You are currently viewing L-isfidi tan-nuqqas ta’ ilma

L-isfidi tan-nuqqas ta’ ilma

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

Sakemm fil-Mellieħa twassal l-ilma tajjeb għax-xorb f’kanen tal-ħadid min-nixxiegħa ta’ Binġemma fit-2 ta’ Ġunju 1912, l-ilma meħtieġ għat-3,500 persuna li kienu jgħixu fir-raħal kien jinġieb mill-Għajn tal-Mellieħa li nsibu fin-niżla mill-Mellieħa għall-Għadira. L-ilma tal-għajn kien iservi għal kollox: biex jixorbu, biex jaħslu, biex isaqqu l-għelieqi, biex jisqu lill-bhejjem li jrabbu.

Kienu jbatu ħafna biex joqogħdu niżlin u telgħin iġibu l-ilma mill-għajn jew biex jaħslu l-ħwejjeġ fil-ħwat tal-għajn.

Tant il-gżejjer tagħna kienu jintużaw għall-skopijiet militari mill-Imperu Britanniku, li anki biex jingħata permess jgħaddu l-kanen tal-ilma minn Binġemma għal Għajn Tuffieħa u għall-Mellieħa li kellhom japplikaw għand id-Dipartiment tal-Gwerra għax ħafna mill-artijiet fil-gżejjer tagħna kienu meħuda mill-miltar u ma seta’ jsir ebda żvilupp fuqhom jekk ifixkel b’xi mod l-użu militari tagħhom.

L-Għajn tal-Mellieħa kien ilu s-snin ma jlaħħaqx mal-bżonnijiet tar-raħal li kien qed jikber. Fil-ktieb tiegħu dwar it-‘Talbiet lill-Kuruna Ingliża 1824 – 1889) Jimmy Muscat jirrakkonta dwar petizzjonijiet imressqa minn Melleħin dwar l-użu ta’ ilma tal-Għajn. Fit-30 ta’ Lulju 1896 Michele Vella talab li jnaqqsulu l-ħlas ta’ 3 liri sterlini fis-sena biex ikun jista’ jieħu l-ilma li jiskula jew ifawwar mill-Għajn. L-ilma kien qed jonqos għax kien qed jittieħed mill-mitħna tal-istim li fetħet il-Mellieħa biex titħan il-qamħ għall-Melleħin.

Fl-istess żmien kien qed jittieħed l-ilma għall-bini tal-Knisja Parrokkjali.

Sa 18-il sena qabel jidher li kien għad hemm ilma biżżejjed imma xorta l-awtoritajiet kienu qed jinkwetaw li aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-Għajn mhux se tibqa’ tlaħħaq mal-bżonnijiet tal-Mellieħa. Fit-12 ta’ Jannar 1878 Giuseppe Vella talab li jixtri l-ilma żejjed li kien qed ifur mill-Għajn tal-Mellieħa. Kien irrakkmandat li talba bħal din ma tintlaqax għax se ddaħħal lill-awtoritajiet f’inkwiet meta jsiru talbiet simili li jħarbtu dawk li s’issa kienu jgawdu mill-ilma tal-Għajn.

Id-diffikultajiet tal-Melleħin biex ikollhom biżżejjed ilma kienu bħal dawk minn meta ġew l-ewwel nies fuq dawn il-gżejjer xi 8,000 sena ilu.

In-nuqqas ta’ ilma minħabba n-nuqqas ta’ xita kien fost l-isfidi kbar għall-għixien f’dawn il-gżejjer.

Biex ikunu jistgħu jgħixu hawn is-sena kollha n-nies ta’ dawn il-gżejjer kellhom bżonn isibu kif jiġbru u jaħżnu l-ilma għaż-żmien tas-sena meta ma kinetx tagħmel xita u għal meta n-nixxiegħat ta’ ilma ġieri ma kinux biżżejjed għall-bżonnijiet tagħhom.

Aktarx li ħdejn it-tempji tal-Imnajdra nsibu l-ewwel bjar mħaffrin fil-blat f’dawn il-gżejjer.

Li hu żgur hu li ħafna mill-kliem tagħna dwar l-ilma u l-użu tiegħu ġej minn meta madwar elf sena ilu fil-gżejjer tagħna reġgħu bdew jgħixu ħafna iżjed nies li waslu l-aktar minn Sqallija u numru inqas mit-Tuneżija. Il-kelma ‘ilma’ stess ġejja mill-Għarbi: ‘ma’ u aħna għamilnielha l-artiklu ‘il-’.

Kienu jitkellmu bl-Għarbi tal-inħawi. Il-Malti twieled minn dan l-Għarbi u żviluppa f’li hu llum bl-istorja tagħna u man-nies li ġejna f’kuntatt magħhom u l-ilsna tagħhom.

Dawn in-nies kienu ġejjin minn artijiet b’nuqqas ta’ xita u nixfa u kienu tgħallmu kif jiġbru u jaħżnu l-ilma.

Huma mitqiesa li ġabu fil-gżejjer tagħna, il-ħitan tas-sejjieħ biex ma jitilfux ħamrija mill-għelieqi u biex itarrġu l-għelieqi mal-ġnub tal-widien biex jużaw kemm jistgħu art biex ikabbru l-ikel.

Huma ġabu s-siġar, il-frott u l-ħxejjex li l-inqas riedu ilma biex jikbru: il-ħarrub, iż-żebbuġ, il-larinġ, it-tin u l-qoton. Iż-żebbuġ kien hawn diġa’ imma firxu t-tkabbir tagħhom.

Aktarx li f’dak iż-żmien kien hawn xi 20,000 jgħixu hawn. Minbarra l-Imdina, in-nies kienu jgħixu fi rħula żgħar qrib fejn kellhom xi ilma.

L-istoriku Godfrey Wettinger jgħidilna li dak iż-żmien kellna mill-inqas 137 post li fl-isem kellu l-kelma ‘bir’. Postijiet oħra kellhom il-kelma ‘għajn’ li tfisser nixxiegħa ta’ ilma.

Huwa ġabar lista sħiħa ta’ kliem li għandu x’jaqsam mal-ilma u l-użu tiegħu: saqqaj – post mnejn issaqqi; fawwara – post mnejn joħroġ ħafna ilma; għadira – ilma qiegħed; ħawt – kanal mnejn jgħaddi l-ilma; marsa – port; spiera – toqba biex ittella’ l-ilma .. hemm ħafna kliem ieħor marbut mal-ilma … kollu ġej mill-Għarbi.

Mellieħa Ottubru 2024