Matul is-sena li ġejja l-kwalità tal-baħar bajja ta’ San Ġorġ u ta’ San Pawl il-Baħar fi żmien tliet snin se tmur lura għall-agħar bajja li għandna f’Malta għall-għawm: il-bajja tal-Balluta. Jikkonkludi dan il-Professur Victor Axiak fi studju li ressaq fil-Konferenza Ewro-Mediterranja għall-Integrazzjoni Ambjentali li saret f’Reggio Calabria mit-23 sas-26 ta’ Ġunju 2025.
L-istudju tiegħu tqies l-aħjar studju fil-konferenza li ħadu sehem fiha iżjed minn 500 studjuż minn iżjed minn 80 pajjiż differenti.
Il-Professur Axiak qal li fl-istudju tiegħu ra kif Malta għandha l-ogħla rata ta’ popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea b’1783 kull kilometru kwadru fl-aħħar tas-sena 2023.
Din ġiet miż-żieda ta’ 30% fil-popolazzjoni: waqt li l-ħaddiema barranin ‘diedu b’27%, it-turisti rduppjaw.
Huwa studju kif din iż-żieda effettwat il-kwalità tal-baħar f’Tas-Sliema, fil-bajja ta’ San Ġorġ, f’San Pawl il-Baħar, fl-Għadita tal-Mellieħa, fix-Xlendi, f’Golden Bay u f’Għajn Tuffieħa.
Żdiedet il-kontaminazzjoni E.coli meta joħroġ id-drenaġġ fil-bajjiet. Għalkemm kollha laħqu l-minimu mitlub mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Baħar tajjeb għall-Għawm, m’għandniex b’daqshekk naħsbu li m’għandniex problemi u nistgħu nibqgħu għaddejjin kif aħna.
Il-kontaminazzjoni żdiedet l-aktar fil-Bajja ta’ San Ġorġ u ta’ Għajn Tuffieħa. Sas-sena 2013 il-Bajja ta’ San Ġorġ kienet fost l-aktar indaf u bi kwalità tajba ħafna ta’ baħar għal-għawm, imma issa qed issir l-agħar waħda se tkompli tmur lura jekk se jkompli tiela’ iżjed bini għal iżjed nies fl-inħawi.
Il-Professur Victor Axiak jgħid li m’għandux isir aktar bini fl-inħawi tal-Bajja ta’ San Ġorġ għax żgur se jolqot ħażin ħafna l-baħar li hu wieħed mill-attrazzjonijiet ewlenin l-għala turisti jiġu Malta.
Sadattant f’dawn l-inħawi għaddej ħafna xogħol fuq lukanda tad-db ta’ 385 kamra u żewġ blokok residenzjali ta’ 17-il sular kull wieħed. Fl-istess inħawi hemm propost il-proġett ta’ Villa Rosa b’lukanda ta’ 247 kamra, 789 appartament residenzjali, uffiċini … li b’kollox se jfissru żieda ta’ 24,000 ruħ fl-inħawi.
It-tkeċċija tal-ilsiera
Fid-19 ta’ Ġunju 1552 l-Ordni tal-Kavalieri ħatar żewġ kummissarji biex jaraw li “l-ilsiera kollha li m’huma tajba għal xejn, kemm jekk kienu tal-Ordni jew ta’ sidien privati, irġiel, nisa u tfal, kif ukoll Mori li ma kinux ilsiera u dawk li huma mgħammda jintbagħtu lejn ir-Renju ta’ Sqallija.”
L-Ordni kien imbeżża’ li t-Torok se jerġgħu jinvadu lill-gżejjer tagħna bħalma għamlu s-sena ta’ qabel imma ma rebħux lil Malta u kellhom jikkuntentaw irwieħhom billi ħarbtu lill-Għawdex u ġarrew 5,000 Għawdxin bħala lsiera lura lejn it-Turkija.
L-uniċi lsiera li l-Ordni dejjem xtaqet li jkollha huma sinjuri li l-qraba tagħhom ikunu lesti jħallsu ħafna flus biex jeħilsuhom jew irġiel b’saħħtihom li kapaċi jagħmlu xogħol iebes jew fuq il-baħar jew fuq l-art.
Dan it-tagħrif kollu nsibuh fl-aqwa ktieb li għandna dwar l-isliera f’pajjiżna: ‘Slavery in the islands of Malta and Gozo 1000-1812 (PEG Ltd – 2002) ta’ Godfrey Wettinger.
Huwa jgħidilna li l-Kavalieri riedu li jkollhom biss ilsiera rġiel fl-età ta’ bejn 15 u 50. L-Ordni ma kinetx trid ilsiera li flok ma ddaħħal flus minnhom jew tieħu xogħol bla ħlas mingħandhom tispiċċa tonfoq ħafna flus fuqhom biex iżżommhom ħajjin.
Fid-19 ta’ Marzu 1645 il-Gran Mastru u l-Kunsill tal-Ordni ddeċidew li għandhom jitkeċċew minn Malta persuni li mhuma tajbin għal xejn u lsiera mhux Insara, nisa u rġiel li kienu tas-sidien privati.
L-ordni tat-tkeċċija xxandret ma’ kullimkien u l-ilsiera ngħataw sal-10 ta’ April biex jitilqu mill-gżira. Imma fil-5 ta’ April 1645 l-ordni ġiet posposta għax minn Sqallija ma waslet ebda tweġiba fejn kienu se joqogħdu l-imkeċċija la jaslu Sqallija.
L-ilsiera spiċċaw ma tkeċċewx għax sar magħruf li t-Torok kienu se jinvadu lil Kreta u mhux lil Malta. Fit-23 ta’ Ġunju 1645 it-Torok attakkaw lil belt ta’ Chania fi Kreta u rebħuha wara assedju ta’ 56 jum.
Torċa 10 ta’ Awwissu 2025