You are currently viewing Meta żbarkaw il-Franċiżi

Meta żbarkaw il-Franċiżi

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

Fil-11 ta’ Diċembru 1827, Rosario Micallef mill-Mellieħa għamel talba lill-Gvern Ingliż, biex jitħallas tal-ħsara li għamlulu s-suldati Franċiżi ta’ Napuljun fl-għelieqi tiegħu meta żbarkaw fil-bajja tal-Mellieħa fl-4.00am tal-10 ta’ Ġunju 1798 bħala parti mill-invażjoni ta’ Malta.

Żbarkaw 3,000 suldat Franċiż u attakkaw u rebħu lill-Kavallieri u lill-Maltin li kienu numru inqas u mhux imħarġa fil-gwerra daqs il-Franċiżi. Fl-attakki fuq it-Torri l-Aħmar, ta’ Selmun u ta’ Għajn Ħadit inqatlu żewġ kavallieri u Malti. 150 suldat Malti nqabdu priġunieri.

Fil-petizzjoni tiegħu, Rosario Micallef qal li meta mar iwaqqaf lis-suldati Franċiżi li kienu qed isirqulu s-silla mill-għalqa tiegħu, heddewh li jisparawlu, u kellu jdabbar rasu. Is-silla kienu jkabbruha bħala għalf għall-annimali.

Ir-raħħala Maltin bħal Rosario Micallef, bla taħriġ u bla armi, ħlief il-ġebel u l-bsaten, żgur ma kellhomx biex jiddefendu ruħhom mis-suldati Franċiżi.

Il-Gvern Ingliż ma laqax it-talba ta’ Micallef. Qallu li ma kellu ebda prova li s-suldati Franċiżi serqulu s-silla 29 sena qabel.

Riedu jaħkmu lil Malta

Kien hemm mill-inqas erba’ qawwiet kbar interessati li jaħkmu lil Malta dak iż-żmien: Franza, l-Ingilterra, ir-Russja u l-Awstrija.

Fis-26 ta’ Mejju 1797 Napuljun kien talab lit-tmexxija ta’ Franza biex tinvadi u tirbaħ lil Malta bħala parti mill-istrateġija kummerċjali u militari tagħha li tiddomina l-Mediterran, tirbaħ ukoll l-Eġittu biex imbagħad teqred l-interessi Ingliżi fl-Indja.

Wara r-rivoluzzjoni Franċiża, l-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta kienet ħadet żewġ daqqiet kbar li qatt ma rpiljat minnhom:

– fl-1791 kull Franċiż (żewġ terzi tal-Kavallieri kienu Franċiżi) li kien membru ta’ Ordni mhux fi Franza kien tilef in-nazzjonalita’ tiegħu;

– fl-1792 l-artijiet u l-ġid ta’ kull Ordni barranija fi Franza ġie meħud mill-gvern Franċiż u l-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta tilfet nofs id-dħul tagħha.

Napuljun kien bagħat spjuni Malta biex jagħmlu kuntatt mal-eluf ta’ Kavallieri Franċiżi u Maltin li kienu jemmnu fil-prinċipji tar-rivoluzzjoni Frnċiża (liberta’, fraternita’ u ugwaljanza), biex isiru jafu kif l-aħjar jirbħu lill-gżejjer Maltin.

Jaslu l-Franċiżi

F’Ġunju 1798 il-flotta enormi Franċiża (b’50,000 suldat fuqha) fi triqitha biex tinvadi l-Eġittu waslet barra l-Port il-Kbir u assedjat lil Malta.

Kontra din il-qawwa militari kbira, l-Ordni tal-Kavallieri kellha biss 332 Kavallier, 3,600 suldat fil-Port il-Kbir u 13,000 Maltin tal-milizja.

Fl-istess jum il-forzi Franċiżi żbarkaw f’erba’ postijiet: Marsaxlokk biex imorru lejn il-Kottonera u mbagħad lejn il-Belt Valletta, ix-xatt ta’ bejn tas-Sliema u l-Qawra biex jirbħu l-Imdina u l-irħula ta’ madwarha, il-bajja tal-Mellieħa u ta’ San Pawl il-Baħar biex javvanzaw lejn l-Imdina u l-Madliena u Għawdex.

Sa fl-għaxija l-gżejjer kollha kienu ntrebħu mill-Franċiżi ħlief il-portijiet ta’ Marsamxett u l-Port il-Kbir u l-Forti San Luċjan.

Il-Gran Mastru ma kellux triq oħra ħlief iċedi u jgħaddi l-gżejjer f’idejn il-Franċiżi.

It-truppi ta’ Napuljun kienu mdorrijin jagħmlu li jridu fejn jinvadu: iġorru kulma jsibu, jistupraw, fejn hemm bżonn joqtlu u jżarmaw il-knejjes mill-ġid tagħhom,

Fis-sitt ijiem li għamel Malta, Napuljun ħabbar riforma fit-tmexxija ta’ Malta, qasam il-gżejjer fi 12-il muniċipalita’ differenti, ħeles lill-ilsiera Torok kollha u għamel il-jasar kontra l-liġi, neħħa l-privileġġi fewdali kollha, ħatar 12 imħallef differenti, irriforma l-isptar u l-universita’, ried jiftaħ l-ewwel skejjel primarji (15) u sekondarji, ried li 16 tfal fl-eta’ 9 sa 14 ta’ familji sinjuri jintbagħtu jistudjaw f’kulleġġi f’Pariġi, l-isqof ta’ Malta jibda jkun Malti u ried idaħħal sistema edukattiva li tilħaq iżjed nies.

Paċi flok gwerra

Kull ħakma barranija tul l-aħħar elfejn sena, l-istorja tal-invażjoni Franċiża u mbagħad il-ħidma tal-Ingilterra biex tieħu lil Malta turina kif fil-kompetizzjoni bejn il-qawwiet il-kbar biex jikkontrollaw lil Malta, il-Maltin kienu bla leħen u kull darba l-gżejjer tmexxew fl-interessi ta’ min ħakimhom u mhux għall-ġid tal-Maltin.

Kien biss xħin il-Maltin bdew imexxu lilhom infushom li ħadmu biex jgħixu fil-paċi u f’kummerċ turistiku u industrijali mal-pajjiżi l-oħra kollha u ma jservux bħala bażi tal-gwerra li thedded lill-pajjiżi oħra.

Mellieha Awwissu 2024