You are currently viewing Meta se jimmaturaw?

Meta se jimmaturaw?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

Meta se jimmaturaw dawk il-politiċi li għadhom jaħsbu li n-nuqqasijiet tagħna f’pajjiżna nirranġawhom billi nmorru nugżaw lill-gvern lill-Kummissjoni Ewropea?

60 sena wara li għamilna l-ewwel pass biex insiru nazzjon indipendenti, sovran u li jmexxi lilu nnifsu, xorta għad għandna politiċi li għadhom bil-mentalita’ u bl-imġieba ta’ meta konna kolonja.

Tul is-sekli, in-nuqqasijiet li kellna hawn, fosthom il-miżerja, taxxi għoljin imposti fuqna minn dawk li kienu jaħkmuna, nuqqas ta’ qamħ … kien ikollna min imur għand l-Imperatur Spanjol, jew għand il-Papa … jugża lill-Gran Mastru li qed jaħqarna …

Fi żmien l-Imperu Brittaniku konna nippruvaw inwasslu leħinna barra minn Malta quddiem organizzazzjonijiet internazzjonali li rridu l-ħelsien nazzjonali biex il-poplu tagħna jibda jgħix diċenti.

Bħala kolonja żviluppajna l-mentalita’ li s-soluzzjonijiet għalina jiġu minn barra … jew minn pajjiżi oħra billi jtuna iżjed flus jew mis-sema billi jinżel xi qaddis ikeċċi lil xi ħadd li nvadiena.

Meta konna kolonja ma kellniex triq oħra …

Mis-saqaf ‘l isfel

Imma issa li suppost sirna indipendenti, in-nuqqasijiet tagħna rridu nirranġawhom fostna, aħna stess. Meta nmorru għand il-barranin biex isewwulna darna, jidħku u jitkażaw bina, jew f’wiċċna jew wara daharna.

Jarawna tfal li għadna ma kbirniex u għadna nfittxu lil xi ħadd kbir biex jieħu ħsiebna. Kull pajjiż għandu nuqqasijiet serji u jekk irid jirranġahom, irid jirranġahom hu.

Meta l-barranin jippruvaw “jirranġaw” in-nuqqasijiet ta’ pajjiż ieħor, ma jaslux u aktar jgħaffġu u joħolqu problemi.

Dar tibnieha mill-pedamenti ‘l fuq. Mhux mis-saqaf ‘l isfel. Min imur għand il-barrani biex jirranġalu daru qed jgħidlu biex jibnilu daru mis-saqaf ‘l isfel. Dar mibnija bil-maqlub malajr taqa’ u tordom lil min jgħix fiha.

Il-bidliet u l-passi biex intejbu t-tmexxija f’kull qasam f’dan il-pajjiż u biex inneħħu l-korruzzjoni jridu jsiru hawn biex ikunu serji u fil-fond.

Meta jsiru għall-wiċċ il-barranin ikunu kożmetiċi, ftit irtokk biex ineħħu l-kruha, flok bidla serja fil-kultura u fl-imġieba tagħna.

Min jaħseb li jasal qabel, billi jmur għand il-barranin biex nirranġaw daharna, aktar qed itawwal it-triq biex nimmaturaw u nkunu tassew responsabbli.

Li nirranġaw bis-serjeta’ n-nuqqasijiet tagħna huwa l-akbar ġid li nistgħu nagħmlu lill-poplu tagħna.

Nitgħallmu naħsbu għal rasna

Illum li ninsabu fl-Unjoni Ewropea hemm min lill-Kummissjoni Ewropea jaraha bħala l-ġenitur għand min imur biex jugża lill-ħutu (li ma tantx jarahom bħala ħutu) għax qed jonqsu.

Sħubija fl-Unjoni Ewropea tfisser li s-sovranita’, it-tmexxija, id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu flimkien, nagħġnuhom u nieħduhom flimkien, imma dak li hu responsabbilta’ tagħna, irridu nieħdu ħsieb aħna u nirranġawh aħna.

Dawk il-politiċi li jmorru għand il-Kummissjoni Ewropea għal kollox u jriduha tindaħal f’kollox u tiddeċiedi hi għalina f’kollox u ssewwilna n-nuqqasijiet tagħna għad għandhom il-kumpless ta’ inferjorita’ ta’ poplu kolonizzat.

Għadhom jaħsbu u jġibu ruħhom ta’ sudditi ta’ kolonja maħkuma minn qawwa barranija u mhux ta’ ċittadini ta’ nazzjon li jmexxi lilu nnifsu u jrid jitgħallem jaħseb għal rasu f’dinja kbira mimlija sfidi.

Biex tagħqad, il-katina msadda ta’ serviliżmu jiftaħru biha bħala xi ġiżirana sabiħa li huma kburin biha.

Għawdex 250 sena ilu

In-nisa u rġiel Għawdxin sbieħ, bieżla u b’saħħithom u itwal mill-Maltin.

Hekk osserva l-artist Franċiż Jean Houel li żar il-gżejjer tagħna fl-1770 u fl-1777. Huwa magħruf għall-pitturi tiegħu tal-pajsaġġi fejn kien iżur.

Ipenġi wkoll in-nies tal-post u minnu nieħdu ħjiel kif kienu jidhru, jilbsu u jaħdmu l-Maltin u l-Għawdxin 250 sena ilu għax bil-lapis u l-pinzell u bil-kitba tiegħu Houel jagħtina ritratti tagħhom.

Sab 15,000 ruħ jgħixu f’Għawdex fl-irħula tal-Għarb, iż-Żebbuġ, ix-Xagħra, in-Nadur, ix-Xewkija, is-Sannat u r-Rabat.

Jgħid li fiċ-Ċittadella kien hemm 200 joqogħu u ra l-Kattidral, il-palazz tal-mexxej tal-gżira u ħabs.

Isemmi li l-gżira għandna ħamrija tajba ħafna. L-aktar li jkabbru huma l-qoton, il-qamħ u x-xgħir. Imma l-ħsad tal-qamħ u x-xgħir ituhom biss ikel għal tliet xhur, il-bqija jridu jimpurtawhom għall-bqija tas-sena.

Jesportaw lejn Malta

Jara li f’Għawdex irabbu ħafna bhejjem għal-laħam tagħhom u parti minnhom jesportawhom lejn Malta.

Jgħid li jpassu ħafna tajr u għasafar u li l-kaċċa hi abbundanti.

Jaqbdu wkoll il-fenek selvaġġ li jgħix fil-passaġġ għeri.

Jgħid li n-nagħaġ huma fertili ħafna f’Għawdex u jkollhom anki sa erba’ ħrief sa tliet darbiet fis-sena.

Kuljum xi sitt jew seba’ dgħajjes jaqsmu lejn Malta bil-frott u l-ħaxix li jkabbru l-Għawdxin.

Fid-dawra tiegħu mal-gżira riekeb fuq ħmar jara nisa u tfajliet Għawdxin sbieħ jaħslu l-ħwejjeġ fl-għajn tal-Lunzjata.

Ra wkoll nisa u rġiel ġejjin minn xogħol iebes taħt xemx qalila u krudila fl-għelieqi jġorru xkejjer tal-qoton fuq rashom.

Torċa 24 Novembru 2024