You are currently viewing Malta bla bażi tal-gwerra

Malta bla bażi tal-gwerra

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

Fil-ktieb ‘L’Italia e la questione maltese nel Mediterraneo della Guerra Fredda (1943-1972)’ Gaetano La Nave jirrakkonta l-istorja ta’ Malta wara t-Tieni Gwerra Dinjija u kif Malta kellha quddiemha toroq differenti x’taqbad. 

Il-Knisja Kattolika riedet tkompli tiddomina u żżomm lil Malta milli tintlaqat mill-bidliet soċjali li kienu qed isehhu fl-Ewropa u bl-għoti tal-indipendenza lill-kolonji. Il-PN ried li Malta tibqa’ fl-isfera ta’ nfluwenza tal-Punent billi tingħata ‘Dominion status fil-Commonwealth u eventwalment indipendenza nazzjonali imma tħalli lin-NATO juża lil Malta bħala bażi. Kemm il-Knisja kif ukoll il-PN kienu jbeżżgħu lill-votanti li l-Partit Laburista kien favur il-komuniżmu u l-Unjoni Sovjetika. Żgur li ma riedx dan il-Partit Laburista. Ried itejjeb il-ħajja tal-poplu-ħaddiem. Għalhekk kien ippropona l-għaqda mar-Renju Unit sakemm din kienet tfisser li l-livell tal-għixien tal-Maltin jogħla ħafna u jsir bħal dak tal-Ingliżi. L-għajta Laburista kienet: jew bħalkom jew mingħajrkom. Meta għalqulna t-triq biex insiru bħalhom, il-Partit Laburista ħareġ favur Malta indipendenti u newtrali u li ma nservux ta’ bażi militari għal xi allejanza jew pajjiż ieħor.

Ir-Renju Unit ried itawwal kemm jiflaħ l-użu ta’ Malta bħala parti mill-kuridur loġistiku vitali magħmul ukoll minn Ġibilta’, Ċipru. Il-Kanal tas-Swejz, il-Baħar l-Aħmar u l-Oċejan Indjan. Ir-Renju Unit ried li l-gżira li kienet għadha kemm saret indipendenti tkompli tkun ta’ ċentu għall-operazzjonijiet militari tan-NATO u jiżgura – flimkien mal-Istati Uniti – li Malta ma ssirx parti mill-isferi ta’ nfluwenza Sovjetika u Libjana. L-Italja riedet lil Malta ħabiba tagħha u li ma thedded bl-ebda mod is-sigurta’ tagħha.

L-istoriku Taljan La Nave jinseġ l-istorja tiegħu b’kif dawn l-interessi kollha kienu qed jolqtu lil Malta, jifli d-dettalji ta’ dak li kienet qed tagħmel kull parti bla jitlef il-perspettiva ġenerali tar-rejaltajiet lokali, reġjonali u globali. Il-ktieb tiegħu huwa kontribut siewi ħafna biex nifhmu aħjar minn xhiex kellhom jgħaddu l-istati ż-żgħar waqt il-Gwerra Bierda bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika. Jitfa’ dawl ġdid ukoll fuq ir-rejaltajiet Maltin, Taljani u tal-Mediterran wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Għandna ħafna x’nitgħallmu

Malta dak iż-żmien kellha popolazzjoni ta’ 315,000 jgħixu fuq xulxin fuq medda ta’ 316 kilomteru kwadru art. Il-Gvern Britanniku kien iqis li b’rata tat-twelid ogħla mir-rata tal-imwiet u kważi mingħajr riżorsi, il-gżejjer Maltin kienu jifilħu biss 250,000 ruħ. Dan għax l-aħjar postijiet f’Malta minbarra l-portijiet, it-tarzna u l-ajruportijiet kienu jintużaw biss għall-militar tar-Renju Unit u tan-NATO. Ma kien hemm l-ebda spazju għall-fabbriki, il-kummerċ u t-turiżmu. L-unika triq li tħallielu l-poplu Malti kien li jemigra u jfittex ħajja aħjar f’pajjiżi oħra. Wara l-1946, l-aktar fis-snin 60, aktar minn 140,000 ruħ ngħataw sussidju biex jemigraw l-aktar lejn l-Awstralja, ir-Renju Unit, il-Kanada u l-Istati Uniti.

Dak li jgħid La Nave jaqbel ħafna ma’ rapport li kienu għamlu l-ekonomisti Dudley Seers u Tom Balogh dak iż-żmien: Malta kienet timporta aktar milli tesporta. L-ekonomija kienet nixfet u mietet, l-għixien tal-poplu kien jiddeġendi biss min-nefqa militari tal-Imperu Britanniku. Il-Maltin ma kellhom ebda sehem fid-destin ekonomiku u politiku tagħhom.

La Nave jsemmi l-ħila speċjali u kbira ta’ Mintoff li jimmanuvra biex jagħmel kemm jiflaħ pressjoni fuq l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Italja u n-NATO billi jżommhom fl-għama dwar x’kien biħsiebu jagħmel mal-Unjoni Sovjetika u mal-Libja.

L-analiżi ta’ La Nave turi li mhux veru li l-istati kollha kienu f’gaġġa magħluqa f’idejn is-Superpotenzi u ma kellhomx fejn jiċċaqalqu biex iħarsu l-interessi nazzjonali tagħhom. Per eżempju, l-Italja u l-Vatikan għenu lil Mintoff jikseb ftehim aħjar b’iżjed flus mir-Renju Unit u min-NATO biex jiżguraw li Malta ssir newtrali iżda ma taqax fl-isferi ta’ nfluwenza tal-Unjoni Sovjetika u tal-Libja. La Nave juri kif Mintoff issorprendiehom billi beda jibni relazzjonijiet tajba maċ-Ċina.

Hemm ħafna x’nitgħallmu mill-ħila kbira tat-tmexxija ta’ Mintoff u kif kien jaqbeż għall-ġid tal-poplu Malti ma’ pajjiżi oħra, huma min huma. Jekk fis-snin li ġejjin irridu nieħdu ħsieb bis-serjeta’ l-ġid tal-poplu Malti għandna naraw li nfittxu l-interess nazzjonali tagħna u mhux sempliċiment nobdu lill-Punent li għadu jqisna fl-isfera ta’ nfluwenza tiegħu u m’għandux għalfejn jagħmel pressjoni fuqna biex nidħlu fin-NATO għax kuntent li naqduh anki jekk ma nkunux formalment fin-NATO.

Torca 31 Marzu 2024