You are currently viewing Mhux normali għal miljuni
Grandma and grandchild holding hands , Asian two person background

Mhux normali għal miljuni

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

Kemm jgħiduha bil-qalb il-kelma “nannu” jew “nanna” t-tfal xħin joħorġu mill-iskola u jiġru biex jgħannqu lin-nanniet li ġew jistennewhom biex jieħduhom id-dar magħhom u jżommuhom sakemm xi ħadd mil-ġenituri jiġi lura mix-xogħol u jiġborhom.

Kliem oħra li ġie li jgħidu t-tfal xħin joħorġu mill-iskola: “kemm għandi ġuħ” u tittama li jieklu dak li ppreparajtilhom u fil-każ, tagħmlilhom dak li jixtiequ u tieħu gost tarahom jiekluh.

Kemm iġibu ferħ lil xulxin in-neputijiet u n-nanniet bl-imħabba speċjali li għandhom għal xulxin.

Imma dak li hu normali għalina u ta’ kuljum, għal ħafna miljuni oħra, mhux.

Hawn miljuni ta’ nanniet u neputijiet mifrudin minħabba l-gwerer, l-emigrazzjoni u l-persekuzzjoni.

Għalkemm id-dinja tipproduċi biżżejjed ikel għat-8 biljun li jgħixu fuqha, 828 miljun ruħ ibatu l-ġuħ kuljum.

9 miljun kull sena, ħafna minnhom tfal taħt il-5 snin imutu b’nuqqas ta’ ikel.

149 miljun tifel u tifla taħt il-5 snin jibqgħu ma jiżviluppawx kif suppost minħabba n-nuqqas ta’ ikel.

Suppost li sa 6 snin oħra, is-sena 2030, ma kellu jibqa’ ħadd bil-ġuħ fid-dinja. Kollox juri li se jkollna mill-inqas 670 miljun ibatu l-ġuħ.

Sadattant qed jintefqu ħafna flus fl-armamenti, iżjed minn qatt qabel, flok fl-iżvilupp, fix-xogħol, fis-saħħa u fl-edukazzjoni u f’dak kollu li hemm bżonn biex kulħadd jgħix suret in-nies fuq din il-pjaneta.

Ħajja sempliċi

Għallimt lili nnifsi ngħix ħajja sempliċi. 

Inħobb noħroġ nimxi nħalli l-inkwiet warajja,

inħares lejn is-sema u nitlob u ngawdi s-sħab u s-siġar. 

Xħin niġi lura d-dar mill-mixja, għandi kanarin tgħidx kemm jgħanni,

Inmur nagħmel xi ħaġa żgħira tal-ikel,

Jekk tħabbatli, taf lanqas nisimgħek. 

(Adattament minn versi tal-poetessa Russa Anna Akhmatova – 1889 sa 1966 – li għexet: rivoluzzjonijiet, gwerra ċivili, żewġ gwerer dinjin, il-persekuzzjoni politika, id-dittatura Stalinista, il-ħabs u l-qtil tal-għeżież tagħha, il-ġuħ, il-kesħa, l-imħabba u l-firda, it-traġedji tas-seklu 20 u kitbet dwar dan kollu bis-sabiħ u l-ikreh tal-ħajja, bil-ferħ u bl-uġigħ.)

Ma kinux jibgħatuli fjuri

“Bagħatli l-fjuri llum.

Bagħatli l-fjuri llum.

M’għalaqtx snini

u lanqas ma kienet xi ġurnata speċjali.

Il-bieraħ fil-għaxija kellna xi ngħidu għall-ewwel darba

u qalli ħafna kliem li weġġagħni ħafna.

Naf li jiddispjaċih

u ma riedx iweġġagħni,

Għax illum bagħatli l-fjuri.

Bagħatli l-fjuri llum.

Ma kienx l-anniversarju tagħna,

jew xi ġurnata oħra speċjali.

Il-bieraħ fil-għaxija, waddabni mal-ħajt

U beda jifgani.

Lanqas ridt nemmen li veru kien qed jiġri hekk.

Naf li żgur jiddispjaċih,

Ghax illum bagħatli l-fjuri.

Bagħatli l-fjuri llum,

U ma kienx Jum l-Omm

Jew xi ġurnata oħra speċjali.

Il-bieraħ fil-għaxija reġa’ sawwatni.

Jekk nitilqu x’naqbad nagħmel?

Kif se nieħu ħsieb it-tfal?

X’nagħmel dwar flus?

Imwerwra minnu u nibża’ nitlaq.

Imma naf li żgur jiddispjaċih

għax illum bagħatli l-fjuri.

Illum bagħatuli l-fjuri.

Illum kienet ġurnata speċjali.

Kien jum il-funeral tiegħi.

Il-bieraħ fil-għaxija fl-aħħar qatilni.

Kieku sibt biżżejjed kuraġġ u saħħa nitilqu,

kieku llum ma kinux jibgħatuli fjuri.”

Versi ta’ Paulette Kelly. Naf li dawn il-versi mhux se jtaffulhom l-uġigħ jew inaqqsulhom it-tbatija. Nawgura li nagħmlu iżjed biex inħarsu lin-nisa mill-vjolenza.

Il-ħaddiema huma nies ukoll

Fost dawk li jħaddmu u jmexxu postijiet tax-xogħol hawn min m’għandu l-ebda rispett għall-ħaddiema li jaħdmu (jagħmilha ċara) taħtu, mhux miegħu.

Qatt ma jgħidilhom “grazzi” jew “prosit” meta jistħoqqilhom.

Jekk jonqsu (għax sintendi huwa qatt ma jonqos u jiġri x’jiġri tort tal-ħaddiema) jumiljahom u juża kliem ta’ stmerrija kontra tagħhom quddiem sħabhom. L-aktar jekk ikunu nisa.

Meta l-affarijiet ikunu sejrin tajjeb u jiżdied il-qligħ, il-ħaddiema qatt ma jgawdu minnu u jibqgħu bil-paga tas-soltu.

Meta jmorru ħażin, l-ewwel li jlaqqtuha l-ħaddiema. Jibda l-issikkar u iżjed theddid waqt li ta’ fuq jibqa’ bil-ħajja komda ħafna tiegħu.

Meta jasal il-Milied arah jiġbor ftit frak milli jaqagħlu minn fuq il-mejda u jtih bħala karita’ u jġib ir-ritratti tiegħu.

Kemm għandu qalbu tajba.

Torċa 24 Marzu 2024