You are currently viewing Nisa miżmuma fid-dlam

Nisa miżmuma fid-dlam

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

Kienet l-ewwel u l-unika ġurnalista mara Maltija ta’ żmienha. Kienet l-ewwel mara Maltija li attendiet l-Università ta’ Malta fejn segwiet kors tal-qwiebel fl-1918.

Jisimha Luċia Levanzin. Twieldet Inglott fl-1874 ġewwa Ħaż-Żabbar.

Kellha kolonna ‘Għan-Nisa’, fil-gazzetta ‘In-Naħla’ fejn kienet tgħallem lil dawk il-ftit nisa Maltin li kienu jafu jaqraw u jiktbu bil-Malti.

Minn żmien għal żmien kienet twieġeb xi mistoqsijiet li kienu jsaqsuha l-qarrejja.

Tant kienet ħaġa ġdida li mara tikteb f’gazzetta dak iż-żmien li kien hemm min kiteb biex jifirħilha. Iżda fl-istess ħin kien hemm min kien kontriha ħafna.

Fil-ħarġa tat-30 ta’ Jannar 1909 ta’ ‘In-Naħla’ insibu lil żewġha u editur Agostino Levanzin jirringrazzja lil min kitiblu biex jifraħ lill-mara tiegħu għall-kitba tagħha.

Iżda fl-istess ħin iżid: “ma għamiltux bħal xi puliti minn Tas-Sliema li meta l-mara tmur bit-tfal Għar id-Dud joqogħdu jagħmluha tal-bravi u ħelwin jinsultawha b’ħafna botti viljakki.”

Fl-1910, biex tagħmel kuraġġ lin-nisa mgħaffġin taħt żwieġhom, Luċia kienet kitbet: “mara, anki jekk stmata ħażin mir-raġel tagħha, maħkuma għal kollox minnu u jkollha tagħmel dak li jgħid hu, xorta kapaċi u intelliġenti.”

Kienet irrabjata li n-nisa kienu miżmuma lura fl-edukazzjoni biex ma jilħqux f’postijiet tat-tmexxija.

Fl-1906, taħt l-isem ta’ ‘Ċikka l-Bormliża’ kienet kitbet taqbila twila 63 stanza biex tiftaħ għajnejn in-nisa u ma jaċċettawx li jiġu ngannati u stmati ħażin mill-irġiel.

Luċia Levanzin ftit li xejn magħrufa fostna, bħal ħafna nisa oħra li tul iż-żminijiet ħadmu ħafna għall-ġid tal-poplu tagħna imma huma miżmuma kważi fid-dlam ta’ eklissi totali fejn l-aktar li jidhru huma l-irġiel qishom in-nisa ma kinux jeżistu fis-soċjetà tagħna ħlief biex iwelldu, irabbu u jaqdu lill-irġiel u jaħdmu għall-familja.

Tajjeb li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex noħorġu mid-dlam lil dawk il-ħafna nisa li bnew ukoll lill-pajjiżna.

Mhux abjad u iswed biss

“Nieħdu gost naqsmu d-dinja fi tnejn. Tajjeb kontra l-ħażin. Onest kontra imbroljun. Pajjiżi kontra l-pajjiżi l-oħra. Li naqsmu d-dinja fi tnejn jiġina sempliċi u naturali …. u nagħmlu hekk il-ħin kollu bla ma nirriflettu dwar li qed nagħmlu hekk.” (il-ħassieb Żvediż Hans Rosling).

X’nistgħu nagħmlu biex negħelbu l-vizzju ta’ dan il-mod ta’ ħsieb:

– Meta nħarsu lejn sitwazzjoni għandna nippruvaw narawha kollha kemm hi, mhux nagħżlu li naraw biss dak li jaqblilna. Mhix l-ewwel darba li s-sema tkun mimlija sħab bi lwien differenti u anki qalb is-sħab iswed ikun hemm irqajja’ ta’ sema sabiħa blu. Naraw biss il-maltemp, il-bnazzi jew it-taħlita sħiħa?

– Għandna nippruvaw li jkollna moħħna aktar miftuħ. Għandu jkollna l-kuraġġ li ninbidlu u nbiddlu l-mod kif naħsbu. Li nkunu lesti nilqgħu u nikkunsidraw ideat ġodda u modi ġodda kif naħsbu. Il-bidla mhix faċli. Imma possibbli.

– Nippruvaw nibnu l-fehma tagħna fuq fatti veri, anki dawk li ma jogħġbuniex. Irridu nkunu lesti nibdlu l-fehma tagħna fid-dawl ta’ fatti ġodda u nżommu moħħna miftuħ għal kif tiżviluppa r-realtà kkumplikata ta’ madwarna.

– Tgħinna negħelbu l-mod dejjaq kif naraw l-affarijiet u niżviluppaw modi ġodda kif inħarsu lejn il-ħajja jekk nitħalltu ma’ persuni b’fehmiet, esperjenzi u ġejjin minn ambjenti soċjali differenti minna.

– Aħna u niffurmaw il-fehmiet tagħna, nistaqsu: Hemm fatti oħra u aspetti oħra li ma tajtx kas?

Dan kollu jgħinna niżviluppaw u nrawmu ħsieb kritiku u miftuħ fina f’dinja li qed dejjem issir iżjed u iżjed ikkumplikata. Il-ħajja hija qawsalla. M’għandniex infaqqruha narawha kulur wieħed biss għax inkunu qed infaqqru lilna nfusna.

Aħna u nippruvaw negħelbu l-iżvantaġġi u n-nuqqasijiet tar-raġunar tal-abjad u l-iswed inkunu qed nitgħallmu nbaħħru aħjar fl-oċejan miftuħ tal-isfidi kumplessi politiċi, soċjali, persunali u nitgħallmu niddeċiedu aħjar kif niffaċċjaw dawn l-isfidi.

Torċa 12 Jannar 2025