You are currently viewing “Nipprefera nmur l-infern”

“Nipprefera nmur l-infern”

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:8 mins read

Wara 530 sena Papa Franġisku rnexxielu jneħħi mit-tagħlim tal-Knisja d-’Duttrina tal-Iskoperta’ li biha l-imperi Ewropej iġġustifikaw li jaħtfu pajjiżi ġodda u jisfruttaw il-popli tagħhom u ġidhom għall-interessi tagħhom.

Nhar it-30 ta’ Marzu 2023. il-Vatikan ħabbar li d-dokument maħruġ minn Papa Alessandru VI nhar l-4 ta’ Mejju 1493 m’għadux jgħodd iżjed. Dak id-dokument kien jgħid li “kull art li fiha jgħixu nies mhux Insara tista’ tiġi skoperta, maħtufa u sfruttata minn mexxejja Insara.”

530 sena ilu l-Papa kien iddikjara li “l-fidi Kattolika għandha tkun tirrenja kullimkien u tinfirex f’kull naħa tad-dinja biex nieħdu ħsieb l-erwieħ u li n-nazzjonijiet barbari għandhom jiġu mirbuħa għall-fidi.”

Papiet differenti kienu ntalbu li dan id-dokument jiġi rtirat. Fl-aħħar gie rtirat is-sena li għaddiet.

Dan id-dokument imsejjaħ il-Bolla tal-Papa tad-Duttrina tal-Iskoperta ta’ pajjiżi ġodda ntuża biex imperi ta’ Mexxejja Nsara jaħtfu artijiet sħaħ fl-Afrika, fl-Asja, fl-Awstralja, fi New Zealand u fil-kontinent Amerikan u jagħmluhom kolonji tagħhom.

Dan id-dokument saħħah l-idea li l-Ewropej bojod huma superjuri għan-nies l-oħra tad-dinja. Imma li kellhom superjuri ma kinux il-valuri jew kif ġabru ruħhom, iżda t-teknoloġija tal-armi tan-nar li bihom qatlu lil dawk li waqfulhom. Dik it-teknoloġija ta’ qtil kienet għadha ma waslitx f’dawk l-artijiet.

Inqerdu popli sħaħ u l-kulturi u r-risorsi tagħhom fl-interess ta’ ftit imperi. Papa Franġisku għadu sal-lum jikkundanna l-kolonjaliżmu qadim u ġdid. Meta kien fl-Afrika fi Frar 2023 semma’ kif l-Afrika ħelset mill-kolonjaliżmu mill-art ’il fuq biss għax ir-risorsi tagħha ta’ taħt l-art għadhom sfruttati b’mod kolonjali.

Meta fl-1493, Papa Alessandru VI kien ħareġ id-‘Duttrina tal-Iskoperta’ il-kolonjaliżmu ġie mbierek u tqies ħaġa tajba spiritwalment, politikament u legalment biex jinħatfu l-artijiet kollha fejn dawk li kienu twieldu u jgħixu fihom ma kinux Insara.

Din id-duttrina appoġġjat lill-bojod iħossuhom superjuri. Tat lill-Ewropj it-twemmin li huma kienu strumenti divini u kulturalment superjuri fuq il-bqija tad-dinja. Ħolqot l-ideoloġija li biha ġew diżumanizzati, meqjusa mhux bnedmin dawk in-nies li kienu jgħixu fl-artijiet li ġew skoperti mill-Ewropej Portugiżi, Olandiżi, Spanjoli u Ingliżi.

Fis-sekli ta’ wara ngħaqdu magħhom pajjiżi Ewropej, kollha jikkompetu bejniethom min se jaħtaf l-iżjed artijiet, popli u ġid mill-bqija tad-dinja.

Għaddew 531 sena mindu ħarġet id-Duttrina tal-Iskoperta. 

Minn dak iż-żmien ‘l hawn il-Knisja Kattolika m’għadhiex temmen fiha. Saru ħafna gwerer biex l-artijiet li qabel kienu kolonji rebħu l-ħelsien nazzjonali tagħhom. Inqatlu l-miljuni.

L-imperi ntemmu. 

Imma ntemmet il-mentalita’ fost il-pajjiżi tal-Punent (il-blokk Ewropew-Amerikan) li l-bojod huma superjuri għall-bqija tad-dinja u għandhom jibqgħu jiddominaw u jagħmlu li jridu f’dinja fejn huma 10 fil-mija biss tal-popolazzjoni tad-dinja imma li jikkontrollaw 90 fil-mija tal-ġid tad-dinja?

Fl-enċiklika tiegħu ‘Fratelli Tutti’ (‘Ilkoll aħwa’), Papa Franġisku jikkritika l-kolonjaliżmu ta’ dan iż-żmien. Jgħid li l-aħjar mod kif iċ-ċiviltajiet differenti jiġu f’kuntatt ma’ xulxin huwa permezz tal-mudell ġeometriku tal-poliedru (mill-Grieg polyhedra – figura solida ħafna b’ħafna faċċati kollha importanti ndaqs). 

F’Jannar 2015 kien spjega: “ Neta l-imperi jimponu ruħhom fuq il-kolonji tagħhom, jaraw kif iġiegħelu lill-popli tal-kolonji jitilfu l-identita’ tagħhom biex iġibu lil kulħadd l-istess. Din hija globalizzazzjoni sferika fejn kull punt huwa ‘il bogħod indaqs miċ-ċentru dominanti. U l-globalizzazzjoni ta’ veru – nieħu gost ngħid – mhix sfera. Importanti li nigglobalizzaw, ninfetħu lejn xulxin fid-dinja, imma mhux bħall-isfera iżda bħall-poliedru. Jiġifieri li kull poplu, kull parti, iżżomm l-identita’ tagħha bla tiġi kolonizzata ideoloġikament.”

Jużaw is-Salib

Fi ‘Fratelli Tutti’ huwa jispjega iżjed xi jfisser dan: “Li hemm bżonn huwa mudell ta’ parteċipazzjoni soċjali, politika u ekonomika … li tista’ tinkludi movimenti popolari li tagħti ħajja ġdida lil strutturi ta’ tmexxija lokali, nazzjonali u internazzjonali bi xmara qawwija ta’ enerġija morali li tiġi meta jirnexxielek tinkludi lill-esklużi, li ssieħeb miegħek lill-imwarrbin biex jinbena destin komuni.”

Meta l-Ewropej okkupaw il-kontinent Amerikan kienu jemmnu li n-nies tal-post kienu slavaġ, mhux bnedmin, bla kultura u bla reliġjon. Żgur li ma ħasbux li dawn il-popli lokali kellhom it-tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi tagħhom, imma li kienu differenti.

L-ewwel ‘Duttrina tal-Iskoperta’ ġiet maż-Żmien tal-Iskoperta. Fis-seklu 16, kienu l-Kattoliċi Spanjoli u Franċiżi li l-ewwel bdew jaslu u jippenetraw dawn il-pajjiżi fil-bqija tad-dinja. Anki l-kliem “skoperta” u “il-bqija tad-dinja” juru arroganza kbira. Qishom dawn il-pajjiżi ma kinux jeżistu qabel skoprewhom il-kolonizzaturi Spanjoli u Franċiżi.

Il-kolonizzaturi wżaw il-forza u s-salib biex jaħkmu lill-popli tal-artijiet li waslu fihom. Bl-armi tan-nar qatlu lil dawk li waqfulhom. Użaw il-forza biex jirbħu u jikkontrollaw lil dawn il-pajjiżi, biex jaħtfu l-art u l-ġid li kien fiha. Bis-salib rieduhom jikkonvertu bilfors. Imma fil-Knisja kien hemm min ma qabilx ma’ kif ir-reliġjon kienet qed tintuża biex tiġġustifika l-kolonjaliżmu u l-qtil u l-moħqrija tal-popli li kienu jgħixu f’dawn l-artijiet.

Kien hemm missjunarji li żammew mal-popli maħqura, ma qablux mal-vjolenza brutali li kienet qed issir fuqhom u riedu li jiġu stmati bħala bnedmin.

Fl-1537, Papa Pawlu III iddikjara li l-Indjani ma kinux bhejjem għall-qatla jew biex jagħmluhom ilsiera iżda bnedmin b’erwieħ li jistgħu jiġu salvati. Ittri miktuba dak iż-żmien mill-missjunarji dwar l-esperjenzi tagħhom f’dawn l-artijiet juru kemm kienu nkwetati dwar kif kienu qed jiġu stmati ħażin.

Ittra tal-patri Franġiskan Juan de Escalona tikkritika l-atroċitajiet minn ċerti gvernaturi Spanjoli kontra t-tribujiet tal-post. Huwa jgħid li l-kurudelta’ tal-gvernatur Spanjol tagħmilha mpossibbli li xxerred il-Vanġelu. L-Indjani kienu jobogħdu l-messaġġi ta’ tama u imħabba li hemm fil-Vanġelu meta dawk li jsejħu lilhom infushom Insara ħatfulhom artijiet, qatlulhom ħafna minn nies u kienu jisirqulhom dak li jkabbru u jħalluhom imutu bil-ġuħ.

Qabel ħarquh ħaj, 500 sena ilu fil-gżira ta’ Kuba lill-mexxej Indjan Hatwej, offrewlu li jagħtih il-maħfra qassis Spanjol. Kien mexxej li ħadha kontra l-kolonjaliżmu Spanjol. Staqsewh: “Trid tħaddan il-Kristjaneżmu biex tiżgura li ruħek tmur il-ġenna?” Ħatwej ħasibha ftit u mbagħad wieġeb: “Hemm nies bħalkom il-ġenna?”. Il-qassis aċċertah li hemm. Ħatwej wieġbu: “Mela nippreferi nmur l-infern biex ma niltaqax ma’ nies bħalkom.” Ma ried bl-ebda mod jiltaqa’ mal-’Conquistadores’ Spanjoli li nvadew u ħakmu lill-Kuba u stmaw tant ħażin lill-Kubani.

Din il-ġrajja xegħelet passjoni għall-ġustizzja soċjali fil-Patri Dumnikan Spanjol Bartolome’ de las Casas (1474/84 – 1566) li ħadem ħafna favur il-popli tal-Amerika t’Isfel u kontra l-moħqrija u l-jasar tagħhom mill-Conquistadores. Huwa kixef id-dnub tad-dominazzjoni tal-oppressjoni u tal-inġustizzja li l-kolonizzaturi Ewropej imponew fuq il-popli li kkolonizzaw.

Leħen Lulju 2024