You are currently viewing Meta għenuna l-Portugiżi

Meta għenuna l-Portugiżi

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

Ftit hu magħruf fostna kemm għenuna l-Portugiżi fl-1798 u 1799 fil-qawmien tagħna l-Maltin kontra l-Franċiżi wara li Napuljun kien keċċa lill-Ordni tal-Kavallieri. 

Il-Portugall kien kontra t-tkeċċija ta’ l-Ordni minn Malta. Il-monarkija u n-nobilta’ Portugiża kienet favur l-Ordni tal-Kavallieri.

L-Ordni kellha mill-inqas tliet Portugiżi Granmastri kemm damet Malta. Fil-belt Portugiża ta’ Estremoż hemm il-Kunvent tal-Maltin li fetħu s-sorijiet tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. 

Meta l-Maltin qamu kontra l-Franċiżi fl-1798, il-Maltin bagħtu xprunara minn San Pawl il-Baħar titkellem mal-Portugiżi mmexxija mill-Ammirall Antonio de Nisa li kien qed ibaħħar qrib Malta. 

Huwa wiegħed lill-Maltin li ma kienx se jħalli forzi Franċiżi ġodda jaslu Malta biex irażżnu l-qawmien tal-Maltin li kienu qed jassedjaw lis-suldati Franċiżi fil-belt Valletta. 

De Nisa qabel li se jgħin lill-Maltin sakemm jasal Horatio Nelson bis-suldati Ingliżi. Il-Portugiżi u l-Ingliżi kienu alleati kontra Franza. 

L-Ammirall de Nisa bagħat lill-Maltin ikel, armi tan-nar u munizzjon. 

Bagħat ukoll inġiniera militari jgħinu lill-Maltin jibnu trunċieri kontra l-Franċiżi u jagħtuhom pariri kif jirbħu lill-Franċiżi. 

Kien hemm anki 400 suldat Portugiż jgħinu lill-Maltin li qamu kontra l-Franċiżi. 

Diversi suldati żgħażagħ Portugiżi nqatlu jgħinu lill-Maltin. 

Fis-sentejn ta’ qawmien kontra l-Franċiżi, il-Maltin tellgħu l-bandiera tal-Portugall bħala għarfien tal-għajnuna kbira li taw. 

L-arma tal-ġuħ

Li kien għall-Maltin kienu jippruvaw jidħlu għall Franċiżi assedjati fil-Belt Valletta billi jitilgħu mas-swar permezz ta’ slielem twal. 

Il-Maltin ma kellhomx esperjenza u dixxiplina militari u ma kinux jafu jfasslu strateġija biex jirbħu lill-Franċiżi. 

Il-Portugiżi qalu lill-Maltin li jekk jippruvaw jidħlu għall-Franċiżi jiġu mmassakkrati għax ikun faċli għall-Franċiżi jattakkaw lill-Maltin minn fuq is-swar. 

Il-Portugiżi taw parir lill-Maltin biex flok imutu martri b’erojiżmu li ma jwassal għal xejn, jassedjaw fit-tul lill-Franċiżi fil-Belt Valletta sakemm ikollhom iċedu għax ma jkollhomx iżjed x’jieklu. 

Fil-fatt hekk ġara. Il-Franċiżi kellhom iċedu għax lanqas ġrieden ma kien baqagħlhom x’jieklu. 

Waqt li s-sehem tal-Ingliżi fil-qawmien tal-Maltin kontra l-Franċiżi hu magħruf, dak tal-Portugiżi magħruf ferm u ferm inqas. 

Mingħajr is-sehem tal-Portugiżi, il-qawmien tal-Maltin kien ifalli u l-istorja ta’ pajjiżna kienet tkun differenti. 

Kliem sabiħ falz

Aħna l-Maltin u l-Portugiżi t-tnejn sofrejna invażjoni mit-truppi Franċiżi ta’ Napuljun.

Il-Portugiżi għenu lill-allejati tagħhom l-Ingliżi ikeċċu lill-Franċiżi minn Malta. 

Ftit snin wara l-Portugiżi stess sofrew invażjoni mit-truppi ta’ Napuljun. 

Malta u l-Portugal inqabdu fil-kompetizzjoni qalila bejn iż-żewġ qawwiet ta’ dak i-żmien, Franza u l-Ingilterra li riedu jaħkmu pajjiżi iżgħar minnhom għall-interessi strateġiċi militari u kummerċjali tagħhom. 

L-invażuri Franċiżi u Ingliżi kienu jaħbu dawn l-interessi tagħhom taħt il-kliem sabiħ li ġejjin jilliberaw lill-popli u jtejbulhom ħajjithom. 

Imma wara ftit żmien il-“liberaturi” kienu jsiru l-ħakkiema l-ġodda. 

Kienu jwegħdu progress, liberta’, tmexxija tajba, edukazzjoni għal kulħadd u ugwaljanza. 

Imma wara ftit jibdew jaħqru u joqtlu, jisirqu l-ġid li jsibu, iġorru lejn pajjiżhom teżori kulturali li jaħtfu u jużaw għall-interessi tagħhom lill-popli u lill-pajjiżi maħkuma.

Fuq kollox ċaħħduhom milli jmexxu lill-pajjiżhom u mid-dritt li jiddeċiedu l-popli stess xi jridu. L-invażuri hu bħal meta xi ħadd jidħollok f’darek u jikkmandak x’għandek tagħmel u ma tagħmilx.

La l-Ingliżi u lanqas il-Franċiżi ma nvadew lill-Malta u lill-Portugall għal wiċċ il-Maltin u wiċċ il-Portugiżi.

Invadewhom u ħakmuhom għall-interessi imperjalistiċi tagħhom, biex jaħkmu fuqhom u mhux biex jgħixu magħhom għall-ġid ta’ xulxin. 

Għaddew is-sekli imma f’pajjiżi li kienu maħkuma bħal Malta u l-Portugal għadek issib min jiddefendi lill-invażuri u jpenġihom bħala benefatturi flok ħakkiema.

Għadek issib min iżomm ma’ pajjiżi oħra qawwija tal-lum flok ma’ pajjiżhom stess. 

Pajjiżi kbar mhemmx għalfejn jużaw forza militari biex jiddominaw pajjiżi iżgħar. 

Għandhom ħafna mezzi ekonomiċi, finanzjarji u politiċi x’jistgħu jużaw biex jiddettaw lill-pajjiżi ż-żgħar x’jagħmlu anki kontra l-interessi tagħhom stess. 

L-agħar meta jkunu jikkontrollaw l-imħuħ u l-qlub ta’ mexxejja u ċittadini ta’ pajjiżi żgħar li jobduhom anki meta ta’ ħsara għalihom. 

Torċa 30 Ġunju 2024