You are currently viewing L-għoġol tad-deheb fl-art imwiegħda

L-għoġol tad-deheb fl-art imwiegħda

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:8 mins read

Fil-ktieb tiegħu ‘25 sena fil-parlament Malti’ l-avukat Carm Mifsud Bonnici ma jħaġġarx lill-midinbin. Ma jaqbadx il-frosta għal dawk li t-tempju tad-demokrazija għamluh għar tal-ħallelin. In-nuqqasijiet umani jitkellem dwarhom b’dispjaċir, mhux b’rabja. Anki meta jikkritika, mhux negattiv, mhux ċiniku, jibqa’ joffri tama. Għandu umanita’ kbira. Jemmen li jekk iċċekken lill-ħaddieħor iċċekken lilek innifsek. 

Tipika ta’ ġentlom umli bħal Carm Mifsud Bonnici, fakkar il-25 sena tiegħu fil-parlament billi ħareġ ktieb fejn isellem lill-64 deputat miż-żewġ naħat li mietu kemm ilu fil-parlament: “… tul dawn l-aħħar snin ħassejt dejjem iktar li diversi deputati li servew b’dedikazzjoni għal snin twal jew qosra fiż-żewġ partiti prinċipali kif jieqfu jintnesew kważi mill-ewwel. Dak li wettqu u dak li tant ħadmu għalih ħafna drabi ma jingħatawx il-krettu li ħaqqhom għalih. Anzi, kif sfortunatament naraw, jispiċċaw jiġu attakkati.”

Jikteb dwar deputati sħabu li fihom ammira l-valuri li ħaddmu għall-ġid, valuri li jħaddem hu stess (din qed ngħidha jien, mhux qed jgħidha hu): l-irġulija, l-onesta’, ġenerożita’ mal-imwarrba, l-imħabba għall-pajjiż, li l-votanti tistmahom ta’ nies mhux ta’ voti li trid taqbad bix-xibka tal-pubbliċita’. Jammira l-politiku li jibqa’ jitgħallem u jaħseb u jipprepara proposti għal titjib fil-pajjiż; ta’ kuxjenza; “korrett ma’ sħabu fid-distrett”; li jgħid affarijiet anki mhux popolari u mhux pappagall partiġġjan. Jammira politiċi serji li kapaċi jiċċajtaw; jaħdmu għall-governanza tajba, ħolqien u tqassim tal-ġid; li huma baħrin tal-maltemp fil-ħajja politika u fil-ħajja persunali, kif jiffaċċjaw il-mard. Kif kapaċi jirrispettaw lill-avversarji u jiddjalogaw magħhom għall-ġid tal-pajjiż fl-aktar kriżijiet diffiċli bħal dik tal-elezzjoni 1981.

Jgħid dwar il-politiċi: “Il-maġġorparti ma stagħnewx imma żarmaw dak li kellhom.” Il-politiċi jiżbaljaw “fl-isforzi ġenwini” tagħhom. Imma “Min ma żbaljax ma ppruvax.”

Jekk il-politiċi tal-lum ma jitgħallmux mill-iżbalji ta’ dawk li ġew qabilhom huma kkundannati li jirrepetu l-istess żbalji. Jemmen li l-politiku jista’ jagħmel ħafna ġid meta ma jkunx “ … għodda … f’idejn oħrajn li jinsabu wara l-kwinti li jiddettawlu x’għandu jwettaq fl-interess esklussiv tagħhom.”

Naqbel. Din waħda mir-raġunijiet l-għala qed tikber l-isfiduċja fil-politiċi f’pajjiżna u f’pajjiżi oħra. Il-politiċi qed ikunu wisq ma’ dawk li huma b’saħħithom. L-ekonomista Adam Smith li kien favur hafna l-holqien tal-ġid wissa’: “dawk b’sahhithom jilghabu bis-sistema politika u ekonomika kontra l-bqija tas-socjeta’.”

Meta jiġri hekk, iwissina Karl Marx fil-Manifest Komunista, “l-istat isir kumitat li jieħu ħsieb jaqdi biss l-interessi tal-borgeżija sħiħa.” George Bernard Shaw jgħidilna li meta l-professjonijiet jintużaw biex jakkwistaw prestiġju, poter u flus isiru komplott kontra n-nies l-oħra fis-soċjeta’.

F’soċjeta’ ċkejkna bħal tagħna r-rabtiet persunali, magħrufa u moħbija, faċli jkunu b’saħħithom iżjed minn dawk istituzzjonali fejn suppost li r-regolamenti u liġijiet huma l-istess u ndaqs għal kulħadd. Is-saħħa tan-nies  ta’ “wara l-kwinti” hija qawwija għax m’għandniex finanzjament pubbliku tal-partiti u mhemmx infurzar serju dwar finanzjament tal-kandidati elettorali.

Bir-raġun Carm Mifsud Bonnici josserva li m’aħniex niffurmaw il-valuri u l-ħiliet ta’ dawk li huma jew iridu jidħlu fil-politika. X’ġara dwar it-taxxi ġodda fuq il-ġarr tal-merkanzija bl-art u bil-baħar għandu jiftħilna għajnejna biex nitgħallmu naħdmu aħjar: Gvern, Dar Malta fi Brussel, Membri Parlamentari Ewropew, il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament Malti, l-għaqdiet tan-negozju u l-unions biex nieħdu sehem sħiħ f’kif jintagħġnu l-liġijiet fl-Unjoni Ewropea biex naraw li jkunu ta’ ġid u mhux ta’ ħsara għalina. 

Iċ-ċittadini xi jridu?

Għal Carm Mifsud Bonnici l-ħajja hi iżjed mill-interessi persunali tagħna, iżjed mill-Prodott Gross Domestiku u minn kemm għandna ġid materjali u flus il-bank. Bejn il-politika ta’ Mose’ li jmexxi lill-poplu tiegħu lejn l-art imwegħda, anki jekk mhix se tkun tnixxi l-għasel u l-ħalib, u l-politika ta’ Arun li jagħti lill-poplu l-għoġol tad-deheb biex jiżfnu u jiskru bla ebda kmandamenti jgħixu bil-ġurnata fejn jaħsbu li għada ma jasalx u jistgħu jibqgħu jikkunsmaw u jipproduċu fi gwerra kontra n-natura … Carm Mifsud Bonnici jagħżel il-politika ta’ Mose’.

L-art imwegħda fil-politika mhix destinazzjoni ta’ pajjiż perfett, imma vjaġġ kontinwu ta’ tfittxija, ta’ ħruġ mill-jasar. Fl-aħħar 60 sena mindu bejna nmexxuh aħna stess tejjibna ħafna l-ħajja f’dawn il-gżejjer, mertu wkoll – imma mhux biss – tal-politiċi biex imxejna ‘l quddiem u għandna l-ogħla livell tal-għixien fil-Mediterran. 

Għandna sfidi kbar li jekk ma nindirizzawhomx tajjeb inmorru lura u nitilfu dak li ksibna. F’dinja li qed tkompli tinbidel irridu naddattaw lilna nfusna biex naqilgħu l-għixien tagħna. Il-forzi politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali tagħna jridu jaħdmu flimkien biex infasslu viżjoni realistika għat-tieni kwart tas-seklu 21. Irridu nsibu l-kuraġġ inġeddu u ntejbu l-kostituzzjoni u l-governanza. Dan kollu jitlob politiċi serji, intelliġenti li jafu mnejn ġejjin bħala poplu u jirriflettu dwar fejn irridu nmorru u kif. Imma ċ-ċittadini jridu jagħmlu l-parti tagħhom u jagħrfu jappoġġaw politiċi serji u żvilupp uman serju. Lesti l-maġġoranza taċ-ċittadini jappoġġaw is-serjeta’ jew iridu l-għoġol tad-deheb?

Irridu norbtu flimkien żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali fejn waqt li ma nkomplux nifgaw pajjiżna bil-bini, nibnu soċjeta’ miftuħa u inklussiva li tkun dar komuni li tilqa’ fiha lilna u lin-nies minn kull naħa tad-dinja bil-kulturi differenti tagħhom. Jekk mhux se jkollna din id-dar komuni li ngħixu fiha flimkien nispiċċaw induru kontra xulxin.

Irridu nibqgħu pajjiż li ma jerġax iservi ta’ bażi tal-gwerra kontra xi pajjiż ieħor f’dinja li qed tinqasam fi blokok kontra xulxin. Fl-interess tagħna li nkunu fi ħbiberija mal-blokok kollha. F’dinja interdipendenti fejn għandna obbligi Ewropej u internazzjonali xorta rridu nieħdu ħsieb inħaddmu s-sovranita` tagħna bla ma nintelqu niġġebdu minn imneħirna kontra l-interessi tagħna.

Il-politika tal-art imwegħda-vjaġġ kontinwu hi ukoll il-politika li għandna bżonn fid-dinja tagħna, fejn nitgħallmu ngħixu flimkien bla Farawni moderni li jridu jiddominaw, insalvaw il-pjaneta billi ntaffu u kemm jista’ jkun infejqu l-ħsara li għamilnielha fil-klima fin-natura, nevitaw il-gwerer u flok jintefqu l-biljuni fuq l-armamenti jintefqu biex aktar bnedmin jgħixu deċenti u ta’ bnedmin, ħielsa mill-biża’ u mill-bżonn.

Inevitabbli li f’demokrazija ta’ kompetizzjoni elettorali u ta’ kaċċa għall-voti, il-politiku jinqabad kontinwament fid-dilemma li jrid jagħżel bejn il-politika popolari tal-gratifikazzjoni immedjata tal-għoġol tad-deheb u tal-politika responsabbli li taħseb iżjed għat-tul fil-vjaġġ tal-art imwegħda. Jekk jintilef il-bilanċ għal kollox favur il-politika tal-għoġol tad-deheb, jispiċċa jintilef kemm l-għoġol tad-deheb kif ukoll l-art imwegħda. U nidħku bina nfusna, politiċi u ċittadini, kull meta naħsbu li l-għoġol tad-deheb hu l-art imwegħda.

Leħen Marzu 2024