You are currently viewing Pedestalli żlugati ħafna

Pedestalli żlugati ħafna

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Kien hemm żmien li dawk li kienu f’xi posizzjoni għolja kienu jitpoġġew fuq pedestall, ‘il fuq, biex kważi jadurahom kulħadd. Ta’ fuq kien ikollhom il-flus, il-propjetà, is-saħħa militari, uħud minnhom jafu jiktbu u jaqraw. Waqt li ta’ isfel ma kien ikollhom xejn minn dan.

Bil-bidliet kbar li seħħew fid-dinja, dan inbidel. Waqgħu ħafna pedestalli bl-istatwi ta’ fuqhom. Fis-soċjetà tal-lum ta’ uża u armi, anki dawk ta’ fuq jinbidlu spiss u jintesew.

Ħsibt dwar dan kollu dan l-aħħar meta fetaħ qalbu qassis miegħi dwar kif ħafna qassisin u reliġjużi jinsabu fi kriżi f’dawn iż-żminijiet.

Jafu li ma jistgħux ikunu bħall-bieraħ u ma jafux kif ikunu llum.

Qalli kif il-fiduċja, ir-rispett u l-awtorita’ m’għadhomx awtomatiċi u garantiti.

Qalli kif illum faċli jintilfu u trid taħdem għalihom kuljum u bla ebda garanzija ta’ suċċess.

Qalli li meta tiksibhom qatt ma tista’ serraħ rasek li tiksibhom darba għal dejjem.

Aktar ma tkellem fuq il-knisja u l-qassisin u r-reliġjużi aktar sibt li qisu qed jitkellem fuq il-ħatriet ta’ responsabbilta’ u poter f’kull qasam tal-ħajja personali u pubblika.

Tajjeb li ma jibqgħux idoli u allat foloz fuq pedestalli u li dawk li jkunu f’posizzjoni għolja jarawha bħala responsabbiltà biex jaħdmu għall-ġid komuni. Hekk jirbħu l-fiduċja, ir-rispett u l-awtorità.

“Il-ħuta minn rasha tinten.”

Dan il-qawl ma nużawhx aħna biss. Insibuh f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja.

Jużawh ukoll l-Ingliżi, iċ-Ċiniżi, ir-Russi, il-Pollakki u l-Griegi.

Mhux magħruf meta u fejn beda’ jintuża l-ewwel darba.

Kull qawl huwa għerf li ġej mill-poplu u mill-kultura ġenerali ta’ pajjiż u mhux ikun kitbu xi ħadd partikulari.

Fost l-ewwel fl-Ewropa li semmih fi ktieb kien il-filosfu Olandiż Erasmus madwar 500 sena ilu meta kiteb: “Piscis a capite foetet.”

Imma 800 sena ilu l-poeta Persjan Rumi li miet it-Turkija fl-1273 kien diġà kiteb vers f’pożija: “Il-ħut jibda jinten mir-ras, mhux mid-denb.”

Allura dan il-qawl inħoloq fit-Turkija wara li Rumi kiteb din il-poeżija jew Rumi kitbu fil-poeżija tiegħu għax semgħu jintuża’ mit-Torok?

Fil-ktieb tiegħu ‘Osservazzjonijiet dwar ir-reliġjon, il-liġi, il-gvern u d-drawwiet tat-Torok’ li ħareġ fl-1768, Sir James Porter jgħid: “It-Torok għandhom qawl li jgħid: “il-ħuta l-ewwel tinten minn rasha” li jfisser li jekk ta’ taħt huwa mħarbat, hu hekk għax ta’ fuqu hu hekk.”

Porter dam 15-il sena ambaxxatur Ingliż f’Istanbul, il-kapitali tal-Imperu Ottoman. Minħabba l-ktieb ta; Porter hemm min isosnti li dan il-qawl twieled it-Turkija u ħolquh it-Torok.

Twieled fejn twieled, kullimkien ifisser l-istess: li fejn hemm xi organizzazzjoni politika, tan-negozju, tal-knisja, militari … sistema, pajjiż li sejrin ħażin, it-taħsir jibda mit-tmexxija, minn dawk ta’ fuq li mhux qed jaqdu dmirijiethom sew.

Id-direzzjoni, l-istrateġija, il-kultura u l-imġieba ta’ kull qasam huma magħġuna l-iżjed minn dawk li jmexxu u ferm aktar milli minn dawk li jimxu warajhom.

Sintendi l-qawl “Il-ħuta minn rasha tinten” huwa tixbiħa, metafora għal tmexxija ħażina għax fil-fatt ħuta tibda tinten l-ewwel mill-imsaren u mhux mir-ras.

Il-feddej meta ġej?

Ix-xahar li għadda kelli x-xorti nara d-dramm ‘Waiting for Godot’ tal-kittieb Irlandiż Samuel Beckett fit-Theatre Royal Haymarket ta’ Londra.

Kitibha fl-1948-49 wara li d-dinja kienet għaddiet minn snin iġġarrab il-qtil ta’ miljuni ta’ nies f’kull naħa tad-dinja bil-gwerra, il-kampijiet tal-konċentrament u tal-ilsiera, id-dittaturi, il-bombi atomiċi fuq Hiroxima u Nagasaki, tant kefrija u moħqrija u l-qerda ta’ bliet sħaħ u l-għixien ta’ miljuni li baqgħu ħajjin.

Fi żmien daqshekk ikreh u mudlam tagħti tort lil Beckett jistaqsi: il-ħajja tagħmel sens? Hemm tama li nibnu ċivilta’ umana fejn nistmaw ta’ bnedmin lil xulxin?

Ġej xi ħadd isalvana? Min hu Godot? F’liema xbieha se noħolquh bħala salvatur tagħna? Godot qatt jasal biex isalvana? Hemm ċans nimxu ‘l quddiem jew nibqgħu weqfin fejn aħna u ma nafux fejn għandna nmorru?

Kitba brillanti, direzzjoni teatrali u atturi mill-aqwa, xenarju impressjonanti ta’ siġra waħedha f’pajsaġġ vojt.

Is-siġra hija s-salib, forka bla weraq ta’ ħajja?

Imma fl-aħħar ħerġin ftit weraq. Mela it-tama mhix mejta għal kollox imma l-ħajja żgur mhix ħrafa fejn b’xi mod maġiku se jasal xi Godot u jibdlilna l-mibegħda u l-gwerra f’imħabba u f’paċi fejn se ngħixu ħenjin għal dejjem ta’ dejjem.

Il-fidwa trid tiġi minna nfusna u billi ninbidlu aħna stess.

Torċa 8 Diċembru 2024