You are currently viewing  L-irġiel vojta

 L-irġiel vojta

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:15 mins read

I

Aħna l-irġiel vojta

aħna l-irġiel mimlija

inmilu ma’ xulxin

L-elmu mimli tiben. Jaħasra!

l-ilħna nixfin tagħna, meta

nitkellmu ma’ xulxin

minn taħt l-ilsien

huma kwieti u bla sens

bħar-riħ fil-ħaxix niexef

jew saqajn ġurdien fuq ħġieġ imkisser

fil-kantina niexfa tagħna

Għamla mingħajr forma, dell mingħajr kulur.

Forza paralizzata, ġest mingħajr ċaqliq:

Dawk li qasmu

b’għajnejhom dritti,

lejn is-Saltna l-oħra tal-mewt

jiftakruna – jekk jiftakruna – mhux 

bħala rwieħ vjolenti

mitlufa, imma biss

bħala rġiel vojta.

L-irġiel mimlijin.

II

Għajnejn li ma nissugrax niltaqa’ magħhom fil-ħolm

fis-saltna tal-mewt tal-ħolm

Dawn ma jidhrux hemm:

Hemm, l-għajnejn huma

dawl tax-xemx fuq kolonna miksura

Hemm, hemm siġra titbandal

u ilħna li

huma fir-riħ ikantaw

Aktar ‘il bogħod u aktar solenni

minn kewkba li qed tgħib.

Ħalluni ma nkunx eqreb

fis-saltna tal-mewt tal-ħolm

Ħalluni nilbes

apposta ħwejjeġ sabiex ma ningħarafx

kowt ta’ ġurdien, ġilda ta’ ċawla, għesieleġ imsallbin

ġo għalqa

Jagħmlu bħalma jagħmel ir-riħ

Mhux eqreb –

Mhix l-aħħar laqgħa

fis-saltna ta’ l-għabex.

III

Din hija l-art mejta

din hija l-art tal-kaktus

Hawn ix-xbihat tal-ġebel

weqfin, hawnhekk  jirċievu

it-talba bil-ħniena ta’ id ta’ raġel mejjet

taħt it-tpetpit ta’ kewkba li qed tgħib.

Hekk hi

fis-saltna l-oħra tal-mewt

nistenbħu waħedna

fis-siegħa meta nkunu

nirtogħdu b’tenerezza

xofftejna lesti jbusu

Jiffurmaw talba għal ġebel imkisser.

IV

L-għajnejn mhumiex hawnhekka

hawn m’hawnx għajnejn

F’dan il-wied ta’ kwiekeb qed imutu

f’dan il-wied fieragħ

Dax-xedaq imkisser tas-saltniet mitlufa tagħna.

F’dan l-aħħar post fejn se niltaqgħu

infittxu lil xulxin b’idejna

u ma nitkellmux

miġbura fuq xatt  din ix-xmara li qed tfur.

Ma narawx, jekk

l-għajnejn ma jerġgħux jidhru

bħall-kewkba ta’ dejjem

warda mimlija petali

tas-saltna ta’ għabex il-mewt

it-tama biss

ta’ rġiel battala.

V

Ħa nduru dawra durella mal-bajtra tax-xewk

mal-bajtra tax-xewk, mal-bajtra tax-xewk

Ħa nduru dawra durella mal-bajtra tax-xewk

Fil-ħamsa ta’ fil-għodu.

Bejn l-idea

u r-realtà

bejn iċ-ċaqliq

u l-att

jaqa’ d-dell

                                 Għax Tiegħek hija s-Saltna

Bejn it-tnissil

u l-ħolqien

Bejn l-emozzjoni

u r-reazzjoni

jaqa’ d-dell

                                Il-ħajja hija twila ħafna

Bejn ix-xewqa

u l-ispażmu

Bejn il-qawwa

u l-eżistenza

bejn l-essenza

u l-inżul

jaqa’ d-dell

                                 Għax Tiegħek hija  s-Saltna

Għax tiegħek hija

Il-ħajja

Għax tiegħek hija s-

Hekk id-dinja tintemm

Hekk id-dinja tintemm

Hekk id-dinja tintemm

mhux bi tfaqqiegħa,

‘mma bi tnewwiħa.

Niġġerrew f’deżert niexef

Thomas Stearns Eliot (1888-1965) kiteb ‘L-Irġiel Vojta’fl-1925 dwar kif kien qed iħossu vojt minn ġewwa f’soċjeta’ timla’ n-nies bit-tiben materjali hi u tibni lilha nnifisha mill-ħerba u l-qtil tal-Ewwel Gwerra Dinjija. 

Eliot studja l-letteratura, il-filosofija, ir-reliġjonijiet, il-psikoloġija fi tfittxija għall-ħajja bis-sens, tfittxija diffiċli magħmula iżjed diffiċli mill-kunflitti miegħu nnifsu, mal-familja tiegħu, żwieġ fallut u l-mewt ta’ ħabib tal-qalb fl-Ewwel Gwerra Dinjija.
Kellu kriżi psikoloġika persunali marbuta wkoll ma’ kollass taċ-ċivilta’ Ewropea li wasslet għall-gwerra u kriżi eżistenzjali ta’ dinja f’kunflitt magħha nnifisha. 

Fl-Ingilterra tas-snin 20 fejn Eliot kien qed jgħix, ħafna riedu jimlew il-vojt f’ħajjithom u jinsew il-waħx tal-gwerra bil-moda, bil-kumditajiet, bid-divertiment u bil-ġid materjali qalb faqar spiritwali u bahh fil-ħajja. 

Eliot kien qed ifittex sens fil-ħajja fejn iċ-ċertezzi tradizzjonali m’għadhomx jiswew imma s-sejbiet il-ġodda ġejjin mix-xjenza fejn il-ħajja sopranaturali ma teżistix ukoll iħallu vojt kbir. Il-ħajja saret mimlija mistoqsijiet, dubji u problemi bla soluzzjoni, qisha mimlija mard bla kura u bla tama għall-fejqan.

Ħames partijiet
Fl-ewwel parti niltaqgħu ma’ grupp ta’ rġiel li huma battala, bla sustanza u bla ruħ. Huma vojta u mimlija f’salt. Imħassra spiritwalment u mimlija biss bit-tiben bla sens.

Fit-tieni parti l-irġiel vojta jaraw ir-rovini li fadal minn qabel. Ħarsithom taqa’ fuq il-kolonna miksura ta’ saltna li mietet.

Fit-tielet parti naraw li d-dinja tal-irġiel vojta hija mejta. Fis-saltna l-ġdida fejn iridu jaslu se jsibu li tirrenja wkoll il-mewt?

Fir-raba parti naraw li l-irġiel vojta jinsabu f’wied niexef fejn qabel kien hemm saltna tal-għaġeb. 

Il-ħames parti hija mibnija fuq kliem li jkantaw it-tfal. Imma l-irġiel vojta jduru dawra durella ma’ bajtra tax-xewk għax f’din l-art niexfa kaktus biss jikber. Ma jirxuxtawx ma’ Kristu fil-ħamsa ta’ filgħodu.

Eliot kiteb din il-poeżija waqt il-vjaġġ spiritwali tiegħu fejn l-ateiżmu ma kienx għadu jissodisfah għax ħass li ħallih vojt. Fl-aħħar tal-poeżija jsemmi t-talb u l-Bibbja imma għadu ma jistax jaqsam ix-xmara biex jasal ħdejhom.

L-irġiel vojta jinsabu f’soċjeta’ battala li wriet kemm tħassret bil-ħerba ta’ pajjiżi sħaħ u l-qtil ta’ miljuni ta’ nies bil-gwerra brutali ta’ ftit snin qabel. X’serviet iċ-ċivilta’ Ewropea meta pajjiżi Ewropej daru kontra xulxin u qatlu u qerdu kemm felħu? X’valuri għandha ċ-ċivilta’ Ewropea meta ħaqret in-nies tal-kolonji u serqitilhom il-ġid ta’ artijiethom?

Is-sinsla u s-salib

L-irġiel vojta huma bħal dawk li jitkellem dwarhom l-Apokalissi (3:15-16): Jiena naf l-opri tiegħek, u naf li la inti kiesaħ u lanqas sħun. Mhux li kont jew kiesaħ jew sħun!  U hekk, ladarba inti biered, u la sħun u lanqas kiesaħ, jiena sa nobżqok minn ġo ħalqi.” 

Eliot isemmi l-għajnejn: l-għajnejn li ma jeżistux jew l-għajnejn li jibżgħu jħarsu dritt u allura ma jaslux fis-saltna l-ġdida tal-ħajja. Eliot juża’ wkoll is-simbolu tal-kwiekeb li suppost iġibu t-tama għax juru t-triq. Il-kwiekeb ta’ l-irġiel vojta qed jgħibu u mhux ifiġġu oħrajn ġodda.

L-isplużjoni fl-aħħar tal-poeżija hija dwar Guy Fawkes u sħabu li riedu jisplodu l-Parlament Ingliż biex iwaqqfu l-persekuzzjoni kbira kontra l-Kattoliċi. Flok splużjoni li ttemm ħajjet ħaddieħor tispiċċa b’bikja tal-mewt.  Tkun għext ħajja u mewt vojta.
Eliot kien ispirat mir-rumanz ‘Il-qalb tad-dlam’ ta’ Joseph Conrad dwar il-kolonjaliżmu li jaħqar tant nies, iqishom inferjuri u jaħtaf il-ġid ta’ arthom. Il-kolonjalisti wkoll huma irġiel vojta u tat-tiben.
Il-valuri diffiċli ta’ imħabba, solidarjeta’, maħfra, li ma twarrabx persuni għax midinbin, barranin u differenti minnek, li tgħix bħala parti mill-familja sħiħa ta’ bnedmin daqsek (dak kollu li għex Kristu meta kien fid-dinja) Eliot beda iżjed jistaqsi jekk dawn humiex it-tweġibiet li kien qed ifittex. Imma tweġibiet li trid tgħixhom fid-diffikultajiet u t-tbatijiet tal-ħajja, mhux bħala pilloli biex ma tħossx l-uġigħ waqt li ma jfejqukx.
L-għesieleġ imsallbin huma s-sinsla tal-irġiel tat-tiben u s-salib ta’ Kristu biex juri d-differenza bejn l-irġiel vojta u tat-tiben, paralizzati biex jieħdu azzjoni biex isalvaw u Kristu li ħa azzjoni bil-ħajja u l-mewt tiegħu biex il-bnedmin jifhmu u jgħixu l-valuri diffiċli tiegħu biex isibu milja fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Leħen Mejju 2024