Grupp ta’ xjenzati Ċiniżi mill-oqsma tal-intelliġenza artifiċjali u tal-istudju tal-moħħ f’dawn l-aħħar erba’ snin ħadmu fuq riċerka li fis-snin li ġejjin tista’ twassal biex permezz ta’ testijiet tad-demm tagħha, persuna ssir taf li jista’ jkollha d-demenzja 15-il sena oħra u għalhekk tista’ tieħu passi fil-ħin biex twaqqaf u tevita l-alzheimer u d-demenzja.
L-alzheimer hija marda li tħassar il-moħħ u fuq medda taż-żmien tinbidel f’demenzja u tolqot ħażin il-memorja u l-mod kif taħseb. Huwa stmat li f’Malta kellna 6,552 bid-demenzja fl-2018 (ftit aktar minn 1% tal-popolazzjoni) u mistennija tittrippla għal 14,117 fil-25 sena li ġejjin. Bejn l-1990 u l-2021 irduppjaw dawk li jbatu bid-demenzja fid-dinja, l-aktar fiċ-Ċina fejn in-numru ta’ nies bid-demenzja ittrippla.
Ix-xjenzati Ċiniżi qed jaħdmu fl-Università ta’ Fudan. Qed jistudjaw 1463 plażma proteini fid-demm ta’ persuni jbatu mid-demenzja u ta’ dawk li ma jbatux mid-demenzja u jaraw id-differenza ta’ bejniethom.
Permezz tal-intelliġenza artifiċjali jistgħu jieħdu kampjun wiesgħa ħafna u jaħdmu fuq kif jeffettwaw lil xulxin, fuq ħafna nies, flok fuq ftit kif kien isir s’issa.
S’issa ħafna persuni li jbatu bl-alzheimer u bid-demenzja qed jinqabdu wisq tard biex jieħdu passi biex jevitaw dan il-mard li jħassar il-moħħ. Jekk jinstab li tista’ tbassar l-elzhemier u d-demenzja sa 15-il sena qabel ma jibdew, hemm ċans kbir li twaqqaf dan il-mard qabel ikun tard wisq. S’issa laħqu preċiżjoni ta’ 90% fit-tbassir tagħhom.
Il-vantaġġi kbar ta’ riċerka bħal din hi li jekk ċerti testijiet tad-demm jistgħu jbassru l-alzheimer u d-demenzja jkunu orħos għax m’għandekx bżonn tuża’ ‘ritratti elettroniċi tal-moħħ’ tal-pazjent. Aktar pajjiżi jkunu jistgħu jużawhom. Importanti wkoll li ma jkollhokx bżonn tmiss il-moħħ b’xi interventi invażivi li dejjem huma riskjużi u delikati ħafna fil-moħħ.
Min hu ħalliel tajjeb?
Il-famuż ħalliel Abu Uthman li kien jgħix fil-belt ta’ Bagdad madwar 1300 sena kien jgħid lill-ħallelin sħabu: “Jien qatt ma sraqt lil min joqgħod ħdejja. Qatt ma sraqt persuna twajba, jew mara jew xi dar b’xi familja li m’għandhiex raġel jieħu ħsiebha. Jekk xi ħadd ittradieni ma ttradejtux lura biex inpattihielu.”
Fost id-dixxipli ta’ Abu Uthman kien hemm Ibn Hamdi al-Ayyar. Dan il-ħalliel kien jgħid li hu qatt ma jisraq lil min għandu ftit ġid inqas minn 1000 dirham. Kien jgħid: “Min jilqgħek ġo daru u jagħtik tixrob jew xi ħadd isellimlek u ssellimlu lura, m’għandekx dritt tisirqu.”
Adham ibn Asqala. ħalliel ieħor magħruf li kien jgħix fl-istess żmien tal-Abbasid fis-seklu 7 fit-testment tiegħu lill-ħallelin sħabu kien qalilhom; “Tisirqux mara, tisirqux lil xi ħadd li jgħix ħdejkom, tisirqux fqir jew lil xi ħadd li jkun għaddej għall-affari tiegħu. Jekk tisirqu dar, isirqu biss nofsha u ħallu n-nofs l-ieħor għal dawk li joqogħdu fiha biex ikollhom biex jgħixu. Tkunux ħallelin diżonesti.”
Fis-seklu 7 il-Kalifat Abbasid, kien mexxa bil-għaqal il-belt ta’ Bagdad u saret magħrufa għax-xjenza, il-kultura, l-arti u l-invenzjonijiet tant li dan il-perjodu jitqies bħala ż-Żmien tad-Deheb tagħha.
Il-ġid kbir li nħoloq fil-belt ġibed lejh nies mill-aqwa minn kull qasam, inkluż ħallelin. Kien hemm ħallelin meqjusa filosfi u għorrief u mhux sempliċiment kriminali bla skruplu, jisirqu lil kulħadd. Kellhom regoli lil min tisraq u lil min ma tisraqx.
Imma jista’ jkun hawn ħallelin “tajbin” u ħallelin “ħżiena”, ħallein onesti u ħallelin diżonesti? Kristu ssallab bejn il-ħalliel it-tajjeb u l-ħalliel il-ħażin. Hemm tagħlim Nisrani li jgħid li aħna b’xi mod jew ieħor, lkoll midinbin, bħall-ħallelin imsallba ma’ Kristu.
L-istess tagħlim jgħid li wieħed jitqies tajjeb għax iddispjaċih x’għamel u talab maħfra u l-ieħor, il-ħażin, ma ddispjaċih xejn u ma talab l-ebda maħfra.
Skont il-ħallelin għorrief u filosfi ta’ Bagdad fi żmien l-Abbasid, id-differenza bejn il-ħalliel it-tajjeb u l-ħalliel il-ħażin hi li tal-ewwel jisraq imma jżomm ċerti regoli u jisraq lil ċerti sinjuri biss u l-ħalliel il-ħażin jisraq lil kulħadd u m’għandu skrupli ta’ xejn.
Missili jew kura
Mart ħabib tiegħi daħlet l-isptar Mater Dei għal operazzjoni serja ħafna. Ġietha tajba li qabduha mill-bidù. L-operazzjoni damet siegħat twal. Jidher li rnexxiet. Awguri li tirpilja sew. Ma ħalsux ċenteżmu wieħed għal operazzjoni li tiswa eluf kbar ta’ euro. L-operazzjoni titħallas mit-taxxi taċ-ċittadini.
B’popolazzjoni ta’ 545,405 Malta għandha 0.01% tal-popolazzjoni tad-dinja li hi 8 biljun. Il-ġid nazzjonali tagħna hu ta’ madwar €24 biljun, farka żgħira ħafna minn dinja li l-ġid globali tagħha hu ta’ €115 triljun.Din is-sena qed nonfqu €95 miljun fuq il-militar. L-anqas jirnexxielna nixtru nofs missila interkontinetali li tiswa’ £214 miljun kull waħda.
Is-sena li għaddiet fuq il-qasam tas-saħħa pubblika infaqna 14.1% tan-nefqa pubblika u 1.2% biss fuq il-militar. Is-sena li għaddiet konna l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li ma żidniex in-nefqa militari.
F’liema pajjiż tippreferi tgħix: fejn pajjiż bla anqas missila waħda imma jekk ikollok bżonn, tidħol l-isptar għal operazzjoni serja fi sptar pubbliku, joperawk, ifejquk u ma tħallas xejn? Jew fejn pajjiż mimli missili imma jekk ikollok bżonn operazzjoni serja u jekk ma jkollokx assigurazzjoni privata, iħalluk tmut?
Tagħtih tort lill-ħabib tiegħi tara lill-martek jieħdu ħsiebha tajjeb ħafna l-isptar bla ħlas, tintuża anki r-robotika biex tiġi operata u jgħid “Is-soċjal demokrazija hija unika.”
Is-selfie
Dan huwa ż-żmien tas-selfie,
kull ħin u kull mument
b’kantanta liebsa porno
ma’ Papa, President.
Ma’ qraba f’ġenoċidju
u waqt il-karnival
ma’ pazjent f’qiegħ ta’ sodda,
solenni f’funeral.
Mal-banda waqt il-festa
mal-folla għall-ballun
ma’ tifel ġo xi wheelchair
ma’ suldat fuq kanun.
Selfie ma’ gaj ħaddiema
niddeffes quddiem nett
Bla selfie d-dinja tieqaf
ma jsir l-ebda proġett.
Selfie ġo coffee morning
nidher ngħannaq, inbus
u ntella’ lili nnifsi
għax għandi wiċċ gustuż.
Bis-selfie nsolvi kollox
nirranġa kullimkien,
l-aqwa li fuq il-Facebook
f’kull post ikun hemm jien.
Noħloq dinja perfetta,
b’kulħadd ferħan, kuntent.
Jagħmilli ‘like’ f’kull selfie
kull ħin u kull mument.
Leħen Lulju 2025