You are currently viewing Niskopru lilna nfusna

Niskopru lilna nfusna

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Dawk li twieldu bħali fis-snin 50, ftit li xejn konna nitgħallmu dwar il-gżejjer tagħna l-iskola. 

Konna ngħixu fuq gżira fil-Mediterran bil-ġografija, l-istorja u l-kultura tagħha iżda l-kotba tagħna kienu dwar l-Ingilterra li qatt ma żorna u li konna nafu biss fuq il-mappa. 

Kien isir kull sforz biex jaqlgħuna mill-Mediterran u jpoġġuna xi mkien fl-arja ħdejn l-Ingilterra.

Il-ftit li konna nitgħallmu dwar il-passat tagħna kien mimli ħrejjef.

Godfrey Wettinger huwa żgur wieħed mill-aqwa storici tagħna li jgħinna niskopru l-passat tagħna b’ħafna riċerka paċenzjuża u kuraġġuża għall-ħafna snin għax ried jaqdef kontra l-kurrent. 

L-istoriku Godfrey Wettinger jgħidilna li għall-ħafna sekli f’Malta u f’Għawdex ma nsibux irħula jew bliet qrib il-baħar mal-kosta, ħlief il-Birgu għax kien hemm il-Kastell ta’ Sant Anġlu jiddefendih. 

Niesna ma kinux jissugraw jgħixu qrib il-baħar għax kienu f’periklu kontinwu li jintlaħqu iżjed malajr minn dawk li kienu jinvadu l-gżejjer tagħna.

Ma kinux joħorġu jistadu biex ikollhom x’jieklu minkejja l-baħar kbir li kien idawwarhom b’abbundanza ta’ ħut. Il-baħar kienu jarawh ta’ periklu kbir minħabba l-pirati ta’ Barberija (ix-xatt tal-Afrika ta’ Fuq mill-Eġittu sal-Marokk)..

Minflok jgħixu mill-baħar, in-nies kienu jaħdmu l-għelieqi fi gżejjer fejn l-ilma dejjem kien skars bin-nuqqas ta’ xita. 

Pirati barranin u lokali

Fil-gżejjer bi ftit ilma ftit kienu jkabbru ħxejjex u qmuħ fir-raba tagħhom. Tant li dejjem kellna nġibu l-qamħ minn Sqallija għax anki meta kellna popolazzjoni ta’ 10,000 biss ma konniex inkabbru qamħ biżżejjed għalina.

Minbarra l-attakki miż-żewġ naħat tal-Mediterran, in-nies tal-għelieqi ġie li kellhom isofru ‘invażjonijiet’ mill-familji nobbli Maltin li riedu jaħtfu l-art għalihom. 

Fl-1449 il-familja Desguanes riedet tieħu parti mill-art komuni ta’ Miżieb ir-Riħ. 

Fl-1479 ta’ Desguanes riedu jaħtfu iżjed art komuni u jgħaqqduha mal-art li kellhom Għajn Żejtuna fl-inħawi tal-Mellieħa. Għalkemm ir-raħal tal-Mellieħa kien ġie abbandunat, xi nies baqgħu jgħixu f’xi għerien bil-merħliet tagħhom li setgħu jirgħu fl-art komuni tal-inħawi għax kienu art ta’ kulħadd. Imma n-nobbli rieduhom għalihom.

Ftit għandna dokumenti storiċi li jgħinuna nifhmu x’ġara f’dawk iż-żminijiet ta’ attakki tal-pirati, mard, faqar u ħakma korrotta minn Spanjoli li kienu jħallsu biex jingħataw lil Malta u Għawdex u jiġbru ħafna taxxi biex jieħdu lura flushom li ħallsu lir-re biex jiksbu lill-gżejjer tagħna.

520 sena mindu twieled Callus

Niftakarni 50 sena ilu niskopri lil Ġużeppi Callus jien u naqra artiklu interessanti ħafna ta’ Godfrey Wettinger dwar kif il-Maltin kienu jħarsu lejn l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u kif kienu jistmawna.

Tant kont fraħt naqra l-istudju ta’ Wettinger (1974): ‘Early Maltese popular attitudes to the government of the Order of St. John’ Melita Historica, 6(3), 255-278.

Fih juri li l-Maltin kienu kontra t-tmexxija iebsa u ħarxa tal-Kavallieri u kif dan it-tabib Ġużeppi Callus kien ingħata l-forka għax ipprotesta kontra d-deċiżjoni tal-Gran Mastru Jean de Valette li jimponi taxxi iebsa ħafna fuq il-Maltin waqt li dgħajjef ħafna is-sehem ċkejken biex huma jieħdu sehem fit-tmexxija tal-gżejjer tagħhom. 

Fil-kotba tagħna tal-istorja ftit li xejn konna nsibu tagħrif dwar l-għixien tal-poplu Malti u kif kienu jħarsu lejn il-ħakkiema tagħhom. Kienu jpinġuna li spiss noqogħdu għal kollox u sofru bil-kwiet.

Bħala żagħżugh qrajt ħafna dwar kemm batew u għamlu sforzi kbar popli oħra biex jeħilsu mill-kolonjaliżmu u iibdew imexxu lilhom infushom. 

Ikolli nammetti li kont inħossni nistħi li kont parti minn ġens li donnu kien magħġun biex ikun dejjem maħkum minn popli ohra u jaċċetta dan bħal merħla nagħaġ.

Stanley Fiorini tefa’ iżjed dawl fuq Ġużeppi Callus. Sab li twieled fis-sena 1505. 

Mela s-sena li ġejja, fis-sena 2025, suppost li se nfakkru l-520 sena mindu twieled. Kif se nfakkruh? L-istorja ta’ Callus x’turi dwar il-kuxjenza nazzjonali tagħna meta lanqas biss nafu dwar dawk li qabżu għall-poplu tagħna matul is-snin?

Aħna nistgħu niċċelebraw lill-pajjiżna u lill-poplu tagħna bla ma nobogħdu pajjiżi u popli ohra. 

F’dinja mqallba u mħawda ħafna fejn ħafna minna nħossuna bla għeruq, tajjeb li nwiegbu mistoqsijiet bħal: 

– ahna mnejn ġejjin?

– kif ġejna magħġunin minn kulturi differenti ta’ ġnus differenti li ġew fostna, seklu wara l-iehor?

– min ahna u fejn sejrin?

– x’tip ta’ poplu nixtiequ nkunu?

Studji storiċi bħal dawk ta’ Wettinger mibnija fuq xogħol paċenzjuż ħafna ta’ ġbir u analiżi tal-fatti jitfgħu dawl fuq mnejn ġejjin. Jekk ma nkunux nafu mnejn ġejjin ma nistgħux inkunu nafu wisq fejn ninsabu u wisq anqas fejn se nmorru.

Torca 12 Mejju 2024