You are currently viewing Kif waslet is-siġra kolonjali

Kif waslet is-siġra kolonjali

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:5 mins read

Anki prodotti, modi u drawwiet li għandhom x’jaqsmu mal-Milied  li jidhru innoċenti jinfirxu fid-dinja skont is-saħħa tal-forzi internazzjonali kummerċjali, militari, politiċi u kulturali, b’dawk b’saħħithom jidħlu fuq il-bqija.

Is-siġra tal-Milied inxterdet fost il-familji Maltin u Għawdxin xi ftit qabel dawk Sqallin.

Aktarx li s-siġra waslet f’pajjiżna fil-bidù tas-seklu 20 permezz tal-Gvernaturi li kienu jirrapreżentaw lill-Monarkija għax aħna konna kolonja tal-Imperu Britanniku. Kienu bdew iżejnu biha fil-palazz u dawk il-Maltin li kienu jduru magħhom tagħhom tħajru jimitawhom.

Kienet il-familja rjali li bdiet id-drawwa fir-Renju Unit stess meta fl-1848 ‘The Illustrated News’ xandret inċiżjoni tar-Reġina Vittorja u Prinċep Albert madwar is-siġra. Huwa kien ġab siġra tal-Milied mill-Ġermanja fejn kien twieled u trabba u ried irawwem lit-tfal f’din id-drawwa.

Imma anki fir-Renju Unit stess, id-drawwa nxterdet bil-mod qalb il-familji sinjuri li kienu fost l-ewwel li bdew jimitaw lill-familja rjali. Imbagħad ħadet aktar żmien biex tinxtered qalb il-bqija tal-popolazzjoni. Il-ħafna fqar fl-ibliet tar-Renju Unit ma tantx kellhom moħħ jew flus għas-siġra tal-Milied.

Tant li fil-bidù tas-seklu 20 insibu organizzazzjonijiet jiġbru l-flus biex jixtru siġar tal-Milied anki lill-familji l-fqar.

Anki f’pajjiżna s-siġra tal-Milied damet ma daħlet id-drawwa anki għax għal ħafna snin fl-ewwel nofs tas-seklu 20, ħafna familji kienu jgħixu fil-miżerja. Ma kellhomx flus għall-bżonnijiet ta’ kuljum, aħseb u ara għas-siġra tal-Milied. Dak iż-żmien l-aktar li kienu jaslu hu li jarmaw il-presepju f’xi rokna d-dar u l-Bambin tax-xemgħa fit-tieqa ta’ barra. Mill-Milied tas-sena 1921 ‘il quddiem, San Ġorġ Preca kien ħadem ħafna biex idaħħal id-drawwa tal-presepju u tal-Bambin fil-gżejjer tagħna.

Reliġjon, kummerċ, gwerra

Kien fl-aħħar 70 sena li s-siġra tal-Milied bdiet issir aktar popolari fostna mindu l-Milied kien sar parti mill-industija tad-divertiment fl-Istati Uniti fis-snin 30 u bdew jipproduċu u jesportaw siġar tal-Milied tal-plastik. Waslu anki Malta. Magħha waslu wkoll tiżjin ieħor li beda’ jintrema’ mas-siġra nnifisha, bħad-dwal u tiżjin ieħor għad-dar. Waslu wkoll drawwiet oħra tal-ikel u xorb għall-festi tal-Milied.

Is-siġra tal-Milied, id-dundjan, il-pudina … huma kollha parti minn kif bħala kolonja bdejna niddakkru mid-drawwiet ta’ dawk li ħakmuna. Qabel kellna ikel ieħor fuq l-imwejjed tagħna u kellna drawwiet oħra għall-festa tal-Milied li kienet tiġi ċelebrata bħala t-twelid ta’ Ġesù Kristu.

Maż-żmien il-festa kollha tal-Milied kompliet tinbidel fostna minn – waħda reliġjuża għal waħda kummerċjali – bħala parti mill-bidliet li bdew u għadhom għaddejjin fil-parti tad-dinja nfluwenzata ħafna mill-Istati Uniti.

Fl-Italja kienet ukoll il-familja rjali li bdiet id-drawwa tas-siġra tal-Milied. Il-Prinċipessa Margerita ġabitha wkoll mill-Ġermanja fejn trabbiet qabel iżżewġet 156 sena ilu lill-kuġin prim tagħha Umberto I li kien imexxi l-Italja. Il-familji rjali ta’ pajjiżi differenti Ewropej kienu jiżżewġu għand xulxin bħala strateġija biex ixerdu u jsaħħu l-poter tagħhom fis-saltniet tagħhom u biex fejn jaqblilhom jagħmlu alleanzi ma’ familji rjali oħrajn.

Il-moda tas-siġra tal-Milied bdiet tinxtered mal-Italja, l-ewwel fost il-familji sinjuri li riedu jimitaw lill-familja rjali

F’pajjiż kbir bħall-Italja, bħala peniżola twila u b’ħafna gżejjer u rħula u bliet imferxin u mbiegħedin, tifhimha li l-bidliet tad-drawwiet jieħġdu fit-tul. F’ħafna mill-Italja l-familji żammew it-tradizzjonijiet tagħhom tal-Milied li kellhom għal snin twal.

Il-kittieb Sqalli Andrea Camilleri jgħidilna li s-siġra tal-Milied waslet fi Sqallija fl-1943 meta waslu s-suldati Amerikani waqt it-Tieni Gwerra Dinjija biex jaqilgħu l-ħakma Nażista ta’ Hitler mill-Italja.

Il-bidliet fid-drawwiet soċjali u kulturali huma magħġuna mill-iżvilupp tar-rejaltajiet ekonomiċi, militari u politiċi. Spiss il-bidliet jintrikbu fuq xulxin bħall-mewġ: taħlita ta’ kontinwità u tiġdid. Imma anki dak li jifdal minn qabel jinbidel għax ikun qed jgħix f’rejaltajiet ġodda.

Torċa 22 Diċembru 2024