You are currently viewing Meta l-patata waslet hawn

Meta l-patata waslet hawn

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

Fil-Wirja Agrarja tal-Imnarja tal-1854 kien biss Ġużeppi Bartolo mill-Mellieħa li ħa sehem bil-patata li kabbar, imma ma rebaħ l-ebda premju. Hekk jgħidilna Carmel Cassar fil-ktieb ad unur Guido Lanfranco ‘The Examined Life’ (2019). Jidher li l-bdiewa tal-Mellieħa bdew ikabbru l-patata fil-gżejjer fl-ewwel snin li r-raħal reġa’ ħa l-ħajja.

Qabel, kienu jkabbru l-qoton. Skont Jimmy Muscat (‘Talbiet lill-Kuruna Ingliża, Il-Mellieħa 1824-1889) fil-21 ta’ Settembru 1826 Paolo Gauci talab “tnaqqis fil-kera fuq l-artijiet li hu għandu mikrija għandu f’tal-Kammieħ minħabba l-ħsara li saritlu f’parti mill-uċuħ tar-raba (tal-qoton) mill-fniek tar-Riserva tal-Gvernatur li hemm fil-qrib.” Kienu ħarbu u daħlulu fl-għelieqi.

Muscat josserva li l-pjanta tal-qoton “kienet tiġi kkultivata ġmielha fl-inħawi tal-Mellieħa u li kienet ukoll tirrendi ħlas adekwat minħabba li kien hemm domanda tajba għaliha, ukoll għall-esportazzjoni.”

Fl-20 ta’ Jannar 1827 il-gvern laqa’ t-talba ta’ Gauci. Kienu snin li fihom it-tkabbir tal-qoton beda jmur lura f’pajjiżna. Mhux minħabba l-fniek. 

Il-bdiewa ta’ pajjiżna kellhom jabbandunaw it-tkabbir tal-qoton minħabba bidliet li seħħew fil-Mediterran u fid-dinja. Minħabba dawn il-bidliet it-tkabbir tal-patata daħal sew fost il-bdiewa Maltin flok it-tkabbir tal-kemmun u tal-qoton. Bdew jieħdu żewġ uċuħ tal-patata kull sena għax sabu l-art u l-klima lokali kienu tajbin.

Anki minħabba l-faqar li kien hawn, il-bdiewa kienu lesti jkabbru tip ta’ patata li ma tantx kienet titqies tajba għall-ikel.

Mas-snin tant żdied it-tkabbir tal-patata li anki bdiet tiġi esportata ħafna minnha.

Skont il-Markiż Cassar Desain (1875) ix-xitla tal-patata daħlet l-ewwel darba f’Malta u tkabbret fil-ġnien tal-Argotti fl-1774.

Imma Carmel Cassar jgħidilna li aktarx daħlet anki 30 sena qabel għax insibuha f’pittura f’sala tal-ikel fejn illum hemm il-Kurja fil-Furjana.

Dak iż-żmien il-patata kienet għadha meqjusa velenuża u anki tista’ ġġib il-ġdiem.

Kienet titkabbar fl-Ewropa bħala xitla stramba u mhux għall-ikel.

Kienu l-Ingliżi – permezz tal-Kummissarju Ċivili Alexander Ball wara l-1799 – li daħħlu u xerrdu l-patata għall-ikel fil-gżejjer tagħna.

Huwa għażel ftit bdiewa mill-inħawi taż-Żejtun u ta’ Ħal Għaxaq u ġiegħelhom ikabbru l-patata fl-għelieqi tagħhom.

Il-flotta Britannika fil-Mediterran kienet tuża’ ħafna patata għall-ikel.

Flok il-qoton

Wara l-1813 Malta kellha diffikultajiet kbar biex tixtri l-qamħ li kellha bżonn għax kien jiswa d-doppju tal-prezz fi Sqallija għax ir-Re Ferdinandu II taż-Żewġ Sqalliji ma riedx li l-qamħ jinbiegħ lil Malta bla dazju.

Ir-Re Ferdinandu II kien tilef kull tama li jerġa’ jaħkem fuq Malta wara li sirna kolonja Britannika fl-1815.

Imma għalkemm il-qamħ kien għoli ħafna u l-patata kienet orħos u kienet tikber tajjeb fl-għelieqi lokali, damet ħafna ma ġiet aċċettata għall-ikel mill-Maltin.

Sadattant meta Sardenja iffaċċjat ġuħ kbir fl-1812 xtrat il-patata minn diversi postijiet, fosthom Malta.

Meta Spanja fl-1800 ma ħallietx aktar qoton jidħol minn pajjiżi oħra, il-qoton imkabbar Malta tilef suq importanti. Kellu wkoll jikkompeti mal-qoton imkabbar fir-Renju Unit.

Meta daħlet u xterdet il-pesta f’Malta fl-1813, ħadd ma ried jixtri xejn minn Malta u kien hemm portijiet fil-Mediterran li damu sas-sena 1826 biex iħallu xi vapur Malti jidħol bil-merkanzija minn Malta.

Il-bdiewa Maltin kellhom jabbandunaw il-qoton u jħabbru ċerjali, ħxejjex għall-ikel u silla għall-annimali.

Il-popolazzjoni bdiet tikber, ma kienx faċli għan-nies jemigraw u l-aktar xogħol li setgħu jsibu l-Maltin kien fl-għelieqi u bejn l-1852 u 1871 l-ħaddiema fl-għelieqi żdiedu minn 7,000 għal madwar 9,000. Anki fil-Mellieħa żdied ix-xogħol fl-għelieqi u l-gvern kienu qed isirulu ħafna talbiet mill-Melliħin u minn nies ta’ rħula oħra biex jingħataw art b’ċens fil-Qammieħ, il-Blata, Qasam Barrani, Wied Għarbiel u l-Ibraġ ħalli jkabbru l-uċuħ fiha.

Il-gvern kien qed iqassam l-art biex joħloq ix-xogħol u biex iħajjar iżjed niesu jiġu joqogħdu l-Mellieħa.

Maż-żmien il-patata daħlet ukoll fl-ikel tal-Maltin. Fi ktieb tal-1894 diġa’ nsibu riċetta ‘fenec la campanjola’ ta’ fenek moqli bit-tewm u l-inbid u żżidlu l-patata.

Tant saret importanti f’pajjiżna li twieled il-qawl: ‘Patata taħt il-ħamrija tagħmel id-dar mimlija.”

Mellieħa Lulju 2024