You are currently viewing Meta Alla mhux droga

Meta Alla mhux droga

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:8 mins read

“Ibqgħu fejn intom. Sibu lil Kalkutta tagħkom. Sibu l-morda, dawk li qed ibatu u dawk li huma waħedhom fejn tinsabu intom – fid-djar tagħkom stess u fil-familji tagħkom, fejn taħdmu u fl-iskejjel tagħkom …

“Tistgħu ssibu lil Kalkutta mad-dinja kollha, jekk għandkom għajnejn biex taraw. Kullimkien, kull fejn tmorru, issibu nies li ma jridhom ħadd. Ma jħobbhom ħadd. Mormijin mis-soċjeta’ – minsija għal kollox, mitluqin waħedhom.”

Kliem ta’ mara jisimha Gonxha Agnes Bojaxhiu imma magħrufa bħala Madre Tereża. Twieldet fis-26 ta’ Awwissu 1910 u mietet fil-5 ta’ Settembru 1997.

Kienet tiddeskrivi lilha nnifisha bħala: “Albaniża bit-twelid. Indjana bħala ċittadinanza. Bħala fidi, jien soru Kattolika. Bħala vokazzjoni nħoss li rrid nagħti sehmi fid-dinja kollha. Qalbi hija kollha kemm hi tal-Qalb ta’ Ġesu’.

Meta rċeviet il-Premju Nobel fl-1979 “għax-xogħol umanitarju tagħha tiġġieled il-faqar u t-tbatija mad-dinja kollha” hija qalet: “Mhux biżżejjed li ngħidu, ‘Inħobb lil Alla, imma ma nħobbx lill-proxxmu tiegħi.” Iddedikat ħajjitha biex tgħin lil dawk li jintefgħu l-aħħar, jitqiesu l-inqas u jitħallew jintilfu. Għaliha r-reliġjon kienet tagħmel sens jekk tgħix il-kliem: “Dak li tagħmlu mal-inqas wieħed fostkom qed tagħmluh miegħi.”

Waqt li fil-pubbliku kienet tagħti l-impressjoni ta’ mara sempliċi b’fidi soda u għamja, 40 ittra privata tagħha (li xtaqithom meqruda) imma ġew ippubblikati juru mara tturmentata minn ġewwa bi kriżi kontinwa spiritwali fejn kienet qed tivvjaġġa f’deżert niexef bla fidi u bla Alla.

Kienet kitbithom lill-konfessur u direttur spiritwali tagħha.

Jidher li daħlet f’din il-kriżi malli ġiet wiċċimbwiċċ mal-faqar kbir, miżerja u t-tbatija kbira ta’ dawk li kienu qed imutu fit-toroq ta’ Kalkutta (illum Kolkata) fl-Indja fejn marret fil-formazzjoni tagħha ta’ soru meta kellha 19-il sena.

Wiċċimbwiċċ mal-kruha tal-ħajja

Għexet ma’ dawk li għalihom il-ħajja kienet kalvarju fuq is-salib. Ħaġa kbira li jħossuhom abbandunati minn kulħadd. Anki minn Alla, meta Kristu stess fuq is-salib għajjat lill-Missieru: “Għaliex abbandunajtni? Madre Tereża li kienet tgħix dak il-kalvarju ħassitha hekk ukoll.

Il-kruha tal-ħajja wassluha biex privatament tħoss “nixfa”, “dlam”, “solitudni” u ‘turment” fil-ħajja tagħha ta’ kuljum, jum wara jum,  għal 50 sena sħaħ..

Tħossha qed tgħix fl-infern u f’mument minnhom tiddubita teżistix il-ġenna u jeżistix Alla.

Fl-ittri tagħha kitbet: “Id-dlam idawwarni minn kull naħa – ma nistax nerfa’ ruħi lejn Alla – l-ebda dawl jew ispiriazzjoni ma jidħlu f’ruħi.”

“Post Alla f’ruħi huwa vojt – mhemm l-ebda Alla fija.

Fid-dlam … Mulej, Alla tiegħi. Min jien beix tabbandunani?

Jien li Int irmejtni u warrabtni – bla ma tħobbni.

Inseejaħlek, nipprova niggranfa miegħek.

Irrid – imma mhemm ħadd li jwieġeb – mhemm ħadd li miegħu nista’ niggranfa, le, mhemm ħadd. Waħdi. Id-dlam tant huwa mudlam – u jien waħdi.

Qabel tant kont insib għajnuna u wens mill-gwifa spiritali – imma mindu bdejt il-ħidma tiegħi – xejn.”

“Jekk xi darba insir qaddisa – żgur inkun waħda tad-’dlam’. Ma nkun qatt il-ġenna – biex nixgħel id-dawl ta’ dawk fid-dlam fid-dinja.”

Meta ħarġu dawn l-ittri fis-sena 2007, ħafna kienu skandalizzati u konfużi. Ma fehmux li l-vjaġġ tagħha fid-dlam tar-ruħ juri l-ispiritwalita’ profonda tagħha fejn ir-reliġjon hija l-għajta ta’ min qed isofri u mhux xi droga li ttaffi u tnessi l-miżerja tal-ħajja.

L-ebda loppju għall-uġigħ

Magħrufa għat-tbissima dejjem fuq wiċċha tikteb f’ittra minnhom: “It-tbissima hija maskra jew mantell li jgħatti kollox… Fil-pubbliku nitkellem kif qalbi tħobb lill-Alla b’mod intimu … imma min jaf xi nkun qed inħoss minn ġewwa, jgħid: X’ipokrisija.”

Naħseb li dawn l-ittri privati jkabbru mhux iċekknu lil Madre Tereża u juru x’persuna profonda kienet u kif ippruvat tgħix l-impenn sħiħ tagħna tgħin lill-fqar, il-morda u l-imwarrbin u li r-reliġjon għaliha ma kinetx loppju biex ma tħossx l-uġigħ.

L-ittri privati tagħha ma jnaqqsu xejn mill-messaġġ tagħha biex insibu modi kif inħobbu l-proxxmu tagħna:  “nies li ma jridhom ħadd. Ma jħobbhom ħadd. Mormijin mis-soċjeta’ – minsija għal kollox, mitluqin waħedhom.”

Kemm hu faċli għalina ningħalqu fid-dinja komda tagħna u ma narawx lil Kalkutta ta’ taħt imneħirna.

Kif qalli l-ħabib li bagħatli l-kliem ta’ Madre Tereża: “Min ibati jkun ħdejk u ndawru wiċċna.”

Bħal fil-bqija tad-dinja aħna wkoll għandna lil Kalkutta fostna: għandna mill-inqas 105,000 jgħixu fir-riskju tal-faqar.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika żdiedu bi kważi 3% dawk li għandhom inqas minn 18 u jinsabu f’riskju ta’ faqar u llum telgħu għal 22%. Naqsu b’1% jew inqas dawk li huma f’eta’ akbar.

Rapport li ħareġ il-Bank Ċentrali fil-5 ta’ Awwissu 2024 juri li 10% tal-akbar sinjuri f’Malta għandhom kważi 90% tal-ġid kollu ġej min-negozju.

Id-daqs tal-kejk nazzjonali rdoppja mis-sena 2010 sal-lum imma qed jiekluh l-iktar l-aktar sinjuri fostna.

Minn dan il-kejk nazzjonali nofs il-familji tagħna bl-inqas dħul kienu jieħdu 14.3% fl-2010. Illum qed jieħdu 12%.

Aktar ugwali minn pajjiżi oħra Ewropej

L-10% l-aktar sinjuri qed jieħdu 5% iżjed milli kienu jieħdu fl-2010. Illum qed jieħdu 44.8% meta 14-il sena ilu kienu jieħdu 39.7%. Jidher li l-qasam tad-djar l-aktar li jikkaġuna disugwaljanza fostna. 65.6% tad-dejn tal-familji ta’  €6.7 biljun huwa dejn fuq l-akkomodazzjoni.

Waqt li tajjeb nieħdu l-messaġġ ta’ Madre Tereża u ngħixu personalment lil min għandu bżonn, nafu li l-karita’ ndividwali mhix biżżejjed biex il-ġid f’pajjiżna jitqassam b’mod aktar ġust biex ikollna soċjeta aktar ugwali u ma nibqgħux bis-sinjuri jsiru iżjed sinjuri u l-fqar isiru iżjed fqar. Ir-rapport tal-Bank Ċentrali dwar it-tqassim tal-ġid fost il-familji Maltin juri li l-ġid żdied f’pajjiżna għal €105.3 biljun, l-aktar bil-valur tad-djar u bil-flus li ddepożitaw in-nies fil-banek, iżda żdiedet ukoll id-disugwaljanza.

Waqt li mis-sena 2010 il-ġid tal-10% l-aktar sinjuri żdied b’160.7%, dak tal-50% bl-inqas dħul żdied b’94.1% għalkemm il-ġid tagħhom irdoppja fl-aħħar 14-il sena.

Id-disugwaljanza żdiedet minn 0.54 fl-2010 għal 0.59 fl-2023. Pajjiżna huwa inqas diżugwali mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn id-disugwaljanza tilħaq 0.72. Malta hija fit-tielet post bħala ugwaljanza tat-tqassim tal-ġid.

Leħen Ottubru 2024