You are currently viewing Kif teduka pappagall?

Kif teduka pappagall?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Kif teduka pappagall injorant, ma jafx il-Kotba Mqaddsa bl-amment u
jġib ruħu ħażin?
Ħallas tajjeb partita nies biex jagħmlulu gaġġa tad-deheb, qabbad
oħrajn jagħmlu kotba kkuppjati u oħrajn jimlewlu żaqqu bihom tant li
spiċċa “gerżumtu misduda b’tant paġni … li la seta’ jsaffar u lanqas
ipespes.”
Meta ta b’munqaru biex jipprova joħroġ mill-gaġġa tad-deheb, rabtulu
siequ b’katina u “qasqsulu t-truf ta’ ġwenħajh.” Jibqa’ sejjer lura imma
ħadd ma jagħti kas sakemm …
“L-għasfur miet.”
Din hija l-istorja qasira li Rabindranath Tagore ħareġ fl-1918 u issa
qalibha għall-Malti Terence Portelli bi tpinġijiet ta’ Shokofeh Ghafari,
pubblikazzjoni ta’ Horizons.
Hija parabbola qawwija dwar sistemi edukattivi li jħarrġu lit-tfal biex
ikunu pappagalli jitgħallmu bl-amment, fejn fis-sistema kollha l-inqas
li jingħataw importanza huma t-tfal stess … sistemi li żgur ma jgħinux
lit-tfal ikabbru ġwenħajhom biex jitgħallmu jtiru ħielsa waħedhom.
Terence Portelli jistedinna nirriflettu:
“Xi kwalitajiet tajjeb li jkollhom dawk li jmexxu l-edukazzjoni?”
“X’post għandu jkollhom l-istudenti fit-tagħlim; is-sehem tad-dar u
tal-komunita’; l-għerf, il-valuri u l-ħiliet tal-edukaturi; x’jagħmel
edukazzjoni effettiva; b’liema kotba u riżorsi l-aħjar teduka?”
L-Indjan Rabindranath Tagore li għex bejn l-1861 u 1941 kien jgħid li
“L-edukazzjoni mhux qed timla’ barmil iżda tixgħel in-nar.” Kien
jgħid: tillimitax lit-tfal għal dak biss li taf int għax huma twieldu fi
żmien differenti.
Kien jgħid ukoll li l-għerf, (mhux sempliċi informazzjoni) mingħajr
azzjoni ma jiswa xejn.

Futur u feriti

Mietet aktar kmieni dan ix-xahar fl-eta’ ta’ 95 sena. Kellha d-dimenzja
imma baqgħet tiftakar lil Malta.
Il-qraba tagħha kienu jħobbu jieħdulha xi basket bil-kelma Malta u
qalb ħamra fuqu.
Wiċċha kien jixgħel u kienet tibda titkellem dwar Malta, eċċitata ħafna
u tibda xxejjer idejha.
Tgħid kienet taħseb li qed jarawha xxejjer minn Malta?
Kienet telqet lejn l-Awstralja minn Malta iżjed minn 60 sena ilu,
waħda minn iżjed mill-140,000 elf li emigraw minn Malta u Għawdex
fis-snin 50 u 60, nofs il-popolazzjoni tagħna dak iż-żmien.
57% mill-emigranti marru l-Awstralja.
Illum l-Awstralja għad baqagħlna l-akbar numru ta’ Maltin u
Għawdxin f’pajjiż ieħor: 234,402 imwielda fil-gżejjer tagħna jew
dixxendenti tagħhom.
L-ewwel Maltin li marru l-Awstralja kienu ħabsin, fl-1810.
L-ewwel emigranti mbagħad waslu fl-1838.
Matul is-snin il-Maltin u l-Għawdxin ħadmu iebes biex bnew futur

kemm għalihom, għall-familji tagħhom u kif ukoll għenu jibnu lill-
Awstralja.

Imma l-ferita tal-firda ta’ dawk li telqu u dawk li baqgħu tibqa’ tnixxi
demm li ma jidhirx u ma jiqafx.

Giovanni Niccolo’ Muscat

Kien jismu Giovanni Niccolo` Muscat. Fl-1735 twieled f’familja fqira
fil-belt Valletta u zitu li rabbietlu batiet kemm felħet biex tedukah.
Irnexxielha, tant li laħaq avukat. Kellu ħafna xogħol għax kien kapaċi.
Fl-1775 inħatar l-avukat tal-Ordni tal-Kavallieri.
Kien bniedem reliġjuż imma kien jemmen li l-istat u l-knisja
għandhom ikunu mifruda minn xulxin u l-Papa, l-Inkwiżitur u l-Isqof
m’għandhomx jindaħlu lill-Gran Mastru fit-tmexxija ta’ Malta.
Muscat kiteb diversi kotba fejn argumenta li Malta bħal stati oħra
għandha tkun indipendenti mill-knisja. Hu kien jikkwota lil Kristu:
“Agħtu lil Alla dak li hu ta’Alla u lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri.”
Kien jgħid: “Ir-Repubblika ċivili ma ddumx tgħix wisq mingħajr
reliġjon.” Imma kien iżid: “Dan m’għadux iżjed is-seklu tal-Knisja. Li
kien għalija lill-Isqof inħallilu biss il-baklu u l-mitra.”

L-inkwiżitur kien iqisu perikoluż u għadu tal-knisja għax ried irażżan
l-indħil tal-Papa fit-tmexxija ta’ Malta.
L-inkiżitur għamel minn kollox biex Muscat jitkeċċa mill-ħatra tiegħu
ta’ avukat tal-Ordni biex ma jibqax jinfluwenza lill-Gran Mastru.
Irnexxielu jneħħih f’Jannar 1792 u ntbagħat jgħix barra l-belt Valletta.
Kiseb lura postu u reġa’ tneħħa diversi drabi.
Għamel żmien jgħix fi Sqallija mbagħad ġie lura Malta.
Meta l-Ordni tal-Kavallieri ċediet Malta lil Napuljun Bonapati fl-1798,
kien wieħed minn dawk li mar fuq il-vapur ewlieni Franċiż ‘Orient’
jinnegozja l-kundizzjonijiet li bihom l-Ordni kellha tħalli Malta.
Meta l-Franċiżi bdew imexxu lil Malta ħatru lil Giovanni Nicolo’
Muscat President tal-Qrati Ċivili. Il-Franċiżi neħħew lill-Inkwiżitur
minn Malta biex ma jindħalx aktar fit-tmexxija tal-pajjiż.
Meta beda’ l-ġlied f’Settembru 1798 bejn dawk favur il-Franċiżi u
dawk kontra, il-Franċiżi sfaw assedjati fil-Belt Valletta. Muscat baqa’
tliet xhur magħhom magħluq il-Belt.
F’Novembru 1798 kellu jħalli l-Belt, l-Ingliżi li kienu ġew Malta biex
ineħħu lill-Franċiżi arrestawh u bagħtuh il-ħabs f’Għawdex.

Għamel sentejn fil-ħabs u malli ħallewh joħroġ fis-sena 1800 u l-
Franċiżi kienu tkeċċew minn Malta, huwa telaq lejn Sardinja. Kellu 65

sena. Qatt ma ġie lura Malta. Ma nafux x’sar minnu fil-ħajja tiegħu
f’Sardinja.
Ftit minna l-Maltin jafu dwar Giovanni Niccolo’ Muscat.

M’għandniex kotba popolari bil-Malti dwaru. Mhux biss m’għandna l-
ebda monument jiċċelebrah, lanqas biċċa triq mhi msemmija għalih.

Sirna nafu dwaru bis-saħħa ta’ l-istoriku Frans Ciappara li sab lil
Muscat fl-istudji tiegħu u kiteb dwaru.

Torċa 25 Frar 2024