You are currently viewing Malta-Sqallija: xebħ u differenzi

Malta-Sqallija: xebħ u differenzi

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

“Tant hu bnazzi llum li nisimgħu s-sriedak Maltin jiddnu.”

Hekk kien qalli li jgħidu n-nies ta’ Palazzolo Acreide l-istudjuż Antonino Uccello 50 sena ilu meta kont nagħmel xogħol volontarju edukattiv fi Sqallija.

Din il-belt ċkejkna ħdejn Sirakuża hi madwar 130 kilometru bogħod minn Malta.

Fl-aħħar qtajt ix-xewqa li nżurha biex nara dak li qalli Uccello fuq storja, leġġendi, qwiel u drawwiet popolari li jorbtu lil Palazzolo Acreide magħna l-Maltin fi 3000 sena ta’ storja.

San Pawl

Leġġenda tirrakkonta kif San Pawl mar hemm wara li kien Malta.

Illum il-Belt Valletta u Palazzolo Acreide huma tewmin li jorganizzaw il-festa ta’ San Pawl fi Frar u f’Ġunju.

Belt ċkejkna ta’ 8,000 ruħ li għadha tgħix mill-biedja u t-trobbija tal-bhejjem fuq għolja b’xeni mill-aqwa u mimlija wirt storiku u kulturali Grieg, Gharbi, bini u toroq medjevali, knejjes barokki u palazzi u pjazez.

Tiekol tajjeb u nies dħulin. Jagħrfuna li Maltin mill-aċċent kif nitkellmu t-Taljan.

Il-Maltin u l-Isqallin għandna 8,000 sena ta’ rabtiet bejnietna.

Ġejna minn hemm. Konna fi gwerer ma’ xulxin. Eremiti qaddisin, rifuġjati, ippersegwitati, kriminali u familji fittxew kenn u ħajja aħjar għand xulxin.

Xebħ u differenza

Influwenzawna fl-ilsien, ikel, festi, taħlit biż-żwieġ, arti sagra, kummerċ, arkitettura, politika u matul is-sekli ġew jgħixu hawn u aħna morna hemm.

Ir-rabtiet bejnietna ħajjin iżjed minn qatt qabel.

Nixxiebħu ħafna, bid-differenza kbira li aħna stat indipendenti u tajjeb u ħażin jiddependi minna x’nagħmlu bina nfusna.

Huma dipendenti minn Ruma. Iħossuhom minsijin u mwarrbin. Fost is-sbuħija tara faqar, telqa u dekadenza ġejjin minn ekonomija dgħajfa u xogħol għal nofs biss dawk li jistgħu jaħdmu u qgħad ta’ 40% taż-żgħażagħ.

Sqallija, l-akbar gżira fil-Mediterran b’popolazzjoni ta’ 5 miljun ruħ, aktar minn kemm għandhom nies disa’ mill-istati fl-Unjoni Ewropea, tista’ tkun ferm aħjar milli hi.

Il-ħelu qed jispiċċa …

‘Rajt kemm għandi żmien u sibt li jonqosni inqas minn kemm għext s’issa.

Inħossni bħal tifel b’pakkett ħelu: għall-ewwel ħa gost jikolhom imma xħin sab li fadallu biss ftit, qagħad iduqhom bil-mod.

M’għandix ħin x’naħli f’laqgħat ma jispiċċaw qatt fejn jiddiskutu l-istatuti, ir-regoli, il-proċeduri u r-regolamenti interni, u naf li mbagħad ma jsir xejn.

M’għandix iżjed paċenzja nissaporti persuni bla sens li, minkejja li għaddha ż-żmien minn fuqhom, għadhom ma kibrux.

Għandi ftit wisq ħin: irrid is-sustanza, mgħaġġel. Ma tantx fadalli ħelu iżjed fil-pakkett.

Irrid ngħix ma’ persuni, li huma realistiċi hafna li jafu jidħku bl-iżbalji tagħhom u mhumiex minfuħin bir-rebħiet tagħhom u kapaċi jieħdu responsabbilta’ għal dak li jagħmlu. Hekk inħarsu d-dinjita’ umana u nkunu nistgħu ngħixu sew u b’mod onest.

Huma l-affarijiet essenzjali li jagħmlu l-ħajja ta’ min jgħixha.

Irrid indawwar lili nnifsi b’nies li jafu jmissu l-qalb ta’ dawk li bid-daqqiet iebsa li qalgħu fil-ħajja tgħallmu jikbru b’ruħhom issir aktar ħelwa.

Iva mgħaġġel. Mgħaġġel biex ngħix l-intensita’ li l-maturita’ biss tista’ ġġib.

M’inix lest naħli d-deżerta li fadalli. Ċert li tajba ħafna, iżjed minn dik li kilt s’issa.

Irrid li xħin nasal fl-aħħar inkun sodisfatt u fil-paċi ma’ dawk li nħobb u mal-kuxjenza.

Għandna żewġ ħajjiet u t-tieni waħda tibda meta tinduna li għandek waħda biss.’

(Mill-versi ta’ Mario de Andrade, kittieb Brażiljan 1893 – 1945)

 €2,000 biljun fuq l-armamenti

‘Il-paċi hija iżjed diffiċli meta l-produzzjoni tal-armi, il-bejgħ u l-kummerċ tagħhom qed jiżdiedu u ħafna taxxi miġbura minn fuq in-nies qed jintefqu fuq l-armi flok fuq il-ħobż għal min hu bil-ġuħ.’ Huwa kkundanna ‘l-interessi u l-profitti ta’ dawk li jiġbdu l-ispag tal-pupi tal-gwerra. Dawn għandhom jinkixfu u għandna nitkellmu dwarhom u niktbu dwarhom għax ħafna nies ma jafux kemm mit-taxxi tagħhom qed jintefqu fuq l-armamenti u għandhom ikunu jafu.’

Dan kien il-messaġġ tal-Papa Franġisku fil-Jum tal-Milied fejn qal li għandna ngħidu ‘Iva’ għall-paċi u le għall-gwerra. ‘Kull gwerra hija telfa, mingħajr rebbieħ u bluha li ma tistax tiġi skużata b’xi mod. Huwa qal li għandna ngħidu le għall-industrija tal-armamenti għax id-dgħufija tagħna twassal biex nużawhom llum jew għada.’

Papa Franġisku għandu raġun: matul is-sena li għaddiet intefqu aktar minn €2,000 biljun fuq l-armamenti, l-aktar li qatt intefqu fl-aħħar 30 sena.

F’Jannar 1961 il-President Amerikan Dwight D Eisenhower kien wissa li l-kumpaniji tal-armamenti kienu qed jinfluwenzaw wisq id-deċiżjonijiet tal-gvern Amerikan. Minn dak iż-żmien ‘l hawn l-influwenza żdiedet ħafna iżjed.

Dawn il-kumpaniji jiffinanzjaw il-kampanji elettorali tal-politiċi u tal-partiti politiċi li huma favur nefqa militari dejjem ikbar. Huma jiffinanzjaw ukoll esperti tal-politika internazzjonali.

Hemm politiċi li huma fil-kumitati li jiddeċiedu dwar nefqa militari li għandhom ishma f’dawn il-kumpaniji tal-armamenti. Dawn l-ishma jogħlew fil-valur tagħhom f’kull gwerra li jkun hawn.

Aktar ma jkun hawn gwerer aktar imorru tajjeb dawn il-kumpaniji u min għandu ishma fihom.

Torċa 14 Jannar 2024