“Raġel sab bajda ta’ ajkla u qiegħedha mal-bajd li tiġieġa kellha taħtha. Il-bajda tal-ajkla faqqset mal-flieles tat-tiġieġa u kibret magħhom.
Ħajjtiha kollha l-ajkla ħasbet li kienet fellus. Kienet tnaqqar id-dud u l-insetti fil-ħamrija. Kienet tqagħqi u tqagħqi. U kienet tferfer ġwinħajha, tinqata’ ftit mill-art u ttir ftit u taqa’ mal-art.
Għaddew is-snin u l-ajkla xjaħet ħafna. Darba minnhom rat tajra kbira u sabiħa tittajjar fuqha f’sema bla sħab. Kienet qed ittir qalb ir-riħ qawwi u bil-kemm kellha għalfejn iċċaqlaq il-ġwienaħ dehbin u b’saħħtihom tagħha.
L-ajkla xwejħa ħarset ’il fuq tammira l-ajkla fis-sema. Staqsiet: “Min hi dik?”
“Dik hija l-ajkla, ir-reġina tat-tajr kollu,” wieġeb il-fellus ta’ ħdejha. “L-ajkla hi tas-sema. Aħna tal-art – aħna flieles.”
L-ajkla għexet u mietet ta’ tiġieġa, għax hekk ħasbet li kienet.”
Din hija parabbola tal-Ġiżwita Indjan Anthony de Mello (1931-1987) fejn iressaqna biex infittxu min aħna biex nifhmu li jekk nillimitaw irwieħna u naħsbu li m’aħniex kapaċi ntiru, ma ntirux.
Julian
Julian Fenech minn Ħal Lija ngħata l-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija għal din is-sena.
Julian qaleb għall-Ingliż lit-tifel Indjan ta’ ħdejh, Juan, biex ikun jista’ jifhem ir-reċta bil-Malti u jidħak mat-tfal l-oħra.
Ġab iżżejjed affarijiet mid-dar biex jagħtihom lil min ma kellux u hekk seta’ jagħmel ukoll l-esperimenti fil-klassi.
F’xogħol ta’ grupp jgħin lit-tfal bi bżonnijiet speċjali u jispjegalhom fejn ma jifhmux.
Waqt il-brejk iċedi postu biex ma jinqalax ġlied waqt xi logħba ballun.
Jekk idejqu xi ħadd jara kif jirranġa miegħu.
Fid-diskors tiegħu Patri Dijonisju Mintoff, li ħoloq il-premju, qal li f’dinja ta’ vendetti, il-maħfra tidher ġennata, imma hi biss li tfejjaq u ġġib il-paċi.
It-Titanic jaqbad
Fl-aħħar ta’ Ġunju wasalt Madrid f’nofs il-lejl imma l-isħana kienet ta’ nofsinhar.
Dan is-sajf qed ikun aktar sħun fl-Ewropa mis-sjuf li għaddew, anki f’pajjiżna. Il-klima tal-Mediterran qed tisħon aktar milli qed tisħon fil-bqija tad-dinja.
Il-klima qed tkompli tisħon u tħarbtilna ħajjitna u tħawdilna kull qasam tal-ħajja: nies imutu bis-sħana, nixfa, nirien jaħarqu foresti sħaħ, maltemp estrem waqt li l-aktar li jintlaqat hu l-baħar bis-silġ jinħall u l-baħar jogħla u jibla’ aktar mix-xtut u hemm fejn gżejjer qed jegħerqu u jiġu abbandunati u n-nies imorru jgħixu pajjiżi oħra.
Aħna tlifna l-klima Mediterranja tagħna u issa qisna Lvant Nofsani hekk kif is-sħana qed titla’ u tinfirex ‘il fuq ġeografikament.
Fid-dinja qisna fuq it-Titanic li qed jaqbad u qed jegħreq.
Flok naraw kif nitfu n-nar u ntaffu l-infern tal-klima qed inżiduh bl-infern tal-gwerer.
Flok naħdmu flimkien biex nitfu n-nirien, naraw kif nifferoċjawhom u se nispiċċaw neqirdu lilna nfusna jekk se nibqgħu sejrin hekk.
Inwaħħlu f’ħaddieħor
Jekk il-barometru juri li maltemp, mhux se jibnazza jekk inkissru l-barometru.
M’għandniex inwaħħlu fit-termometru jekk għandna d-deni u ngħidu li marradna hu.
Jekk biċċa xogħol nagħmluha ħażin, għandna nwaħħlu fl-għodda?
Jekk xi ħaġa ma togħġobniex dwarna xħin inħarsu fil-mera, tort tagħha.
Perfetti?
Aħna l-bnedmin insibuha diffiċli naraw in-nuqqasijiet tagħna (ta’ ħaddieħor faċli) u nirrabjaw għal dawk li jgħidulna bihom.
L-aktar jekk dejjem inwaħħlu f’ħaddieħor flok induru dawra magħna nfusna.
Imma jekk ma nammettux in-nuqqasijiet tagħna kif nistgħu nirranġawhom?
Jekk naħsbu li aħna perfetti, kif se nitgħallmu nsiru aħjar?
Jirbħu ċ-ċittadini
Aktar minn 29,000 ċittadini rnexxielhom ibiddlu l-posizzjoni tal-Prim Ministru, tal-Kap tal-Opposizzjoni, ta’ diversi ministri tal-gvern u attivisti tal-partiti li l-kuntratt ta’ Manoel Island kien sagru u li l-gżira kellha tibqa’ tingħata għall-proġett privat u ma tistax tinbidel f’park pubbliku.
Turi li l-pressjoni taċ-ċittadini tista’ tħalli frott u li n-nies tal-flus mhux dejjem u bilfors jirbħu t-‘tug of war’ bejn il-ġid komuni u l-interessi egoisti.
L-agħar meta l-politiċi jżommu man-neguzjanti kontra ċ-ċittadini, anki meta proġett ma jkunx jagħmel sens, ikun kontra l-ġid komuni u jkun immexxi biss mir-regħba u l-kilba għall-flus.