Fl-1091 il-Konti Ruġġieru rebaħ lill-Għawdex u s-suldati tiegħu ssakkeġġjaw (ħatfu u qerdu) kulma sabu tal-Għawdxin.
Fl-1272 Għawdex spiċċa bla nies wara li ġie attakkat mill-forzi ta’ Swabja (fil-Lbiċ tal-Ġermanja) ta’ Federiku II meta l-gżejjer tagħna ġew aktar taħt il-kontroll tiegħu bejn l-1194 u l-1265.
Fl-1274 il-forzi ta’ Ġenova rebħu lill-Għawdex u l-gżira Għawdxija titlef ħafna mill-popolazzjoni tagħha.
Ġenova attakkat lill-gżejjer tagħna bi tpattija għax l-Anġovini li kienu jaħkmu lil dawn il-gżejjer għarrqulha żewġ xwieni tagħha barra l-Port il-Kbir.
Fl-1283 l-Ammirall Aragoniż Lauria rebaħ il-Kastell ta’ Għawdex u ħalla 100 suldat biex jikkontrollaw il-gżira.
Madwar is-sena 1301 ir-Re Ġakbu II ta’ Sqallija attakka lill-Għawdex bi tpattija talli tilef it-tron fl-1295. Is-suldati tiegħu ħatfu ħafna Għawdxin u ġarrewhom magħhom bħala lsiera.
Gwerer għall-poter u l-kummerċ
Stanley Fiorini jgħidilna li minbarra li l-gżejjer tagħna kienu fuq il-fruntiera fil-gwerra kontinwa bejn l-Ewropej Insara u l-Għarab Misilmin tal-Afrika ta’ Fuq, inqabdu wkoll fil-gwerer bejn il-qawwiet Ewropej Insara stess li kienu jikkompetu bejniethom għall-poter u kummerċ fil-Mediterran.
Matul iż-żmien insiġna l-istorja tagħna bħala li konna fin-nofs tal-ġlieda “qaddisa” bejn l-Insara u l-Misilmin, meta fil-fatt minħabba l-qagħda strateġika tal-gżejjer tagħna konna fil-qalba tal-gwerer bejn dawk li riedu jikkontrollaw il-Mediterran.
Bnejna memorja storika li fiha l-attakki kontrina dejjem saru mill-Misilmin Għarab/Torok Ottomani biex jaħkmuna u l-Insara Ewropej li kienu jaslu biex jeħilsuna bl-għajnuna tal-qaddisin.
Fl-istorja tagħna l-bnedmin s’issa nafu b’1,763 gwerra. 121 biss (inqas minn 7%) kellhom ir-reliġjon bħala l-kawża prinċipali.
Il-gwerer fil-Mediterran, aktar milli gwerer bejn reliġjonijiet differenti kienu gwerer bejn qawwiet militari u kummerċjali differenti.
Meta xi ħadd minnhom kien jirbaħ lil dawn il-gżejjer, ir-rival kien jara kif se jirbaħ lil dawn il-gżejjer minn għandu. Il-Maltin u l-Għawdxin kienu jinqabdu fin-nofs ta’ dawn il-gwerer, gwerer li ma kinux ikkaġunaw huma.
L-aktar li kienu jbatu kienu l-Għawdxin għax min kien jaħkem lil Malta kien jagħti ferm inqas importanza lill-Għawdex u l-Għawdxin kienu jitħallew bla fortifikazzjonijiet u mezzi biex jiddefendu lilhom infushom.
Magħqudin kontra “l-għadu”
L-istudjuż Carmel Cassar jgħidilna kif l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann użat il-ġrajjiet tal-Assedju l-Kbir tal-1565 biex tibni dehra sabiħa tagħha nnifisha permezz tal-erojiżmu tal-Kavallieri (il-Maltin ftit li xejn jissemmew) u l-aktar tal-Gran Mastru La Valette. L-għan kien li tikseb iżjed appoġġ mir-renji differenti tal-Ewropa biex tkompli issaħħaħ l-użu tal-pożizzjoni strateġika ta’ Malta favur l-Ewropa u kontra l-Ottomani u l-Għarab. Il-messaġġ kien li appoġġ għall-Ordni jfisser appoġġ għall-Ewropa, appoġġ għal Alla kontra l-Ottomani u kontra l-Iżlam anki jekk l-Iżlam u l-Kristjaneżmu, flimkien mal-Ġudajiżmu huma friegħi differenti tal-istess siġra li temmen fl-istess Alla. Il-ġlied għad-dominju militari u kummerċjali tal-Mediterran kien ippreżentat bħala gwerra qaddisa bejn it-tajjeb u l-ħażin fejn ir-rebħa tal-Assedju l-Kbir u t-twelid tal-Madonna li ħabtu fl-istess data bdew, seklu wara l-ieħor, aktar jintrabtu flimkien u jiġu ċċelebrati flimkien.
Mhux ta’ b’xejn li l-ewwel knisja li bnew il-Kavallieri fil-Belt il-ġdida kienet il-knisja tal-Madonna tal-Vitorja. Il-Gran Mastru La Valette ħallas għaliha hu u meta miet indifen fil-kripta tagħha qabel ma l-fdalijiet tiegħu ttieħdu l-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann meta nbena. Ir-reliġjon kienet intużat mill-Kavallieri biex il-poplu Malti ma jdurx kontra tagħhom meta kienu jaħqruhom. Riedu li l-poplu Malti jħoss u jemmen li l-Maltin u l-Kavallieri kellhom għadu wieħed: il-Mislem Ottoman u għandhom jinsew kull differenza bejniethom biex ikunu magħqudin kontra l-għadu.
Anki sa kważi 200 sena wara, fl-1750, fi djalogu bejn żewġ nisa, Agius de Soldanis jurina x’kienu riedu lill-Maltin u lill-Għawdxin jemmnu: “Ma nemminx li t-Torok ġejjin għalina. Istanbul hija ‘l bogħod wisq minn Malta. Is-Salib (L-Ordni tal-Kavallieri) ibeżżagħhom. Qatt ma rebħulna.”
Għaddew 459 sena mill-Assedju l-Kbir tal-1565. Kemm ħlisna tassew mill-preġudizzji kontra t-Torok, l-Għarab u l-Iżlam li ntagħaġnu fil-mentalita’ tagħna fl-aħħar 800 sena?
Mellieħa Settembru 2024