You are currently viewing Malta fl-imsaren tan-NATO

Malta fl-imsaren tan-NATO

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Mit-23 sal-25 ta’ Jannar ta’ din is-sena l-Brigadier Ġeneral Martin Remes, mill-Kwartieri Supremi tal-Alleati Ewropej (SHAPE) mexxa delegazzjoni tal-alleanza militari tan-NATO għal-laqgħat mal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-laqgħa f’Malta kienet dwar x’għandu jsir biex Malta u l-alleanza tan-NATO jsaħħu l-koperazzjon militari bejniethom.

Il-Forzi Armati ta’ Malta bħalissa għaddejjin biex iwettqu dak li ġie miftiehem f’dik il-laqgħa.

Iddiskutew fid-dettal il-passi li trid tieħu Malta biex issaħħaħ id-difiża tagħha u kif dawn il-bidliet jistgħu jsiru id f’id man-NATO.

Matul din il-laqgħa d-delegazzjoni miltari tan-NATO spjegat lill-Forzi Armati Maltin dak li jissejjaħ l-‘Operational Capabilities Concept Evaluation and Feedback (OCC E&F) li f’Diċembru li għadda l-gvern Malti qal lin-NATO li jrid jissieħeb f’dan il-programm.

Dan il-programm huwa dwar kif jistgħu jaħdmu b’aktar mod qawwi flimkien is-sħab tan-NATO f’operazzjonijiet immexxija min-NATO.

Fi Frar li għadda Malta u n-NATO qablu li jikkoperaw f’dak li jissejjaħ l-‘Individually Tailored Partnership Programme’ (ITPP) li n-NATO jqisu bħala bidu ta’ ħidma flimkien iżjed qrib minn qatt qabel.

F’Diċembru li għadda Malta daħlet f’dak li jissejjaħ il-‘Planning and Review Process’ (PARP) biex il-forzi armati Maltin jaħdmu b’mod iżjed effettiv mal-alleanza militari tan-NATO u meta trid tieħu sehem f’operazzjonijiet tan-NATO fil-Mediterran.

Ftit xhur ilu fl-ambaxxata Torka fil-Furjana kienet saret laqgħa tal-ambaxxaturi tal-pajjiżi tan-NATO f’Malta fejn iddiskutew u qablu dwar kif jappoġġjaw it-talba tal-gvern Malti li Malta tersaq dejjem iżjed qrib l-alleanza militari tan-NATO.

Flok niddiskutu bis-serjeta’ hux għaqli u hux ta’ ġid għalina l-passi li qed jittieħdu biex Malta taħdem iżjed id f’id man-NATO, nehdew niddiskutu t-teatrin ta’ xi ħadd jitfa’ l-bajd bi protesta favur in-newtralita’ f’attivita’ politika ndirizzata mill-Prim Ministru biex tfakkar l-45 sena mindu għalqet il-bażi militari u navali tar-Renju Unit f’pajjiżna.

In-newtralita’ għadha tgħodd

Fi żmien 24 siegħa meta Dom Mintoff rebaħ l-elezzjoni fl-1971 huwa keċċa minn Malta lill-Ammirall Gino Birindelli li kien il-kap tal-Flotta tan-NATO fil-Mediterran. Minn dak iż-żmien bdejna paġna ġdida li ma nkunux bażi tal-ebda alleanza militari fid-dinja biex minn hawn ma jiġux attakkati pajjiżi oħra.

Dis-sena n-NATO (North Atlantic Treaty Organization, alleanza militari ta’ 32 pajjiż mill-Amerika ta’ Fuq u l-Ewropa) jiċċelebra l-75 sena mit-twelid tiegħu.

Kien twaqqaf fl-4 ta’ April 1949 mill-Istati Uniti u l-Ewropa tal-Punent kontra l-Unjoni Sovjetika biex ma tkomplix tikber fil-kontinent Ewropew.

Fl-14 ta’ Mejju 1955 l-Unjoni Sovjetika u l-Ewropa tal-Lvant iffurmaw il-Patt ta’ Varsavja, alleanza militari kontra n-NATO.

Fl-1959 il-mexxej Laburista Dom Mintoff spjega l-viżjoni tiegħu ta’ Malta newtrali li ma tissieħeb fl-ebda alleanza militari.

In-newtralita’ għamilitilna l-ġid għax nistgħu nkunu l-ħbieb ta’ kull pajjiż bla ma nitqiesu ta’ theddida għal ħadd.

Wara iżjed minn 65 sena għaliex hawn min irid li ngħaġġlu kemm nifilħu biex inreġġgħu l-arloġġ lura?

37 sena ilu biddilna l-Kostituzzjoni fejn iddikjarajna li fir-rivalita’ bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika se nkunu newtrali:

“Malta hija stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-siġurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha billi jħaddan politika ta’ non-allineament u jirrofta li jipparteċipa f’kull alleanza militari. Dan l-istatus jimplika b’mod partikolari, illi:(a) l-ebda bażi militari barranija ma titħalla fuq territorju Malti …”

Bil-kliem għadu jingħad hekk. Bil-fatti qed isir bil-maqlub.

Biex nidħlu fil-periklu mhemmx għalfejn in-NATO jimlilna l-port b’vapuri tal-gwerra u l-ajruport b’ajruplani tal-gwerra u jibgħat xi suldati hu f’xi bażi militari.

Biżżejjed nikkoperaw miegħu biex inkunu parti mis-sistema loġistika tan-NATO fil-Mediterran biex inkunu parti mill-alleanza militari tan-NATO bla ma nidħlu formalment fin-NATO.

Meta ntemmet l-Unjoni Sovjetika u baqgħet biss l-Istati Uniti bħala superpotenza kien hawn min qal li d-dikjarazzjoni kostituzzjonali m’għadhiex tgħodd. 

Imma fl-aħħar seba’ snin erġajna bdejna ngħixu f’dinja ta’ rivalita’ bejn il-qawwiet kbar tal-Istati Uniti, il-Federazzjoni Russa u ċ-Ċina. In-newtralita’ kostituzzjonali tagħna żgur li qed terġa’ tagħmel sens.

Għaliex għandna nagħżlu li nkunu ma’ alleanza militari ta’ 32 stat (967 miljun ruħ) flok nibnu relazzjonijiet tajbin ma’ kemm nifilħu mill-193 stat (8 biljun ruħ) fid-dinja kollha?

In-newtralita’ tagħtina iżjed spazju fejn niċċaqalqu fl-interess tagħna flok nintrabtu ma’ naħa kontra oħra meta fl-interess tagħna li nkunu ħbieb ta’ kulħadd u ta’ theddida għal ħadd biex ħadd ma jarana bħala għadu u theddida.

Torċa 5 Mejju 2024