You are currently viewing Poplu li ma jaqrax, jaqa’ lura

Poplu li ma jaqrax, jaqa’ lura

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

56% tal-Maltin ma qrawx ktieb wieħed fis-sena 2022. L-agħar huma l-irġiel li 65% minnhom ma qrawx ktieb wieħed skont stħarriġ li ħareġ f’Awwissu 2024 mill-Unjoni Ewropea. 47% tan-nisa qalu li ma qrawx ktieb wieħed. Nofs biss taż-żgħażagħ fl-eta’ bejn 16 u 24 qraw ktieb wieħed f’sena.

Hawn min jiftaħar li ma jaqrax. Ma jħossx il-bżonn li jipprova jsib ħin jaqra u jirrifletti fuq dak li jaqra. Malajr ikun hawn min iġib l-iskuża li llum qed jintuża’ l-internet u ħafna minn dak li għandna bżonn infittxuh fl-internet flok fil-kotba. Pajjiżi oħra jużaw l-internet ukoll u xorta jaqraw kotba iżjed minna.

Qari bis-sena mill-internet huwa qari serju wkoll. L-importanti x’taqra u kif tirrifletti dwar dak li taqra. Il-qari diġitali żdied ħafna u biddel id-drawwa tal-qari. Imma l-bżonn ta’ qari serju kiber aktar minn qatt qabel għax għandna iżjed tagħrif u inqas ħin biex nifluh u nifhmuh. Żdiedet l-informazzjoni u żdiedu wkoll d-diżinformazzjoni u l-malinformazzjoni biex tqarraq u ġġiegħlek temmen dak li mhux veru u fattwali.

M’aħniex nagħmlu biżżejjed fil-qasam edukattiv biex nitgħallmu naqraw bil-ħsieb u nagħrblu dak li naqraw. Hemm bżonn naqraw iżjed u nixtarru iżjed dak li naqraw.

Għandna nies li ma jaqrawx anki jekk huma f’posizzjoni għolja ħafna u jieħdu deċiżjonijiet li jolqtu l-ħajja ta’ ħafna nies.

L-irġiel, li ħafna minnhom ma jaqrawx, għadhom jokkupaw il-ħatriet tat-tmexxija. 

Kif jista’ pajjiżna jimxi ‘l quddiem mingħajr tiġdid fil-ħsieb u fil-ħidma jekk il-Maltin ma jaħsbux u ma jaqrawx u ma jirriflettux?

Kif jista’ jkollna Malta aħjar mingħajr ma nkunu aħjar aħna l-Maltin? Poplu li ma jaqrax jaqa’ lura daqs poplu li ma jafx jaqra.

Kif tista’ ssegwi u tipprova tifhem fir-realtajiet ikkumplikati ħafna tal-lum li qed ngħixu fihom? Kif tista’ titgħallem taħseb b’moħħok u tagħrbel il-fatti minn dak li jippruvaw ibellgħulna r-reklami u l-propaganda?

Kif tista’ ġġedded dak li taf u tlaħħaq ma’ tant għerf jiżdied kuljum anki jekk taf li taqra kemm taqra qatt ma tista’ taqra biżżejjed għax il-vjaġġ biex tfittex huwa kontinwu, u l-importanti kif taqra u mhux sempliċiment kemm taqra?

Taqra mhux biex taħrab mir-realta’

Kif tista’ taħseb dwar kif tista’ tagħmel l-affarijiet aħjar jekk tibqa’ taħdem biss bl-istess kaxxa tal-għodda msadda u skaduta li serviet sew meta kienet għadha tajba?

Kif tista’ tifhem x’inhu għaddej xi mkien jekk ma tafx dwar l-istorja u l-kultura ta’ dak il-poplu u post?

Kif tista’ tifhem poplu jekk ma taqrax il-letteratura tiegħu?

Kif se tkun effettiv jekk ma tarax kif it-tibdil  xjentifiku, teknoloġiku ekonomiku, politiku qed jolqtu kull qasam tal-ħajja?

Ma taqrax biex sempliċiment taqra, iżda biex tipprova tihem aħjar lilek innifsek, lill-oħrajn li jgħixu miegħek u madwarek, id-dinja tal-lum …taqra’ biex tipprova tifhem kif taħdem id-dinja reali  …

Il-qari u r-riflessjoni dwar dak li naqraw jistgħu jgħinuna nbaħħru fil-baħar imqalleb, jgħinuna ma naqtgħux qalbna għax naraw kif ħaddieħor ipprova jirkeb il-mewġ qawwi u pprova jgħix bis-sens.

Naqraw mhux biex naħarbu mill-kruha tal-ħajja u ngħixu xi ħrafa sabiħa … iżda biex aktar inkunu nistgħu nippruvaw niffaċċjaw id-diffikultajiet kbar tal-ħajja. Il-qari waħdu mhux biżżejjed daqskemm żgur li dgħajsa tal-karti mhux se ssalvak f’baħar imqalleb.

Kif se jaqra’ u jaħseb iżjed il-poplu tagħna jekk ma jsirx sforz sostnut favur il-qari u t-tiġdid tal-ħsieb u l-ħidma? Kif se jitgħallem iħaddem iżjed moħħu biex jagħrbel sew dak li jaqra, jekk ma jsirx sfors apposta fl-edukazzjoni ta’ wliedna u f’ħidma edukattiva mal-adulti biex ikunu ċittadini nfurmati u ffurmati bl-għodda meħtieġa biex jaħsbu b’moħħhom? Kif jista’ jkollok soċjeta’ miftuħa u demokratika jekk iċ-ċittadini jkollhom moħħhom u għajnejhom magħluqin?

Torċa 1 Settembru 2024