You are currently viewing Koalizzjoni biex ma ninbidlux?

Koalizzjoni biex ma ninbidlux?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Bi spirtu patrijottiku, inħobbu lil Malta.

Bi spirtu partiġġjan. Nobogħdu lil xulxin iżjed milli nħobbu lil Malta.

Kellna nies bi spirtu patrijottiku meta kien għadna kolonja. Għandna nies bi spirtu partiġġjan meta llum mhux suppost għadna kolonja.

Kien għadna kolonja tal-Imperu Brittaniku meta fit-2 ta’ Marzu 1945 saret logħba futbol bejn Malta u l-Hajduk Split.

Qabel il-logħba ndaqqu l-innijiet tar-Renju Unit u tal-Jugoslavja.

Imma ma ndaqqx l-innu Malti għax ma konniex nazzjon u r-Re Ġorġ VI kien ir-re tagħna.

Il-folla li nġabret għal-logħba qamet u bdiet tkanta l-innu Malti.

Il-poeta Rużar Briffa fakkar dan il-mument patrijottiku bil-poeżija tiegħu ‘Jum ir-rebħ’.

Għall-ġid tal-poplu tagħna

Ma kienx qed jirreferi għal min rebaħ il-logħba iżda għar-rebħa tal-ispirtu patrijottiku tal-folla tgħid bi kburija:

“Jien Maltija, miskin min ikasbarni, miskin min jidħak bija.”

Il-folla qamet rebbieħa “fuq ngħas l-imgħoddi ġwejjef / xħin ruħna kienet rieqda ġo sodda barranija.”

Dan ġara 19-il sena qabel l-Indipendenza.

60 sena wara l-Indipendenza għad għandna min hu rieqed fl-imgħoddi ġwejjef ġo sodda barranija.

Għad għandna min għandu spirtu partiġġjan fejn jobgħod lill-gvern tal-ġurnata, aktar milli jħobb lil Malta. Iħeġġeġ lill-barranin biex ikasbruna.

Aktar ma nħobbu lill-pajjiżna u lill-poplu tagħna, aktar irridu nagħmlu li nistgħu biex insewwu n-nuqqasijiet tagħna. Kull pajjiż għandu n-nuqqasijiet tiegħu.

Imma aħna rridu nkunu biex insewwu bis-serjeta’ n-nuqqasijiet tagħna, mhux biex nidhru sbieħ mal-barranin iżda għax hekk hemm bżonn għall-ġid tal-poplu tagħna.

Jivvotaw b’għajnejhom miftuħa

Sondaġġ politiku li ħareġ Vincent Marmara nhar is-Sibt 12 ta’ Ottubru 2024  (VM sondagg final (vincentmarmara.com) juri lill-Partit Laburista bħalissa fuq quddiem bi 12,000 vot (4.2%) iżjed mill-PN u bl-ebda partit politiku m’għandu iżjed minn 50% tal-voti.

Il-PL għandu 48.3% u l-PN 44.1%. Dan juri tnaqqis ta’ 6.8% għall-PL u żieda ta’ 2.4% mill-aħħar elezzjoni ġenerali 2022.

Robert Abela jgawdi l-fiduċja ta’ 32% tal-elettorat u Bernard Grech 24% tal-elettorat. 14.4% ma jafdaw lil ħadd.

20% qed jgħidu li ma jridux jivvotaw. 15% huma indeċiżi. Fosthom hemm dawk li se jiddeċiedu jivvotawx u jekk iva, għal min, fuq skont kemm ikunu konvinti li partit jew ieħor kapaċi jiffaċċja bis-serjeta’ l-problemi kkumplikati ħafna ta’ pajjiż fgat bil-barranin, bil-karozzi u bil-bini u l-qerda tal-ambjent naturali.

L-ebda partit ma jista’ jserraħ rasu li se jirbaħ l-elezzjoni li ġejja u li suppost issir fl-2027.

Naqsu dawk li jivvotaw lill-partiti b’għajnejhom magħluqa.

Żdiedu dawk li m’għandhom fiduċja fl-ebda partit u dawk li mhumiex interessati fil-politika.

Dawk bejn 15 u 24

Ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ ma jagħtix l-etajiet ta’ dawk li tbiegħedu u qed jitbiegħedu mill-partiti. Stħarriġ li sar mill-Eurobarometer f’Ġunju/Lulju 2024 wera li l-aktar li għandhom sfiduċja fil-partiti u fil-politika huma ż-żgħażagħ bejn 15 u 24.

42% minnhom qalu li ma vvutawx fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2024.

It-tliet tweġibiet ewlenin ta’ dawk inġenerali li ma vvutawx f’dawk l-elezzjonijiet:

1. Nuqqas ta’ fiduċja fil-politika, mhux sodisfatt/a bil-politika inġenerali (56%)

2  Mhux interessat/a fil-politika (31%).

3. Il-vot ma għandu ebda konsegwenza/ il-vot ma jibdel xejn (21%).

Koalizzjoni

Iż-żewġ partiti ewlenin qishom f’koalizzjoni biex iħallu l-affarijiet kif inhuma – anki dawk li qed idejqu lin-nies.

In-nies imdejqin li qed jibqa’ tiela’ bini eżaġerat u qed ikomplu jintilfu l-ispazji li fadal u l-ftit ambjent naturali li baqagħlna, kemm fil-kampanja kif ukoll ħdejn il-baħar.

Iż-żewġ partiti ewlenin huma favur li fil-bajja ta’ San Ġorġ titla binja ġganteska oħra għal 24,000 ruħ b’789 appartment, b’lukanda ta’ 247 kamra u 16,000 metru kwadru ta’ uffiċini f’binja ta’ tliet torrijiet, wieħed ta’ 34 sular u tnejn oħra ta’ 27 sular f’kumpless residenzjali, turistiku u kummerċjali.

Meta l-partiti ewlenin ma joffrux alternattiva għal xulxin ħlief bejn ħażin u agħar, ikun falliment mhux biss tal-partiti, iżda tad-demokrazija f’pajjiżna. Aktar votanti qed jaraw lill-partiti ewlenin fil-but tan-nies tal-flus. Tant li fit-tmexxija tal-partiti hemm min aktar jinkwieta jara lil xi kuntrattur imur man-naħa l-oħra milli meta jara aktar nies jitbiegħedu mill-partit.

Mhux ta’ b’xejn li aktar nies qed jitilfu l-fiduċja fil-partiti ewlenin u jitbiegħedu mill-politika.

Torċa 27 Ottubru 2024