You are currently viewing Nerġgħu nsiru bażi tal-gwerra?

Nerġgħu nsiru bażi tal-gwerra?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

Iżjed mexxejja politiċi u militari Ewropej tkellmu fuq il-bżonn li l-Ewropa tipprepara ruħha għall-gwerra u tarma lilha nnifisha iżjed. Manfred Weber il-mexxej fil-Parlament Ewropew tal-Partit Popolari Ewropew li fih hu msieħeb il-PN qal lill-ġurnal ‘Politico’ li l-Unjoni Ewropea jmissha tidħol responsabbli hi flok in-NATO fil-kontinent Ewropew billi jkollha politika Ewropea komuni tad-difiża bl-umbrella nukleari ta’ Franza.

Il-PN jaqbel mal-Ġermaniż Manfred Weber li hu l-parrinu tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola?

U jekk jiġri kif irid Weber u l-Unjoni Ewropea ssir alleanza militari bħan-NATO, Malta se tkun trid tkun f’din l-alleanza militari tan-NATO u nerġgħu nidħlu fil-mira u fil-periklu kif konna kull meta servejna ta’ bażi militari għar-Renju Unit, l-Istati Uniti u n-NATO? Se nerġgħu nħallu pajjiżna jservi ta’ bażi għal alleanzi militari barranin, jissejħu x’jissejħu?

Xahrejn oħra niċċelebraw 45 sena mindu għalaq għal kollox il-bażijiet militari barranin u ħlifna li ma nkunu fl-ebda alleanza militari biex inkunu newtrali u mhux theddida għal xi pajjiż ieħor, hu min hu.

Ma tgħallimniex mill-istorja?

70 sena ilu l-importanza strateġika ta’ Malta kibret wara li r-Renju Unit tilef il-bażijiet fl-Eġittu.

Malta kellha l-aqwa port fil-Mediterran u r-Renju Unit iddeċieda li jagħmel lil Malta ċentru mnejn jilħaq bil-vapuri, sottomarini u ajruplani tal-gwerra kull naħa tal-Mediterran u jikkordina l-operazzjonijiet tiegħu lejn l-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-Asja.

Ġab Malta ċ-ċentri tat-tmexxija AFMED u CINCAFMED tal-alleanza militari NATO. Ajruplani tal-gwerra Amerikani kienu jużaw lil Malta. Is-Sitt Flotta Amerikana wkoll kienet tuża l-port ta’ Malta u kull pajjiż fin-NATO seta’ juża lil Malta.

Il-Gvern Britanniku kien jaf li dan jitqies bħala theddida diretta għall-Moska u kkunsidra x’jiġri f’każ ta’ attakk nukleari fuq Malta.

Rapport militari tal-1959 jgħid li bomba nukleari ta’ miljun tunnellata tisplodi fuq l-Isla mmirata biex teqred iċ-ċentri tat-tmexxija tal-flotta, tal-armata u tal-ajruplani tal-gwerra f’distanza ta’ ħames mili madwar il-port il-Kbir kienet twassal għall-qtil ta’ iżjed minn 143,000 ruħ u tweġġa’ serjament 37,000 – tnejn minn kull tlieta tal-popolazzjoni Maltija.

Kien stmat li minn popolazzjoni ta’ iżjed minn 289.000, xelters biex jistkennu fi gwerra kien ikun hemm għal 54,400 biss.

Dan kien fl-1959. Illum l-armamenti nukleari huma iżjed b’saħħithom. Gwerra llum saret ferm iżjed qerrieda minn qatt qabel: b’bombi qawwijin sparati minn kullimkien, inkluż mill-ispazju.

Il-ħasil tal-flus

Il-ħasil ta’ flus maħmuġin hu meta flus ġejjin mill-kriminalita’ ekonomika bħall-korruzzjoni u bħat-traffikar tad-drogi, żejt, armi u nies jintużaw f’oqsma ekonomiċi oħra biex jinħeba mnejn ġejjin.

Sa 5% – €733 biljun – tal-ġid kollu maħluq fid-dinja huma stmati li ġejjin minn flus maħmuġin.

F’pajjiżna x-xogħol ta’ bini ġdid u tiswija ta’ bini faċli jintuża għall-ħasil ta’ flus maħmuġin.

Anki s-suq tal-kera jista’ jintuża biex jinħaslu flus maħmuġin.

Għandna oqsma ohra ekonomiċi li bħal f’pajjiżi oħra faċli jintużaw ukoll għall-ħasil ta’ flus maħmuġin: casinos, igaming, ristoranti, ħwienet ta’ lussu, pompi tal-petrol u anki barbiera.

L-aktar setturi riskjużi huma fejn il-ħlas isir bi flus fl-idejn jew elettronikament f’arranġamenti fejn jevitaw sistemi finanzjarji internazzjonali.

Għandna ristoranti u ħwienet tal-lussu li jħallsu ħafna kera u għandhom spejjeż għolja oħra biex jitmexxew u rari jkollhom klijenti iżda xorta jibqgħu miftuħin. B’liema miraklu?

L-aqwa poeti

Kont miexi l-Aħrax tal-Mellieħa, fil-kampanja …

1.Dawk li bnew il-giren

U l-ħitan tas-sejjieħ

Ma fitxxewx flus u fama,

Isimhom fl-ebda rħama.

Imma kemm bnew bil-għaqal,

U għat-tul.

Kemm bnew sabiħ.

2.

Bla jafu jiktbu

Bnew il-ħitan tas-sejjieħ

L-aqwa poeti

It-Torċa 11 Frar 2024