“Il-gżejjer Maltin għandhom jibqgħu newtrali għal dejjem.” Insibu dan il-kliem fit-Trattat ta’ Amiens li fost affarijiet oħra jsemmi li Malta għandha tmur lura għand l-Ordni tal-Kavalieri wara li Franċiżi ċedew u telqu fl-1800.
Dan it-trattat ġie ffirmat mill-Gran Brittanja u Franza fil-25 ta’ Marzu 1802 biex itemmu l-gwerra ta’ bejniethom.
Fit-trattat il-Gran Brittanja u Franza qablu li biex Malta tkun indipendenti minnhom it-tnejn, l-Ordni tal-Kavalieri, ma jkollhiex aktar Kavalieri ġejjin minn dawk iż-żewġ pajjiż.
Qablu wkoll li għall-ewwel darba, il-Maltin jistgħu jsiru kavalieri u mhemmx għalfejn ikunu ġejjin minn familja nobbli. Dawn il-kavalieri kellhom ikollhom il-berġa tagħhom u l-ispiża tagħha tagħha kellha titħallas mid-dwana u t-taxxi ta’ Malta. Il-kavalieri Maltin setgħu jilħqu f’kull ħatra tal-Ordni. Nofs il-postijiet fit-tmexxija ta’ Malta, inkluż il-qrati, kellhom jimtlew mill-Maltin.
Favur Malta indipendenti u newtrali
Il-forzi Brittaniċi kellhom iħallu l-gżejjer Maltin li t-tmexxija tagħhom kellha tmur lura għand l-Ordni tal-Kavalieri. Nofs is-suldati jħarsu lill-gżejjer kellhom ikunu Maltin. Il-Gran Mastru ma setax iċedi l-gżejjer lil xi pajjiż ieħor mingħajr l-appoġġ tal-Kunsill tal-Ordni.
L-Indipendenza tal-gżejjer Maltin kellha tgawdi l-protezzjoni tal-Gran Brittanja, Franza, l-Awstrija, ir-Russja, Spanja u l-Prussja.
L-Ordni tal-Kavalieri u l-gżejjer Maltin għandhom jibqgħu newtrali għal dejjem.
Gwerra flok paċi
Il-portijiet ta’ Malta għandhom ikunu miftuħa għall-pajjiżi kollha (ħlief għal dawk ta’ Barbarija sakemm jintlaħaq ftehim magħhom) u d-dazju mill-kummerċ li jgħaddi mill-portijiet iħallas għall-Berġa tal-Kavalieri Maltin.
It-Trattat ta’ Amiens ma ġabx il-paċi mistenni u sa Mejju 1803 Franza u l-Gran Brittanja reġu nfexxew fi gwerra kontra xulxin. Waħda mir-raġunijiet għal din il-gwerra kienet li l-Gran Brittanja ma telqitx minn Malta kif miftehem għax bdiet tifhem l-importanza strateġika tal-gżejjer Maltin għal min ried jikkontrolla l-baħar Mediterran.
Il-Gran Brittanja għamlitha ċara wkoll mal-Maltin li mhux se ttiehom sehem fit-tmexxija ta’ pajjiżhom jekk b’xi mod din it-tmexxija tkun kontra li Malta tkun bażi navali u militari tal-Imperu Brittaniku. Il-Gran Brittanja ma qablitx aktar ma’ dak li kienet ftehmet fit-Trattat ta’ Amiens: li l-gżejjer Maltin ikunu indipendenti u newtrali.
Lanqas tweġiba!
‘Min jorqod ma jaqbadx ħut.’
Ma rqadniex u għalhekk imxejna ‘l quddiem bħala poplu.
Bħala gżejjer żgħar għandna żvantaġġi kbar.
Kull opportunita’ li tiġina hemm bżonn nagħrbluha sew u jekk tkun ta’ ġid għall-poplu tagħna, għandna naħdmu fuqha.
Vizzju ikreh
Għalhekk ma jinftiehemx vizzju ikreh li daħal fostna.
Jitressqu inizjattivi u jsiru proposti lil diversi ministeri u entitajiet pubbliċi u mhux talli ma jiġux studjati, u dawk li mhux validi jiġu skartati, waqt li dawk tajbin jiġu żviluppati u attwati … iżda talli lanqas biss tingħata tweġiba.
Jgħaddu l-jiem u l-ġimgħat u x-xhur u ma tingħata ebda tweġiba u l-opportunitajiet tajbin jintilfu, waħda wara l-oħra.
Mhux għaqal. Mhix serjeta’. Għad inħallsu prezz.
Kieku mittna bil-ġuħ
Malta qatt ma rrifjutat qamħ. Kieku rrifjutajna l-qamħ, kieku mittna bil-ġuħ.
Kieku rqadna qatt ma qbadna ħut.
Kieku ta’ qabilna naqsu b’dan il-mod, kieku llum m’aħniex fost il-pajjiżi bl-ogħla livell ta’ għixien.
Kieku aħna Pantellerija u Lampedusa oħra taħt Sqallija flok stat sovran li jmexxi lilu nnifsu.
Inmorru ‘l quddiem meta ċ-ċokon indawruh f’vantaġġ għax nistgħu niddeċiedu u naġixxu iżjed malajr x’għandu jsir.
Żgur mhux bil-vizzju li lanqas tweġiba ma nagħtu.
It-Trattat ta’ Amiens baqa’ fuq il-karta

Torċa 8 Ġunju 2025