You are currently viewing Ningħaqdu flok nitgħajru

Ningħaqdu flok nitgħajru

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Sal-25 ta’ Marzu 2024 l-istati membri tal-Unjoni Ewropea ikollhom idaħħlu taxxa ġdida ambjentali fuq it-trailers li jġorru l-merkanzija fit-toroq tagħhom. Din se tiżdied mat-taxxa li daħlet minn nhar l-ewwel tas-sena fuq il-vapuri tal-merkanzija.

Dawn it-taxxa se jżidu l-ispejjeż għalina u allura se jgħollu l-prezzijiet ta’ dak li nimpurtaw għall-bżonnijiet tagħna mill-pajjiżi Ewropej u dak li nesportaw lejhom.

Din it-taxxa fuq it-trailers qed tiddaħħal biex iġġiegħel lill-kumpanniji tal-ġarr iħallsu ghat-tniġġis li jikkaġunaw it-trakkijiet tagħhom.

Fl-20 ta’ Ottubru 2023 il-Parlament Ġermaniż diġa’ approva d-dħul ta’ din it-taxxa ta’ €200 kull tunnellata CO2.

Il-kumpanniji tal-ġarr, anki dawk Maltin li jużaw it-toroq tal-Ġermanja biex iġorru l-merkanzija minn u lejn Malta bdew iħallsu din it-taxxa mill-1 ta’ Diċembru 2023. Hemm kumpanniji li jikkalkulaw li din it-taxxa żżidilhom l-ispejjeż fuq il-ġarr bit-trailers bi 2%. Waħedha tidher ftit iżda jekk iżżidha mat-taxxa l-oħra fuq il- vapuri tal-merkanzija, l-ispejjeż jitilgħu.

Fis-sentejn li ġejjin din it-taxxa se tinfirex mal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u għalhekk it-trailers kollha li jaslu u jitilqu minn Malta jkollhom iħallsu din it-taxxa skont id-daqs tat-trakk u skont kemm iniġġes. Imma fejn it-toroq bħal f’ċerti partijiet fl-Italja t-toroq huma f’idejn il-privat irid jiġi rispettat il-kuntratt li għandhom u hemm fejn it-taxxa ma tistax tidħol qabel is-sena 2027 u anki 2030.

Din it-taxxa fuq it-trailers se tkun qed tiżdied mat-taxxa fuq il-vapuri tal-merkanzija minn u lejn Malta. L-ispejjeż fuq kull trailer jew kontejner se jiżdied b’dawn iż-żewġ saffi ta’ taxxi.

Bħala gżejjer li niddependu għal kollox fuq it-trasport bl-art, bil-baħar u bl-art … kull taxxa li tidħol fuqhom iżżid l-ispejjeż u tgħolli l-ħajja għall-familji u negozji Maltin u żżid l-iżvantaġġi għall-għixien u l-ekonomija tagħna.

Se nitgħallu naħdmu iżjed flimkien u aħjar? : gvern, Dar Malta fi Brussel, Membri Parlamentari Ewropew, il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament Malti, l-għaqdiet tan-negozju u l-unions biex nieħdu sehem sħiħ kif jintagħġnu l-liġijiet fl-Unjoni Ewropea biex naraw li jkunu ta’ ġid u mhux ta’ ħsara għalina.

Kull ħolqa minn dawn hi essenzjali li tagħmel dmirha u jekk hi ħolqa, imqar waħda, hija dgħajfa, iddgħaffef il-katina sħiħa u ssirilna l-ħsara.

Flok noqogħu nitgħajru u nwaħħlu f’xulxin li ma ddefendejniex l-interessi tagħna f’taxxi Ewropej bħal dawn, aħjar nitgħallmu kif naħdmu aħjar u ningħaqdu biex ir-riżorsi limitati tagħna nużawhom għall-ġid tal-poplu tagħna.

Se neqirdu l-Malti?

Aktar tfal Maltin qed jużaw inqas il-Malti fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Fis-sigħat li jqattgħu fuq il-midja soċjali l-aktar ilsien li jsibu fil-kontenut li jaraw huwa xi tip ta’ Ingliż. Ftit isibu l-Malti wżat hemmhekk.

Il-Malti qed jintuża’ inqas fl-iskejjel tagħna. Bejn l-2015 u l-2022 it-tfal ġejjin minn pajjiżi oħra li jattendu l-iskejjel tagħna żdiedu minn 5 fil-mija għal 12 fil-mija.

L-aktar ilsien li bih jistgħu jinftiehmu l-għalliema fil-klassi u t-tfal bejniethom huwa l-Ingliż.

Għalhekk waqt li qed jitjieb il-livell tal-Ingliż fost it-tfal Maltin, qed imur lura l-livell tal-Malti.

Tajjeb li t-tfal tagħna qed jitgħallmu jħaddmu aħjar l-Ingliż. Imma mhux tajjeb li qed ikomplu jmorru lura fil-Malti.

Bħalissa qed issir konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Edukattiva Nazzjonali 2024-2030.

Hemm bżonn tagħti każ bis-serjeta’ dwar kif it-tfal kollha, anki dawk minn pajjiżi oħra, li jattendu l-iskejjel tagħna jitgħallmu jħaddmu tajjeb kemm il-Malti, kif ukoll l-Ingliż. Mhux il-Malti jew l-Ingliż. Imma l-Malti u l-Ingliż.

Dawk kollha fl-iskejjel tagħna u fid-direttorat tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li huma responsabbli mit-tagħlim tal-Malti, kemm għat-tfal Maltin, kif ukoll għat-tfal minn pajjiżi oħra, hemm bżonn li jaħdmu flimkien u jaraw x’hemm bżonn jinbidel fit-tagħlim tal-Malti, qabel ikun iżjed tard. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-fakultajiet u dipartimenti rilevanti fl-Universita’ ta’ Malta wkoll hemm bżonn jingħaqdu f’din il-ħidma.

Hemm bżonn li dawk li tassew iħobbu l-Malti jaħdmu flimkien għall-ġid tal-Malti fir-rejaltajiet tal-lum u jġeddu fejn hemm bżonn. Żgur li jekk se nibqgħu għaddejjin kif aħna l-Malti se jkomplu jmur dejjem iżjed lura.

F’elf sena li wasal u beda jiżviluppa lsienna f’dawn il-gżejjer, dawk li ġew jaħkmuna qatt ma rnexxielhom jeqirduh. Se nkunu aħna li neqirduh meta suppost aktar nistgħu nieħdu ħsiebu?

Torċa 21 Jannar 2024