Kien bis-saħħa ta’ mara li mietet u ħadd ma resaq biex jidfinha li beda d-dfin fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.
Fil-21 ta’ Jannar 1872 Anna Magro min-Naxxar indifnet fl-Addolorata wara li kienet mietet fl-Isptar Ċentrali fil-Furjana u ħadd ma ġie jiġborha biex jidfinha. L-awtoritajiet organizzaw id-difna tagħha l-Addolorata. L-għada difnu tarbija ta’ sitt xhur li kienet mietet bil-meninġite.
Iċ-ċimiterju tal-Addolorata kien infetaħ fid-9 ta’ Mejju 1869 għar-residenti tal-Belt Valletta, tal-Furjana u tal-Kottonera. Kien ilu jinbena sebgħa snin. Meta tlesta fl-1869 l-awtoritajiet kienu ordnaw li għal raġunijiet ta’ saħħa l-awtoritajiet ma ridux li l-mejtin jindifnu iżjed fil-knejjes ta’ dawn l-ibliet li kienu l-akbar f’pajjiżna dak iż-żmien.
Ippruvaw iħajru lin-nies jindifnu hemm billi offrew qabar b’xejn lil min kellu qabar tal-familja f’dawk l-ibliet ta’ madwar il-port, billi offrewlhom li jistgħu jużaw il-kappella taċ-ċimiterju għat-talb waqt id-difna. Offrewlhom ukoll quddiesa kuljum għal dawk kollha li jindifnu fl-Addolorata. Imma għal tliet snin ma saret ebda difna fih. Illumm wara 153 sena, hemm iżjed minn 310,000 midfuna fih, ta’ reliġjonijiet differenti u bla ebda reliġjon.
Ma kienx faċli tbiddel drawwa popolari antika. Il-Maltin kien ilhom sekli jidfnu l-mejtin tagħhom, ħlief dawk li mietu b’mard li jittieħed jew ġew mgħallqa b’kastig, taħt l-art fil-knejjes stess. Nafu li sa mill-inqas l-1419 il-familja nobbli de Vagnolo xtrat qabar fil-Kattidral tal-Imdina. Il-bqija tan-nies kienu jindifnu fil-ħamrija bla qabar taħt l-art tal-knejjes.
Meta fl-1575 Monsinjur Pietru Duzina żar Malta biex jara kif il-Maltin qed jgħixu l-ħajja Kattolika tagħhom, sab li kien għad qed isir ħafna dfin ġol knejjes u anki ġol-Kattidral fil-ħamrija direttament mingħajr oqbra. Ordna li d-dfin għandu jsir fl-oqbra.
Għall-ħafna sekli wkoll nies ta’ reliġjonijiet differenti fostna ma kinux jindifnu fl-istess ċimiterju.
Matul is-sekli l-komunità Lhudija f’Malta kellha ċimiterji f’postijiet bħall-Kalkara, il-Marsa, il-Birgu u l-Imdina. Fi żmien il-Kavallieri, l-Ortodossi, għalkemm Insara kienu jindifnu f’ċimiterju apposta għalihom fil-Furjana. Għalhekk inbena ta’ Braxia fl-1857 li beda jilqa’ ġo fih nies ta’ reliġjonijiet differenti bħall-Protestantiżmu, il-Ġudajiżmu u l-Induiżmu. Warajh, fl-1873, inbena ċ-ċimiterju Ottoman għall-Misilmin fil-Marsa.
Tasal ġiraffa Malta
Charles Frederick de Brocktorff li kien ġie Malta fl-1811 ma’ martu u għex magħha u wliedhom għall-bqija ta’ ħajtu fil-Belt Valletta. Wasal meta kellu 29 u miet ta’ 68. Mit-tpinġijiet tiegħu tal-Maltin nistgħu nimmaġinaw daqxejn kief għexu niesna waqt li dejjem irridu nagħrblu x-xogħolijiet ta’ Brocktorff għax iħobb ikun satiriku u jara minn għajnejn Ġermaniż-Daniż li ġie hawn wara s-servizz militari mal-Leġjun Ġermaniż fil-gwerer kontra Napuljun.
Beda’ jpenġi għat-turisti li kienu jżuru Malta u spiss għat-taħlita ta’ Britanniċi, Lhud, Spanjoli, Albaniżi. Griegi, Torok, Marokkini, Ġermaniżi, Alġerini, Svizzeri u Taljani li kienu jgħixu l-Belt fl-ewwel nofs tas-seklu 19.
Fi Triq il-Merkanti Brocktorff ilaqqaghna ma’ purċissjoni nhar l-Erbgħa tal-Irmied bil-fratelli u r-reffiegħa b’wiċċhom mgħotti, bil-kuruna tar-rużarju f’idejhom. In-nies iħarsu mill-ġenb tat-triq, wieħed ineħħi l-kappell b’qima lejn il-purċissjoni iżda s-sinjur ma jneħħix it-tomna. Interessanti li fost il-fratelli u r-reffiegħa hemm irġiel ħafjin u l-oħrajn biż-żarbun. Taż-żarbun huma xi sinjuri li kellhom xi wegħda?
Tpinġija wara oħra nistgħu nibqgħu sejrin hekk, nosservaw u nistaqsu u nippruvaw nibnu stampa ta’ dawk li ġew qabilna fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Ikollna ninfdu l-qoxra sabiħa li jtina l-artist b’tifkiriet folkloristiċi ta’ niesna, kartolini-souvenirs għat-turisti, fejn il-faqar, il-ħmieġ, il-mard, it-tallaba ma jidhrux fil-kruha tagħhom. Brocktorff jagħtina u jgħattilna r-realta’ diffiċli ta’ niesna dak iż-żmien b’ħafna rtokk sabiħ u kkulurit.
Tpinġija minnhom turina ġiraffa u żewġ Eġizzjani mqabbdin jieħdu ħsieba u jwassluha ħajja mill-Kajr sa Londra. Kienet qattgħet ix-xitwa f’Malta meta għaddiet minn hawn u telqet f’Mejju 1827. Kienet ir-rigal tal-Viċi-Rè tal-Eġittu Mohammed Ali lir-Re Ġorġ IV.
Kienet l-ewwel ġiraffa li aktarx ġiet Malta u l-ewwel waħda li marret l-Ingilterra u qajmet interess kbir f’Malta u fl-Ingilterra. F’Londra nżammet fil-park ta’ Windsor. Imma għexet sentejn biss.
Torċa 2 Novembru 2025