You are currently viewing Nieħdu ħsieb ix-xjuħ tagħna

Nieħdu ħsieb ix-xjuħ tagħna

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

In-nanna Rosa “kienet mara mill-aqwa. Qalbha tajba. Bħal dik ta’ ħafna xjuħ, għalija kienet għajn li minnha joħroġ l-ilma ħaj tal-fidi li kienet taqtagħli l-għatx. Għaddietli l-vanġelu permezz tal-qalb ħanina tagħha, ta’ kemm kienet tieħu ħsiebi u kemm kienet taqsam miegħi l-għerf tagħha. Il-fidi hekk titwieled. Tasal għandek b’xi għanja ħelwa bid-djalett, fil-klima tal-familja, fi lsien ommok. In-nanniet huma għajn prezzjuża: għandna nieħdu ħsiebhom u nħarsuhom, u mhux nipparkjawhom f’xi dar għall-anzjani. M’għandhomx jiġu stmati bħala xi mbarazz għar-rimi; m’għandhomx jitqiesu bħala piż. Kulma għandna nafuh lilhom: għenuna nikbru, tawna l-ħobż li ħadu minn ħalqhom, huma għamluna dak li aħna., il-ħin kollu jħeġġuna u jappoġġjawna.

“Imma intant jiġri fl-aħjar familji li nannu jew nanna jsiru sikkatura u joqogħdu jeqirdu ħafna, hu jew hi jittieħdu mill-ewwel  f’dar tal-anzjani u jiġu abbandunati hemmhekk. Imma għalkemm jintremaw hemm minsija u abbandunati, jien ċert li xorta jibqgħu jitolbu għat-tfal u għat-tfal tat-tfal. Jibqgħu magħna anki meta ma jibqgħux iżjed maġenbna. Jien ukoll inħoss lil nannti ħdejja fil-mumenti l-aktar diffiċli, kif ħassejtha fiż-żminijiet l-iżjed diffiċli għall-Arġentina, waqt il-jiem mudlama tad-dittatura.”

Hekk jikteb il-Papa Franġisku dwar nanntu fl-aħħar ktieb tiegħu li ħareġ din is-sena dwar ħajtu (‘LIFE – My story through history’).

Kien hemm żmien meta n-nanniet kienu jiġu miżmuma d-dar u l-ulied jaraw kif jieħdu ħsiebhom sal-aħħar. Ma kienx hemm dar tal-anzjani dak iż-żmien għalkemm niftakar isemmu ‘L-Ingieret’ bejn il-Marsa u Ħal-Luqa fejn kienu jħallu lil dawk ix-xjuħ f’bini apposta għax ma kellhomx min jieħu ħsiebhom.

B’kif inbidlet is-soċjetà, bil-bżonn li l-koppji joħorġu jaħdmu t-tnejn, sar ferm aktar diffiċli li x-xjuħ jinżammu d-dar għall-bqija ta’ ħajjithom. Illum ukoll ix-xjuħ qed jgħixu iżjed fit-tul u għandhom bżonn kura li ma tistax tingħatalhom id-dar, anki jekk il-qraba jkunu jridu.

Li hu importanti hu li ma narmux ix-xjuħ f’dar għall-anzjani u ninsewhom hemm u qatt ma nmorru narawhom. Imħabbtin kemm aħna mħabbtin m’għandux ikun hemm raġuni l-għala ma nsibux ftit ħin u nżuruhom regolarment.

Abbandunat fi scrapyard

“Għandi 82 sena, erbat itfal li għandhom 11-il tifel u tifla li għandhom erbgħa.

“Ngħix ġo kamra żgħira f’dar tal-anzjani fejn ġabuni u telquni kif tħalli fi scrapyard karozza li qdiemet u ma taħdimx iżjed u ma tistax issewwiha.

“M’għandix dari aktar. M’għadnix aktar insajjar. Imma għandi min jiġi jnaddafli, jġibli l-ikel u jagħmilli s-sodda, jeħodli l-pressjoni tad-demm u jiżinni.

“M’għadnix nisma’ aktar id-daħk tan-neputijiet tiegħi. M’għadnix narahom aktar jikbru, jitgħannqu, jiġġieldu.

Ikolli nidra ngħix waħdi

“Għandi min jiġi jarani kull ħmistax, oħrajn kull tliet jew erba’ xhur; oħrajn, qatt.

“Għad għandi passatemp nagħmel is-Sudoku biex ngħaddi l-ħin.

“Ma nafx kemm għad fadalli ngħix imma naf li jkolli nidra ngħix waħdi. Nitħallat ma’ oħrajn li jinsabu hawn imma huma f’kundizzjoni agħar minni imma ma rridx norbot qalbi magħhom għax spiss ma narahom qatt aktar.

“Meta nkun waħdi noqgħod nara r-ritratti tal-familji tiegħi li ġibt miegħi u xi tifkiriet oħra li ġibt mid-dar.

“Dak kollox.

“Nittama li l-ġenerazzjonijiet li ġejjin jaraw li nagħmlu familja biex nixjieħu mat-tfal tagħna u nagħtu lura lill-ġenituri tagħna ftit miż-żmien li għamlu jrabbuna.

“Li tieħu ħsieb xi ħadd li jkun diġa’ ħa ħsiebna huwa l-akbar unur li jista’ jkollna.”

Din hija storja vera li bagħatli anzjan li għadu jgħix f’daru ma’ martu u qrib ħafna tal-familja tiegħu li ntlaqat ħafna minn x’qal dan ir-raġel xiħ abbandunat f’dar għall-anzjani.

Dan ir-raġel ta’ 82 sena abbandunat f’dar għall-anzjani l-aktar li jweġġa hu meta jikteb il-kelma “qatt” fis-sentenza: “Għandi min jiġi jarani kull ħmistax, oħrajn kull tliet jew erba’ xhur; oħrajn, qatt.”

Trid tkun ħallejt qalbek tibbies ħafna biex ma tmur qatt tara lix-xjuħ li rabbewk u ħadu ħsiebek mill-aħjar li setgħu.

Mellieħa Diċembru 2024