npoġġi l-kwistjoni ċkejkna tagħna fuq l-istess livell tan-nazzjonalizzazzjoni storika tax-xandir f’pajjiżna. Bqajna nokkupaw l-uffiċċju. Hu kien tkellem mal-Kunsill Rappreżentattiv tal-Istudenti biex isibulna kamra fejn niltaqgħu. Kienu sabulna kamra u l-okkupazzjoni spiċċat. Ma tantx użajnieha dik il-kamra u ngħid li l-okkupazzjoni tagħna kienet iżjed simbolika bħala studenti mqarbin tax-xellug kontra l-istudenti konservattivi Nazzjonalisti li kienu jmexxu l-Kunsill Rapprezentattiv tal-Istudenti.
Bil-crash helmet u l-bullet proof vest
Sirt imbaghad naf iżjed lil Karmenu mill-qrib meta Dr Alfred Sant ħajjarni biex insir attiv fil-Partit Laburista. Mill-ewwel indunajt li Karmenu kien bniedem li ddedika ħajtu jservi lill-poplu tagħna, l-iżjed dawk miżmuma taħt. Stajt nara li kien bniedem onest u ġeneruż li nefaq ġidu u uża l-intelliġenza kbira tiegħu u saħħtu biex jgħin lill-ħaddieħor flok inqeda bir-reliġjon, bil-professjoni, bil-union u bil-politika biex isir sinjur hu.
Kemm smajt stejjer ta’ nies li kienu jmorru għandu b’xi problema u mhux biss jgħinhom b’xejn il-qorti iżda joħroġ il-ktieb taċ-ċekkijiet u jtihom li għandhom bżonn, anki eluf ta’ euro biex isewwu ħsarat kbar fid-dar. Fi żmien meta kull politiku, inġustament jitqies korrott, Karmenu huwa mudell ta’ politiku li għex il-politika bħala servizz lejn l-oħrajn.
Qatt ma ried isir politiku, wisq anqas Prim Ministru jew mexxej politiku. Niftakar inkunu flimkien Australia Hall f’Pembroke biex naraw kif tista’ tintuża. Kien għadha fi stat tajjeb u armata kif ħallewha l-Ingliżi meta telqu fl-1979. Kien qalli li Mintoff riedu jilħaq mexxej tal-Partit Laburista warajh. Hu ma riedx. Qalli li Mintoff qallu: “Issa ilbes crash helmet u bullet proof vest u idħol għat-tmexxija.” Qalli li hu pprova jgħid lil Mintoff: x’sens jagħmel li avukat imexxi partit tal-ħaddiema. Mhux aħjar imexxih xi ħadd bħal Sammy Meilaq? Mintoff lilu ried.
Karmenu baxxa rasu u sar mexxej għax bħas-soltu poġġa l-interessi personali tiegħu l-aħħar meta ntalab iservi fil-politika. Duminku Mintoff riedu jilħaq warajh biex ma jinqasamx il-Partit Laburista. Kien fih fazzjonijiet differenti li riedu mexxejja differenti u kien diffiċli li dawn il-fazzjonijiet jaċċettaw il-mexxejja ta’ xulxin bħala mexxej tagħhom.
“Dak il-madoffi banju waħħaltu?”
Dan poġġa lil Dr Karmenu Mifsud Bonnici f’diffikultajiet kbar. Kien hemm min ma riedx jaċċettah bħala mexxej għax ried ikun mexxej hu u għax hu kien ilu snin fil-partit ilesti biex jilħaq mexxej. Ħass li issa ġie wieħed “minn barra” u niżel bil-paraxut fil-ħatra flok tela’ kull livell tal-partit. Għamlitha diffiċli għal Karmenu li jkollu awtorità fuq sħabu tal-kabinett. Kien ukoll f’pożizzjoni diffiċli għax għalkemm Duminku Mintoff irriżenja minn Prim Ministru u mexxej xorta ried jibqa’ jinflwenza dak li kien għaddej fil-pajjiż u fid-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu.
Dan ifisser li Dr Karmenu Mifsud Bonnici ma setax ikun hu nnifsu. Ma setax, ħlief b’limitazzjonijiet kbar, jagħti t-timbru persunali tiegħu lill-politika. Jien ċert li kieku l-imġieba, id-deċiżjonijiet u t-tmexxija tiegħu kienu jkunu differenti. Mill-esperjenza tiegħi miegħu konvint li kien bniedem demokratiku ħafna. Demokratiku bi prinċipju, mhux minħabba l-umiltà persunali tiegħu. Minn dik kellu hafna.
Jirrakkuntali l-ħabib tiegħi Dr Albert Friggieri : « Darba minnhom, fl-uffiċċju ċkejken li kelli fil-«Basement» tal-Malta Hilton l-antika, bieb ma’ bieb mal-hekk imsejħa ‘garbage room’ tinten pesta, irċevejt telefonata. Is-segretarja qaltli « Haw Karmenu ghalik ». Karmenu kien qed ipoġġielna l-kamra tal-banju fil-flat li konna xtrajna l-Gzira. Dak iż-żmien konna għadna noqogħdu fejn kontu toqogħdu intom qabel – Prince of Wales, 85 .
Għidtlu «Karm, dak il-madoffi banju waħħaltu ?» Qalli, b’vuċi bilkemm tinstema’ : « Jiena Karmenu Mifsud Bonnici » ! Qatt ma kont ilqajt miegħu. Talabni nistax ngħin biex intaffu xi ftit il-problema tal-qgħad fis-settur turistiku. Kien iħallini nuża’ l-uffiċċju personali tiegħu l-Belt, l-ewwel meta kien Ministru tax-Xogħol imbagħad meta kien Ministru u tal-Edukazzjoni (ġos-sur tal-Belt) biex nagħmel ħafna telefonati għal barra minn Malta. Kien idaħħalni ċertu Austin Zammit minn San Ġiljan, is-segretarju privat tiegħu. Kont sibt ħafna postijiet tax-xogħol għal żgħażagħ Maltin, l-aktar fl-Isvizzera bħala « Saisonniers » (lavoratori stagionali). Kienu marru ħafna – xi mitejn jekk niftakar sew. 2 jew 3 għamlu karriera fl-Isvizzera u jista’ jkun għadhom hemm, oħrajn ġew lura Malta u laħqu pożizzjonijiet għolja fil-lukandi u ristoranti, filwaqt li oħrajn marru l-Isvizzera u jew gew lura kif marru -… jew intbagħtu lura Malta wara ġimgha u kkaġunaw ħafna problemi! B’hekk li sirt naf lil KMB, li fl-1985 (kien sar PM) bhal sajjetta fil-bnazzi qalli li kien appuntani « Envoy » għall-Ġermanja ! »
Dr Albert Friggieri kien irrakuntali wkoll kemm Karmenu kien favur li l-kumpannija Ġermaniza Prominent tinvesti f’Malta bit-teknoloġija avvanzata tagħha. Madwaru kellu nies li ma tantx kienu jemmnu li l-Maltin kapaċi jħaddmu t-teknoloġija avvanzata tagħha. Karmenu ma qabilx magħhom u qal li Malta trid timxi ‘l quddiem u żgur li l-ħaddiema Maltin ikunu kapaċi jitgħallmu u ma nibqghux biss b’teknoloġija elementari fil-produzzjoni taż-żraben u tal-ħwejjeġ. Il-kumpannija Prominent fetħet f’Malta u marret tajjeb u għadha għaddejja tajjeb sal-lum.
Meta biddel it-tyre ta’ Alfred Sant
Ngħid li kien demokratiku tal-prinċipju minn storja li rrakkuntali Dr Mifsud Bonnici nnifsu, li ma nafx kemm hi magħrufa. Qalli li darba Mintoff bagħat lil Joe Attard Kingswell, segretarju ġenerali tal-General Workers Union u lilu biex jitkellmu ma’ Mabel Strickland u jixtru t-Times of Malta mingħandha. Huma t-tnejn iddiskutew xi jfisser dan. Qablu li jkun perikoluż li f’pajjiżna kollox ikun kkontrollat mill-partiti politiċi. Iddeċidew li ma jmorrux għand Mabel Strickland. Lil Mintoff qalulu li mhix interessata li tbiegħh.
Minn kif sirt nafu rajt bil-fatti li Karmenu għaqqad f’ħajtu u għex bil-fatti l-valuri Nsara u soċjalisti demokratiċi tas-solidarjeta`, tal-ġustizzja soċjali u tad-demokrazija. Għalih l-esperjenzi ta’ ħajtu fiż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, fil-General Workers’ Union, fil-Partit Laburista, fl-Universita` u fil-Qorti … kienu kollha minsuġin flimkien u ispirati mill-istess valuri, kemm fil-ħajja persunali tiegħu, kif ukoll f’dik pubblika.
Fl-istess ħin kellu sens qawwi ta’ umoriżmu u kien jieħu gost jidħaq bil-qalb. Niftakar darba Alfred Sant u jien ħriġna tard mill-Macina meta kienet isservi bħala l-kwartieri ġenerali Laburista. Bħas-soltu għax bqajt ma tgħallimtx insuq u bla karozza, Alfred kien se jtini lift għall-appartament fejn kont ngħix f’Tas-Sliema. Xħin morna ħdejn il-karozza ta’ Alfred, sibna li r-rota tal-lemin ta’ wara kellha ‘puncture’ u kellna bżonn inbiddlu t-tyre. Alfred fetaħ wara bies igib l-ispare wheel u l-għodda, midfunin taħt hafna rivisti u gazzetti. Ġab l-għodda u bdejna nippruvaw inħollu r-rota. Kienet iebsa ħafna u bdiet issir aktar iebsa. Rajna ħiereġ mill-Maċina lil Karmenu u beda miexi lejna bis-satchel f’idu. Xħin wasal staqsiena x’ġara u għednielu. Qabad l-għodda hu u ftit wara rnexxielu jħoll ir-rota. Qalilna li konna qed indawru bil-kontra u flok inħollu l-iskorfini konna qed nissikkawhom. Tghidx kemm daħak bil-qalb. Illum ngħid, sibnieha diffiċli nbiddlu rota, aħseb u ara kemm hu diffiċli tbiddel pajjiż!
Biex l-Ark Royal ma tidholx bin-nukleari
Konna niltaqgħu spiss miegħu l-Maċina għax bdejna d-Dipartiment tat-Tagħrif norganizzaw korsijiet ta’ edukazzjoni fil-politika u fil-ġurnaliżmu. Lili kien għenni ħafna biex ningħata permess minn Xandir Malta biex inkun nista’ nmur Stanford University fl-Istati Uniti wara li ntagħżilt ma’ tnejn oħra minn 70 ġurnalist minn pajjiżi differenti biex nagħmlu kors fil-Mass Media Institute li kienu jorganizzaw fis-sajf. Kienet esperjenza mill-aqwa għalija. Kien ukoll għenni biex inmur għall-kors tal-Master’s fiċ-Ċentru tal-Ġurnaliżmu tal-University of Wales f’Cardiff.
Xħin ġejt lura kelli nagħżel inmurx lecturer l-università jew insir editur tal-ġurnal ‘Il-Ħelsien’. Kont għażilt li nsir editur u nibqa’ nagħti xi lectures l-università. Imbaghad konna bdejna r-radju Super One u eventwalment il-ġurnal ‘Kull Ħadd’ u s-Super One TV. Fl-istess żmien konna qed naħdmu flimkien biex inġeddu l-Partit Laburista. Appoġġja ħafna t-twaqqif tal-Bord ta’ Viġilanza u Dixxiplina biex nagħmlu li nistgħu biex innaddfu l-Partit Laburista mill-korruzzjoni u mill-vjolenza li kienu fost ir-ragunijiet l-għala l-Partit Laburista tilef il-maġġoranza tal-voti fl-elezzjonijiet tal-1981 u 1987.
Konna ħdimna flimkien fuq iż-żjara tal-vapuri nukleari fil-Port il-Kbir meta ssemma’ li l-aircraft carrier Britannika Ark Royal ġejja Malta. Jien kont għamilt riċerka u anki tkellimt ma’ ġurnalisti Ingliżi li kienu jsegwu l-militar mill-qrib dwar jekk l-Ark Royal ikollhiex armi nukleari fuqha. F’’Il-Ħelsien’ kont ktibt sensiela ta’ artikli fuq hekk. Karmenu kien interessa ruħu ħafna f’dawk l-artikli u kien kontra ħafna li jitħallew jidħlu Malta vapuri b’armi nukleari fuqhom.
Ma kienx it-tip li jitkellem biss. Beda jorganizza l-imblokk biex ma jħalliehomx jidħlu fil-Port il-kbir f’Ġunju 1989. Niftakar li ma kontx ħadt sehem fl-attività li kien qed jippjana għax kont mort Moska għal-laqgħat politiċi fi żmien drammatiku ta’ bidliet kbar meta l-Unjoni Sovjetika kienet immexxija minn Mikhail Gorbachev.
Ħa membru tal-familja għal dimostrazzjoni kontrieh
Dan il-bniedem ġentili, umli u mimli ġenerożità ġie ddemonizzat bħala vjolenti, kattiv u perikoluż minħabba li fi żmienu kellna l-kwistjoni taħraq tal-iskejjel tal-Knisja u l-episodji vjolenti tal-attakk fuq il-Kurja u tal-Barrani meta l-PN ma tħalliex jagħmel mass meeting iż-Żejtun.
Kienu żminijiet ta’ tensjoni li Karmenu għex b’inkwiet kbir għalih. Żgur li ma kienx jaqbel mal-vjolenza u kien bniedem tolleranti ħafna u jirrispetta lil dawk li ma jaqblux miegħu. Smajt li kien wassal bil-karozza tiegħu membru tal-familja tiegħu li ried jattendi għall-meeting tal-PN kontra tieghu f’Tas-Sliema dak iż-żmien u ma kellux biex imur.
Fl-istess ħin f’ċerti mumenti kien jidher iebes ħafna ghax kien jemmen b’ruħu kollha fi prinċipji Nsara bl-akbar ġenwinità. Ma kienx jaċċetta li l-knisja ma taqbilx li tuża’ l-ġid tagħha biex tagħmel l-iskejjel tagħha bla ħlas. Ħafna minn dawn l-iskejjel kienu bla ħlas fil-bidu tagħhom u fetħu biex jedukaw lit-tfal tal-fqar u maż-żmien saru l-aktar jedukaw lit-tfal tan-nies tal-flus. Dawk li rreżistew il-prinċipju ta’ edukazzjoni bla ħlas mill-iskejjel tal-knisja riedu l-aktar jipproteġu l-vantaġġi li riedu għal uliedhom biex ma jitħalltux mat-tfal tal-ħaddiema u “jbaxxu” l-istandards tal-iskejjel.
Ċert li Karmenu ma xtaqx li l-ġlieda għal dan il-prinċipju ta’ edukazzjoni b’xejn mill-Knisja ta’ Kristu li kien inklussiv u ried il-ġid tat-tfal kollha, u mhux tan-nies tal-flus biss, tieħu x-xejra nkwetanti u mimlija tensjoni li ħadet.
Ipproteġa l-għażla tal-poplu fl-elezzjoni 1987
Fil-fatt Dr Mifsud Bonnici saħħaħ id-demokrazija f’pajjiżna meta għen biex jiġi żgurat li jiggverna l-partit li jġib l-iżjed voti fl-elezzjoni biex ma jerġax jiġri bħalma ġara fl-1981 meta l-PN ġab iżjed voti mill-Partit Laburista u baqa’ fl-Oppożizzjoni. Għen biex tinbidel il-Kostituzzjoni biex jirbaħ il-gvern dak il-partit li jġib l-iżjed voti, iġib kemm iġib siġġijiet. Żgura li wara l-elezzjoni 1987 il-poter governattiv jgħaddi bl-aktar mod paċifiku mingħand il-Partit Laburista għal għand il-Partit Nazzjonalista. Ftit jiem qabel l-elezzjoni kien lest jieħu l-passi kollha meħtieġa mat-Task Force u l-Armata biex jipproteġu sew fejn se jsir l-għadd tal-voti għax il-mexxejja tal-PN kienu qalulu li kellhom rapporti li jekk il-Partit Laburista jitlef l-elezzjoni se jkun hemm attakk fuq il-post u jinqered kollox biex ma jkunx hemm prova tar-riżultat elettorali. Meta sar jaf ir-riżultat elettorali u qabel ma tħabbar uffiċjalment kien diġà ċempel lill-Aġent President Paul Xuereb biex jgħidlu li qed jirriżenja u jaċċetta r-riżultat li l-Partit Laburista tilef l-elezzjoni u se jkun hemm bidla fil-gvern kif xtaq il-poplu.
Meta waslet l-elezzjoni generali tal-1992 niftakru jiġi l-Marsa fejn konna naħdmu fuq ‘Il-Ħelsien’, taħt żingu jqattar meta tagħmel ix-xita u f’umdità kbira tiela’ mill-art tal-konkos u jgħidli: “Oħroġ għall-elezzjoni.” Kelli 40 sena. Lill-marti Gillian kont wegħedtha li mhux se noħroġ għall-elezzjoni qabel nagħlaq il-50 biex nagħtu ċans lill-uliedna jikbru iżjed. Karmenu baqa’ jinsisti. Għedtlu l-kampanja bdiet diġà. Kif nista’ nitla fi ftit ġimgħat. Qalli: Tinkwetax titla’ żgur. Mort id-dar u għedt lil Gillian li appoġġjatni. Għall-ewwel kelli l-ħsieb li noħroġ biss fuq l-10 distrett ta’ tas-Sliema. Iżda mbagħad ġew il-kumitat Laburista tal-Mellieħa u qaluli jieħdu ħafna għalihom jekk noħroġ biss fuq tas-Sliema u allura ħriġt ukoll fuq it-12 il-distrett. Bqajt noħroġ fuq l-10 u t-12 il-distrett fit-tmien elezzjonijiet bejn l-1992 u 2022 u dejjem tlajt minn zewg distretti fl-ewwel seba’ elezzjonijiet. U kollox beda minn żjara ta’ Karmenu darba filgħodu fl-1992.
Meta dħalt il-parlament stajt insegwi mill-qrib lil Karmenu fil-ħidma parlamentari tiegħu li kienet eżemplari għal kif kien jagħrbel l-abbozzi tal-liġijiet, jara n-nuqqasijiet fihom u jipproponi tibdil biex itejjibhom għall-ġid tal-poplu u tal-pajjiż, anki mill-oppożizzjoni.
Sal-ahhar ried Malta newtrali u sovrana
Taqbel jew ma taqbilx magħhom, il-pożizzjonijiet tiegħu lejn l-edukazzjoni bla ħlas mill-iskejjel tal-knisja, lejn il-qawwiet kbar bħall-Istati Uniti, lejn in-newtralita` u l-oppożizzjoni tiegħu għad-dħul tal-vapuri nukleari fil-portijiet tagħna, lejn l-Unjoni Ewropea, kienu kollha ispirati mill-imħabba kbira li kellu lejn pajjiżna biex ikollu soċjetà ġusta, ikun sovran u ħieles, favur il-paċi u kontra l-gwerra.
L-aktar li kont imdaħħal f’diskussjonijiet diffiċli politiċi miegħu kien meta fil-Partit Laburista ġejna biex inbiddlu l-pożizzjoni tagħna dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea li konna opponejna fir-referendum u fl-elezzjoni ġenerali warajh fis-sena 2003. Wara li tlifna l-elezzjoni ridna naraw x’se jkunu l-passi li ridna nieħdu. Kien hemm partiti f’pajjiżi oħra li opponew is-sħubija ta’ pajjiżhom fl-Unjoni Ewropea u baqgħu jopponuha jew ma jieħdux pożizzjoni ċara sa snin twal wara, bħall-Partit Soċjalista Grieg jew il-Partit Laburista fir-Renju Unit.
Niftakar li aħna ridna li ma jiġrilniex l-istess u wara l-elezzjoni ġenerali 2003 bdejna t-triq difficli biex il-Partit jieħu pożizzjoni fir-realta` ġdida li nħolqot bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dak iż-żmien kont inħtart Kelliemi Laburista għall-Affarijiet Ewropej u allura bilfors kelli nkun imdaħħal mill-qrib ma’ x’kien qed jagħmel il-Partit Laburista dwar l-Unjoni Ewropea. Ma kien faċli xejn tiddiskuti ma’ Karmenu għax baqa’ jopponi b’mod feroċi għas-sħubija. Kien jemmen li se nerġgħu nsiru kolonja u nitilfu t-tmexxija tagħna nfusna. Kien jemmen ukoll li se tibda t-triq biex nitilfu n-newtralità tagħna u ninġarru mal-kurrent u nerġgħu nidħlu fl-alleanza militari tan-NATO mmexxija mill-Istati Uniti.
Ma tistax taqbad u tarmi l-argumenti tiegħu u għandhom iservuna biex jifthulna għajnejna dwar kif għandna niddefendu l-interessi nazzjonali tal-poplu tagħna fid-direzzjoni li qed tieħu l-Unjoni Ewropea fejn hemm pressjoni biex tonqos iżjed is-saħħa ta’ pajjiżi żgħar bħalna u biex tiġi żviluppata politika komuni ta’ difiża u sigurtà li tkun marbuta ħafna man-NATO.
Kapaci jieħu d-dinja biċ–ċajt
Meta spiċċa mill-politika parlamentari ma tantx bqajna f’kuntatt ħlief meta konna niltaqgħu b’kumbinazzjoni u ngħidu kelma. Meta mbaghad fl-aħħar snin kellu jmur l-isptar għall-kura konna nibgħatu x-xewqat it-tajba lil xulxin permezz tal-Maġistrat Joe Mifsud li kien ikun għall-kura ħdejh. Kien Karmenu li ntroduċieni ma’ Joe f’nofs is-snin tmenin u qalli biex nieħu ħsiebu u ninvolvih fix-xogħol ġurnalistiku. Grazzi għal dik l-introduzzjoni Joe u jien sirna ħbieb u għamilna ħafna xogħol ġurnalistiku nteressanti u nvestigattiv flimkien. Karmenu kien jinkoraġġina, anki meta konna nkunu mqarbin u nlaqqtu xi libell fuq xi storja. Qatt ma qatagħlna qalbna jew beżżagħna.
Niftakar darba bħala editur ta’ ‘Il-Ħelsien’ riedu jtellgħuni b’arrest għal xi kawża ta’ libell it-Tnejn fil-għodu. Ried jevita t-teatrin qalli. Għamel xi telefonati u ċempilli d-dar il-Ħadd fl-għaxija biex l-għada nitla’ bil-kwiet għal-libell. Mill-esperjenza tiegħi ngħid li ma kienx iħobb ix-xenati u waqt li kien lest jieħu pożizzjoni soda u iebsa kif jemmen, żgur li ma kienx jagħmel dan għall-pubbliċità.
Bla ma jaf, minħabba fih, dħalt daqxejn f’kontroversja żgħira, meta ntlabt nagħmel apprezzament tal-Imħallef Maurice Caruana għall-ktieb li ħareġ b’ġieħu. Iddeċidejt li nikteb dwar storja li kont smajt dwar Karmenu Mifsud Bonnici. Kien deher il-qorti biex jiddefendi lil Lorry Sant meta kien wieħed mill-mexxejja tal-ħaddiema tat-tarzna. Jintqal li l-Imħallef Caruana Curran kien qal: “Dan x’isem hu Lorry? Mela qed tiddefendi trakk?” Jingħad li Karmenu wieġbu, “Ħeqq, hawn min jismu Maurice.” Dak iż-żmien il-karozza Morris kienet popolari fit-toroq Maltin.
Meta bghatt il-kitba tieghi, l-edituri ħassew li biex iġibuha għandhom idaħħlu nota jgħidu li l-istorja qatt ma ġrat. Għadni sal-lum ma nafx ġratx jew le. Għax min jgħid iva u min jgħid le. U issa ma nistgħux nistaqsu lil Karmenu Mifsud Bonnici jew lil Lorry Sant.
Li naf żgur hu li Karmenu kellu sens ta’ umoriżmu mqareb. Anki f’sitwazzjonijiet mill-aktar serji, kien kapaċi jieħu d-dinja biċ-ċajt. Kien persuna kumplessa ħafna u sempliċi fl-istess ħin. Karattru b’ħafna aspetti differenti, anki kontradditorji, misterjuż u trasparenti fl-istess ħin. Wara kollox kif jgħid il-kittieb Gabriel Garcia Marquez: “Il-bnedmin kollha għandhom tliet ħajjiet: pubblika, privata u sigrieta.”
Il-personalità tiegh
ħu għad trid tigi analizzata bil-kalma u bla pregudizzju biex tinftiehem sew u b’mod ġust.
EVARIST BARTOLO