You are currently viewing Mexxejja bħala qaddejja

Mexxejja bħala qaddejja

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:4 mins read

Hemm mexxejja li għalihom il-poter huwa s-saħħa li tagħmel li trid, tikkmanda lill-ħaddieħor, timponi r-rieda tiegħek u r-regoli u l-liġijiet li jgħoddu għall-bqija ma jgħoddux għalik għax int mexxej, int speċjali.

Imma mexxejja ħafna aħjar minn dawn li għalihom it-tmexxija tfisser servizz, li taqdi lill-ħaddieħor. Papa Ljun XIV huwa wieħed minn dawn il-mexxejja. Żgur li bħala Papa se jservi kif jistenna li kull isqof iservi lill-poplu: “L-Isqof m’għandux ikun Prinċep żgħir fuq it-tron tar-renju tiegħu. Huwa msejjaħ biex ikun umli, qrib in-nies li jservi, isofri magħhom.”

Dan mhux biss kliem sabiħ. Papa Ljun XIV għex u ħadem għal snin twal qalb l-imwarrbin tal-Peru’. Ifisser li hu bniedem li jservi lil dawk li jinsabu fit-tarf, il-fqar u mhux lil dawk b’saħħithom, tal-flus li jinsabu fiċ-ċentru u b’saħħithom biex tgħaddi tagħhom. Huwa bniedem sensittiv u jemmen ħafna fil-ġustizzja soċjali.

Papa Franġisku kien ra dawn il-kwalitajiet sbieħ tiegħu u tah responsabbiltajiet fil-Knisja biex iħaddimhom. Papa Franġisku wkoll kien jara t-tmexxija bħala responsabbiltà biex isservi lil dawk ta’ taħt, l-imwarrbin.

Biex isservi trid tisma’

Mexxejja li jservu u mhux jiddominaw u jiddettaw, iridu jkunu nies li kapaċi jisimgħu. F’messaġġ li rrekordja f’Jannar li għadda, xahar qabel daħal l-isptar, Papa Franġisku nnota li ħafna nies mhux kapaċi jisimgħu bis-serjeta’ nies oħrajn, għax ikunu diġa’ qed jaraw kif se jwieġbu waqt li l-ieħor għadu jitkellem. Mhux kapaċi jisimgħu biex jifhmu lill-ħaddieħor. Iridu li ħaddieħor jisma’ lilhom biss waqt li huma ma jisimgħux lill-ħaddieħor.

Qal Papa Franġisku: “Isimgħu lin-nanniet tagħkom. Għandhom ħafna x’jgħallmuna. Għeżież bniet u subien, waħda mill-aktar affarijiet importanti fil-ħajja hi li tisma’, li titgħallem tisma’.

“Meta xi ħadd ikellmek, stennieh jispiċċa biex tassew tifhem x’qed jgħid, imbagħad, jekk tħoss li għandek twieġeb, wieġeb. Imma l-importanti hu li tisma’. Ħares sew lejn in-nies – in-nies ma jisimgħux. F’nofs x’qed jispjegalek xi ħadd, taqbeż twieġeb u dan ma tantx jgħin biex ikollna paċi. Isma’ – isma’ ħafna.”

Kontra Papa Franġisku

Tul it-tmexxija tiegħu, Papa Franġisku sab li dawk li ħaduha kontrih, kemm minn ġol-knisja stess, kif ukoll barra minnha. Kien hemm dawk li ħaduha kontra Papa Franġisku għax kien jikkritika lill-kapitaliżmu li jġib il-faqar u qed iħassar l-ambjent.

Ħaduha kontrih għax qabeż għall-immigranti u riedhom milqugħa u stmati ta’ nies.

Ħaduha kontrih għax ried lill-Knisja tħaddan u tħobb lill-iddivorzjati u lill-omosesswali flok twarrabhom u tikkundannahom.

Ħaduha kontrih għax kien jikkundanna l-industrija tal-armamenti li toħloq il-gwerer biex tqalla’ ħafna flus lil dawk li jgawdu minnha. Ħadem biex jagħme lill-Knisja, Knisja tal-fqar. Knisja tat-taf mhux taċ-ċentru.

Papa Franġisku kien iħobb jgħid li jippreferi “Knisja feruta, imweġġa’ u maħmuġa għax ħarġet fit-toroq milli Knisja marida, komda, magħluqa fiha nnifisha” mdawra bis-swar biex tipproteġi l-interessi ta’ poter, mhux il-valuri ta’ Kristu.

Papa Franġisku għażel lil San Franġisk t’Assisi li kien abbanduna l-ġid tal-familja u għażel li jservi l-fqar u l-imwarrbin, kien iħobb in-natura u l-paċi.

Papa Franġisku qassam il-ġid tiegħu u biddel palazzi fil-Vatikan fi djar għall-immigranti u dawk bla dar.

Torċa 18 Mejju 2025