Jidher li hu fatt li San Pawl ġie hawn u mhux fil-gżira ta’ Mlet mal-kosta tad-Dalmazja. Imma l-Atti tal-Appostli ma jsemmux li kkonverta lill-Maltin u lill-Għawdxin li kienu jitkellmu lsien differenti minnu.
Skont l-istudjuż Horatio Vella, Malta ma saritx Nisranija qabel is-seklu 3. Mhemm l-ebda provi storiċi jew arkejoloġiċi li l-Maltin u l-Għawdxin biddlu r-reliġjon tagħhom u saru Nsara qabel ma l-Imperu ta’ Kostantinu kkonverta.
Aħna niċċelebraw in-nawfraġju ta’ San Pawl fl-10 ta’ Frar imma dan sehh f’Diċembru.
It-tradizzjoni tgħid li nżamm il-ħabs f’għar qrib l-Imdina. L-Atti tal-Appostli ma jsemmu xejn dwar dan. Kif ma jsemmu xejn li ordna lil Publiju bħala l-ewwel isqof ta’ Malta u li sar Nisrani. Kif ma jsemmu xejn li San Luqa kien pittur. Jgħidu li kien tabib.
Skont it-tradizzjoni San Luqa penġa lill-Madonna u lill-Bambin fuq il-blat tas-Santwarju tal-Mellieħa. Mario Buhagiar f’‘The Iconography of the Maltese Islands 1400-1900’ jikteb li “Fost ix-xogħolijiet l-aktar qodma tal-bidu hemm l-ikona tal-Verġni mpinġija fuq il-blat fl-għar-santwarju fil-Mellieħa. Biżanteska fl-ispirazzjoni imma Siċiljana jew tal-Italja t’Isfel fl-eżekuzzjoni tagħha, hija datata stilistikament għall-aħħar tas-seklu tlettax jew għall-bidù tas-seklu erbatax u tixhed similarità ikonografika mill-qrib ma’ għadd ta’ murali apparantement kontemporanji tal-Madonna fil-kejjes maqtugħin fil-blat ta’ Sqallija Orjentali …”
Fis-sena 2016 ix-xbieha Sikulu-Biżanteska tal-Madonna kienet ġiet restawrata minn esperti Taljani u taw iżjed għarfien storiku u xjentifiku ġdid dwarha. Dan it-tagħrif saħħaħ u mhux qered jew naqqas is-sens ta’ seħer, mit u qima li dil-pittura tal-Madonna kellha għal tant sekli.
Niftakar żmien meta li tiddubita minn tradizzjoni reliġjuża kont titqies perikoluż u li qed thedded il-fidi mill-qiegħ. Kienu jgħidulek iżżomm dawn il-ħsibijiet eretiċi għalik għax tqabbad lill-fidili t-triq għall-Infern.
Wieħed mill-aqwa vjaġġi
Il-vjaġġ ta’ San Pawl meta għadda minn Malta jitqies bħala wieħed mill-aqwa vjaġġi fl-istorja tad-dinja (Ara l-ktieb ‘The Great Journeys in History’).
Fih l-istoriku Philip Matyszak jgħid li wara li qatta’ sentejn il-ħabs, akkużat mill-Qassis Għoli ta’ Ġerusalemm li daħħal nies mhux Lhud fit-tempju, Pawlu kiseb id-dritt li jitressaq il-qorti f’Ruma u mhux f’Ġerusalemm fejn kien jinstab ħati żgur.
Beda l-vjaġġ tiegħu minn Caesarea lejn l-aħħar ta’ Awwissu meta kien tard wisq fl-istaġun tat-tbaħħir. Marru Myra, in-naħa t’isfel tat-Turkija. Pawlu li kellu miegħu lill-ħabibu Luqa (għax kien permess jieħu ħabib miegħu). Telqu lejn Lixandra. Lejn nofs Settembru kellhom ifittxu l-kenn fil-gżira ta’ Kreta għax sabu maltemp qawwi.
Pawlu kien tal-fehma li joqogħdu x-xitwa fi Kreta u mbagħad ibaħħru direttament lejn Ruma meta jibda l-istaġun tal-bnazzi. (Kieku semgħu minnu ma kienx jiġi Malta).
Malli ħarġu minn Kreta beda riħ qawwi u baħar feroċi li kaxkarhom lejn l-Afrika.
Għamlu ħmistax f’maltemp qawwi, li matulhom tefgħu t-tagħbija l-baħar, imbagħad l-affarijiet tal-passiġġieri stess u mbagħad partijiet mix-xini. Fl-aħħar semgħu l-mewġ iħabbat mal-blat u waslu fuq gżira li kienet Malta.
Saqu li kien fadal mix-xini lejn il-blat u għamu lejn ix-xatt u telgħu l-art qawwijin u sħaħ waqt li l-mewġ farrak ix-xini mal-blat.
In-nies tal-gżira laqgħuhom tajjeb ħafna u ħadu ħsiebhom. In-nies tal-post kienu mpressjonati ħafna meta serp lil Pawlu u ma mietx. Ma nafux x’tip ta’ serp gidem lil Pawlu, jgħid Matyszak.
F’Malta sabu xini ieħor li kien minn Lixandra u stkenn Malta għal tliet xhur qabel reġa’ baħħar lejn Ruma u ħa miegħu lil Pawlu u l-priġunieri l-oħra.
Matyszak jgħid li ftit hemm tagħrif storiku x’ġara lil Pawlu wara li wasal Sqallija minn Malta ħlief li għamel sentejn liberu f’Ruma fejn ippriedka t-tagħlim ta’ Kristu.
L-Atti tal-Appostli ta’ San Luqa jieqfu hawn. Hemm min jaħseb li lil Pawlu qatgħulu rasu imma Matyszak jgħid li probabbli li Pawlu nħeles mill-akkuża kontrih u reġa’ beda jivvjaġġa, aktarx lejn Spanja.
Il-Mellieħa Frar 2025