Dawk li jemmnu li t-tilqim MMR iġib l-awtiżmu fit-tfal u jagħmel ħsara lis-saħħa ferħu li Donald Trump għażel lil Robert F Kennedy Jr biex imexxi l-qasam tas-saħħa fil-gvern ġdid tiegħu.
Imma tobba u esperti mediċi huma nkwetati li ċerti fehmiet ta’ Kennedy huma żbaljati ħafna, bla provi li t-tilqim jagħmel il-ħsara li qed jgħid u perikolużi u jistgħu jwasslu għall-mewt u d-diżabilita’ ta’ miljuni jekk jilħaq hu u jħaddimhom bħala politika tal-gvern.
Dwar li t-tilqim tat-tfal iġib l-awtiżmu Kennedy jsemmi studju ta’ Andrew Wakefield tal-1998. Dan l-istudju ntwera li hu żbaljat.
It-tilqim tat-trabi MMR (kontra l-measles, mumps u r-rubella) jsalva miljuni tat-tfal mill-mewt u minn diżabilitajiet.
Il-measles, mumps u ribella huma nfettivi ħafna u jistgħu jwasslu għal meninġite, tagħma jew tittarrax. Meninġite: infjammazzjoni f’moħħok u fis-sinsla.
Jekk tittieħed u tkun tqila tista’ titlef it-tarbija jew titwilidlek mejta.
Kennedy jgħid li hu u wliedu huma mlaqqmin u li hu mhux kontra kull tilqim. Jgħid li jrid li t-tilqim jiġi ttestjat iżjed qabel jingħata.
Imma sas-sena li għaddiet reġa’ rrepeta li t-tilqim tat-tfal iġib l-awtiżmu.
Dawk li huma kontra kull tilqim ferħu ħafna li Trump irid lil Kennedy.
L-istudju tal-1998 kien ġie ppruvat li kien falz u żbaljat u mhemm l-ebda rabta bejn it-tilqima MMR u l-awtiżmu.
Hawn xorta ġenituri li ma jlaqqmux lit-trabi tagħhom.
Ferm aktar minn ħarir
Fadlilha tlet xhur oħra l-wirja dwar ‘It-triq tal-ħarir’ fil-British Museum, Londra, li tirrakkonta kif ir-rotot kummerċjali ġabu f’kuntatt ħaj flimkien il-popli li kienu jgħixu fl-Asja, l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq.
Il-kummerċ huwa ferm iżjed minn skambju ta’ prodotti mil-lvant għall-punent u mill-punent għal-lvant: huwa kuntatt ta’ popli differenti u kif ibiddel il-ħajja tagħhom minn Spanja sal-Indja, mill-Iżvezja sal-Eġittu, miċ-Ċina sal-Iran.
Influwenzaw kull qasam tal-ħajja: mill-matematika sal-mużika, mill-inċens sal-ilsna, mill-mediċina sal-ikel, mit-teknoloġija sar-reliġjonijiet.
Mhux tad-dlam
Ir-rotot jużaw, ix-xwieni, il-ġmula, żwiemel u ljunfanti biex jaqsmu l-muntanji, id-deżerti, l-ibħra u bejn is-seklu 5 u 10 nisġu flimkien ċiviltajiet differenti, reliġjonijiet, negozji, arti u drawwiet u nfluwenzaw lil xulxin u flimkien ħolqu rejaltajiet ġodda fi żminijiet li darba kienu jissejħu tad-dlam u llum, aktar ma nsiru nafu dwarhom, aktar naraw li ma kienu xejn tad-dlam.
F’dawn ir-rotot ivvjaġġaw suldati, patrijiet, ilsiera, neguzjanti, skulari, artiġjani, diplomatiċi u artisti tad-divertiment.
Bla fruntieri
Popli li kienu meqjusa barbari minn dawk li kellhom attutudni arroganti u superjuri, ħolqu kulturi sħaħ li għadek tista’ tara x’fadal tant sabiħ f’bini u xogħolijiet artiġġjanali ta’ statwi, pitturi fuq il-ħitan f’palazzi u f’oqbra, fil-qalba ta’ bliet, f’tempji Buddisti, Induisti, Taoisti, moskej Iżlamiċi, sinagogi Ebrajċi u knejjes Insara.
Imma tara anki żarbuna tal-injam infurrats bid-drapp li kienu jilbsu n-nies komuni.
Taħlit għal ġid
Dawn ir-rotot kummerċjali servew mhux biss biex ġabu fostna fl-Ewropa u l-Mediterran il-ħarir li vvintaw iċ-Ċiniżi, imma nifdu l-fruntieri u wessgħu l-orizzonti u ġabu taħlit li għamel ħafna ġid fost il-popli jgħixu f’artijiet differenti tant imbiegħda minn xulxin.
Il-wirja turi li jista’ jkollna ħajja fejn nistgħu ngħixu flimkien flok niddominaw, naħkmu, noqtlu u neqirdu lil xulxin f’imperi jikkompetu bejniethom bil-forza militari.
Bidliet, konverżjonijiet reliġjużi, tixrid ta’ ilsna bit-traduzzjonijiet ta’ kotba xjentifiċi, reliġjużi u letterarji ħadu ż-żmien u daħlu bil-mod.
L-ebda identita’ tal-ebda pajjiż ma tiżviluppa iżolata minn identitajiet oħra. Jitħaltu u jibdlu lil xulxin.
Torċa 1 Diċembru 2024