Fil-ktieb tiegħu ‘Kliem Malti Qadim’ (2006) Godfrey Wettinger jgħid: “meta niltaqa’ ma’ kelma Maltija nħoss li nfidt ħajt li s-soltu jifridni min-nies veri ta’ Malta” li kienu jitkellmu l-Malti, iħossu bil-Malti u jaħsbu bil-Malti. “Inħoss li fl-aħħar qed nasal nifhem lill-kotra Maltija …l-istorja li tinteressani m’hijiex dik tal-ħakkiema ta’ dawn il-gżejjer daqskemm tal-maħkum li kien jgħix fl-irħula ta’ Malta u Għawdex u fl-isqaqien tagħhom.”
Fl-artiklu tiegħu tal-1989 dwar il-ħajja ta’ kuljum f’Malta 500 sena ilu u iżjed (‘ASPECTS OF DAILYLIFE IN LATE-MEDIEVAL MALTA AND GOZO’) Wettinger li sa ftit snin ilu, ħafna mill-kotba dwar l-imgħoddi ta’ Malta kienu dwar dawk li kienu jmexxu lill-pajjiżna. Il-ħajja tal-poplu kienet tiġi njorata kważi għal kollox. Peress li mż’għandniex letteratura fil-Malti qabel ‘Il-Kantilena ta’ Pietru Caxaro tas-Seklu 15, il-poplu mżgġandux karattri lokali xi jfittex u xi jsib u jagħraf fis-sekli li għaddew.
Huwa jgħid li dawk li għandhom il-professjoni ta’ storiċi jagħmlu kif jafu biex jistudjaw il-passat b’mod xjentifiku u jiżviluppaw oqsma akkademiċi tal-“Istorja tar-Relazzjonijiet Internazzjonali”, “Storja Soċjali”, “Storja Ekonomika”, “L-Istorja tal-Ideat” u oħrajn, ma jidhirlix li hu sewwa li jinjoraw il-bżonn psikoloġiku tal-pubbliku, li jsir jaf, b’xi mod jew ieħor, kif għexu n-nies fis-snin li għaddew u kif irreaġixxew għad-dinja ta’ madwarhom, x’kien iħeġġiġhom fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom, kif kienu jgħixu l-ħajja taż’ kuljum.
Qawmien Settembru 1637
Kienu n-nies taż-Żejtun li f’Settembru 1637 qamu kontra t-taxxa ta’ 55,000 skud (aktar minn €239,250 tal-lum) li l-Ordni tal-Kavalier riedet timponi fuq il-poplu Malti li skont iċ-ċensiment tal-1632 kien ilaħħaq 51,750. L-Ordni ried dawk il-flus biex jibni iżjed swar.
Iż-Żejtun kien l-ewwel raħal fejn kellha tinġabar din it-taxxa. Il-poplu fqir irrabja li din it-taxxa kien se jkollu jħallasha kollha hu. L-irġiel Maltin tax-xogħol kienu diġà jintalbu jaħdmu erbat ijiem fis-sena b’xejn fuq il-bini tas-swar. Is-sinjuri ma kinux jaħdmu fil-bini tas-swar. Kif ma kinux jieħdu sehem fid-dejma biex iħarsu x-xtut Maltin. Bl-istess mod is-sinjuri ma saret ebda taxxa fuq il-ġid tagħhom biex jagħtu sehem biex jinġabru l-50,000 skud.
Il-piż kollu tat-taxxa kien waqa’ fuq il-bdiewa u l-ħaddiema li dak iż-żmien kienu jaqilgħu inqas minn 36 skud fis-sena. Minbarra li din it-taxxa ma laqtitx lis-sinjuri Maltin, ma laqtitx ukoll lill-Ordni stess li l-propjetà tiegħu u tal-Kavalieri ma saret ebda taxxa fuqu.
Anki l-kleru kontra
F’Mejju 1636 il-kleru Malti kien kiteb ittra lill-Papa f’Ruma jipprotestaw kontra d-deċiżjoni li kellhom iħallsu 5,000 skud mal-50,000 li kellu joħroġ il-poplu Malti għall-bini tas-swar. Fl-ittra tagħhom qalu li l-Ordni kien idaħħal 2,000,000 skud fis-sena mill-propjetà li kellu f’pajjiżi oħra imma għas-swar li b’kollox kienu se jiswew 91,000 skud kienu se joħorġu 36,000 skud biss. Minn dħul ta’ inqas minn 160,000 skud fis-sena, il-poplu Malti kien mistenni joħroġ 55,000 skud.
Il-kappillani, il-Kapitlu tal-Katidral u l-Isqof taw raġun lil dawk li riedu jipprotestaw kontra t-taxxa. Il-kleru qal li s-swar ma kienx hemm bżonnhom. Fl-Ordni stess kien hemm min qal li ma kienx hemm għalfejn isiru. Il-kleru qal ukoll li l-poplu Malti kien intaxxat iżżejjed u l-Ordni kellu biżżejjed flus biex jibni s-swar jekk irid. Il-kleru qal li jekk it-taxxa mhix se tinġabar b’mod ġust u l-piż imur fuq min jista’ jġorru, il-poplu mhu se joħroġ lanqas skud wieħed għall-bini tas-swar.
Il-kappillan jinkwieta bil-vjolenza
Imma l-Papa Urbanu VIII ma qabilx mal-protesta tal-kleru u l-poplu Malti. Kien favur il-proġett tas-swar tal-Ordni li għalih kien bagħat l-inġinier tiegħu Pietro Paolo Floriani. Anki l-Inkwiżitur Fabio Chigi kien favur il-proġett tal-Gran Mastru Lascaris.
Meta l-Gran Mastru bagħat lin-nies tiegħu biex jibdew jiġbru t-taxxa kien ċar li l-poplu kien se jipprotesta u ma jħallasx. Bdew iż-Żwieten li l-mexxejja tagħhom ftehmu li jiġbru l-poplu Malti l-Marsa u flimkien jimxu lejn il-Belt Valletta wara s-Salib jew statwa ta’ xi qaddis. Imma kien hemm min qal li messhom ukoll imorru armati.
Il-kappillan taż-Żejtun allarma ruħu li se jkun hemm il-vjolenza u nforma lill-Isqof bil-protesta li qed tithejja. L-Isqof bagħtu għand l-Inkwiżitur li min-naħa tiegħu bagħtu għand il-Gran Mastru. Il-mexxejja tal-protesta ġew arrestati. Iżda l-qassisin li kienu qed jieħdu sehem jorganizzawha ma ġewx arrestati, fuq talba tal-Inkwiżitur.
Dan it-tagħrif fuq ir-reżistenza tal-poplu Malti nsibuh fl-istudju interessanti ta’ Alison Hoppen ‘THE FORTIFICATION OF MALTA, 1530 – 1798: THE IMPACT ON THE MALTESE’.
Hoppen tgħidilna li għalkemm il-protesta sfaxxat, ir-reżistenza kontra t-taxxa baqgħet feroċi u ftit li xejn inġabru mill-50,000 skud li kellu jħallas il-poplu. Flok direttament it-taxxa nġabret minn fuq l-affarijiet tal-ikel.
Torċa 7 Settembru 2025