30 sena qabel l-irvell tas-Sette Giugno 1919 inqala’ inkwiet serju fil-Kottonera bejn it-truppi Brittaniċi stazzjonati f’Forti Rikażli u n-nies tal-Kottonera. Bejn Marzu u Mejju tal-1889 kien hemm ġlied fil-Kottonera li ftit li xejn nitkellmu dwaru. Dak iż-żmien skont iċ-ċensiment tal-1881 kien hemm iżjed minn kwart tal-popolazzjoni ta’ Malta tgħix fil-Kottonera. F’Bormla kienu jgħixu 11,186, fl-Isla 7,356 u fil-Birgu 6,160. B’kollox 24,701 minn popolazzjoni ta’ 90,557.
Ir-Riġment tar-Royal Berkshire kien fih 857 suldat. Għamel seba’ xhur u nofs fil-Forti Rikażli, erba’ xhur u nofs fil-Forti Sant Iermu u kellu xi stakkamenti fil-kamp ta’ Pembroke. Dak iż-żmien stazzjonati f’Malta kien hawn 6,516 suldati Brittaniċi.
L-inkwiet beda wara li ġie maqtul suldat tar-Riġment Berkshire fit-22 ta’ Marzu 1889. Ried li l-barklori jiħduh fuq id-dgħajsa tagħhom mix-Xatt tal-Belt għall-Forti Rikażli fejn kien stazzjonat.
Ma qablux fuq il-prezz għax ra li riedu jżommulu wisq, Spiċċaw qatluh.
Fid-dokumenti uffiċċjali militari naqraw li “s-suldat John Andrews għereq wara li kelli xi jgħid ma’ barklor li kien qasam bih il-Port il-Kbir u ħadu Forti Rikażli. Wara, inqala’ ġlied bejn is-suldati tal-forti u r-residenti tal-lokal.”
Skont l-istess dokumenti naqraw li għas-sena 1889 kien hemm suldat ta’ dan ir-riġment li miet għax bi żball xorob aċtu wżat għall-ħasil tal-ħwejjeġ. Tnejn oħra mietu mgħarrqa. Kien hemm suwiċidju wara suldat qata’ griżmejh u qabeż minn fuq is-sur. Ieħor tfarkitlu l-iskutella ta’ rasu wara li splodiet bomba. Suldat eħor żvina wara li tfixkel f’ħabel ta’ tinda u kisser il-flixkun li kellu fil-but u qata arterja prinċipali.
Skont l-istoriċi lokali Michael Cassar u Anton Quintano l-barklori ġew arrestati u mressqa l-qorti akkużati bil-qtil tas-suldat.
Imma s-suldati Brittaniċi ma kinux sodisfatti li ttieħdu passi kontra l-barklori. Ħarġu fit-toroq tal-Kottonera u bdew ikissru u jagħmlu ħsarat fil-bini tar-residenti.
In-nies tal-Kottonera rvellaw għal din il-vjolenza kontra tagħhom. Inqalgħu inċidenti serji ħafna f’Marzu u f’April. Weġġgħu n-nies u żewġ suldati ġew maqtula. Id-dokumenti militari uffiċċjali ma jsemmux dawn l-imwiet.
Biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni, l-awtoritajiet ordnaw lis-suldati biex jingħalqu fil-barracks tagħhom u ma jersqux lejn il-Kottonera.
Attitudni kolonjali arroganti
Biex ma jerġax jinqala’ l-inkwiet bejn is-suldati Brittaniċi u r-residenti tal-Kottonera, is-suldati tal-inħawi ntbagħtu f’barracks f’postijiet oħra f’Malta u ġabu suldati oħra minflokhom.
L-irvellijiet fil-Kottonera fl-1889 kienu fost l-aktar inkwiet serju fir-relazzjonijiet bejn is-suldati Brittaniċi stazzjonati Malta u l-Maltin.
Bħal fil-kolonji kollha, dawn is-suldati kellhom ħafna arja u sens ta’ superjorità lejn in-nies tal-post u kienu jqisu lill-Maltin inferjuri għalihom.
Ġraw ħafna episodji tul il-ħakma imperjali Brittanika f’Malta li juru t-tensjoni li kienet teżisti bejn it-tnejn u li kienet tesplodi b’mod vjolenti fil-miftuħ kultant.
Imġiba ħażina mis-suldati
Ġieli suldati Brittaniċi protestanti kienu jiżżuffjettaw bil-purċissjonijiet lokali Kattoliċi u jippruvaw iħarbtuhom milli jgħaddu minn nofshom rekbin fuq xi żiemel.
Naqraw li fizzjali Britanniċi li kienu jmorru t-Teatru Manoel kien jitkessħu bl-imġiba tagħhom u joqogħdu kif iridu u b’saqajhom imtellgħin fejn iridu u ma kinux jagħtu kas il-kummenti tal-Maltin biex iġibu ruħhom sew.
Ġie li l-awtoritajiet kellhom jagħlqu t-Teatru Manoel biex jevitaw l-inkwiet.
Kien ukoll jinqala’ ġlied għax is-suldati Britanniċi kien jispiċċaw fis-sakra wara li jmorru fil-ħwienet tax-xorb (‘grug shops’) f’ċerti nħawi ta’ Malta qrib il-barracks tas-suldati.
Il-ġirien kienu jilmentaw mill-imġieba ħażina tas-suldati u l-awtoritajiet kienu jordnaw lis-suldati jingħalqu fil-barracks u ma jersqux lejn il-ħwienet tax-xorb fl-irħula u bliet maġenbhom.
Torċa 1 Ġunju 2025